Grajjiet Kurrenti mill-Lokalita' tagħna.
Tirritorna delegazzjoni minn La Ballme de Sillengy
01 July 2009
 Tard il-bieraħ filgħaxija waslet lura delegazzjoni mmexxija mis-Sindku Noel Formosa, liema delegazzjoni kienet tinkludi lil Viċi Sindku Toni Formosa, lill-Kunsilliera Luġia Grima u Joe Sultana. Lil Lawrence Cauchi li rrappreżenta lill-kumitat tal-Ġemellaġġ u lil Konċetta Mercieca. F’Mejju li għadda il-Viċi sindku Toni Formosa mexxa delegazzjoni oħra lejn Colle Umberto, fejn permezz ta’ din id-delegazzjoni, l-lokalita’ tagħna kienet preżenti sabiex tiċċelebra flimkien mat-Taljani u l-Franċiżi l-ħamsa u għoxrin anniversarju mill-iffirmar ta’ ġemellaġġ ta’ bejniethom. Issa kien imiss li l-istess ċelebrazzjoni ssir ġewwa Franża eżatt f’ La Ballme de Sillengy. Fit-tlett ijiem li għamlet ġewwa La Ballme id-delegazzjoni Lawrenzjana kellha l-okkażżjoni ssegwi mill-qrib realta’ oħra Ewropeja. La Ballme hija lokalita’ fi’ Franza, li tifforma parti minn dik li darba kienet il-parti ta’ fuq tar-Renju Savoja. Hija mdwara bil-muntajni, lagi u bliet sbieħ bħal ma hija dik ta’ Annecy. Waqt din il-mawra d-delegazzjoni tkellmet u wriet il-partikolaritajiet ta’ pajjiżna, liema partikolaritajiet jagħmlu minn pajjiżna, l-gżira u l-lokalita’ tagħna destinazzjoni distinta’. F’diskors li għamel is-Sindku tagħna waqt iċ-ċerimonja uffiċċjali tkellem dwar l-importanza li l-Ewropa tressaq aktar liċ-ċittadini tagħha lejn xulxin. Qal li l-ġemellaġġi kif ukoll skambji simili qishom dik iż-żeriegħa tal-mustarda li għalkemm hija żgħira tagħmel siġra kbira. Id-Delegazzjoni ma naqsitx li fl-okkażżjoni ta’ din iż-żjara titkellem u tirrekklama sabiex aktar nies jieħdu sehem fil-votazzjoni li waslet fl-aħħar tagħha sabiex it-Tieqa tad-Dwejra tiġi ddikjarata bħala waħda mis-sebgħa meravilji tad-Dinja. Il-Franċiżi li laqgħu tajjeb ħafna din id-delegazzjoni, wegħdu s-sapport tagħhom f’ dan ir-rigward. Ta’ min isemmi li l-kuntatti bejn San Lawrenz u La Ballme ilhom għaddejjin u l-istess franċiżi kienu jkunu mistiedna jattendu kull attivita’ li għaliha kienu jkunu mistiedna ta’ Colle Umberto, l-lokalita’ ġemella tagħna.
Suċċess kbir għall-istudenti ta’ l-iskola tagħna fl-aħħar ezamijiet
23 June 2009
 Bħallissa huwa żmien il-ħsad! Fl-aħħar ġimgħat saru l-eżamijiet li għal diversi studenti huma determinanti ħafna. Fosthom għall-istudenti ta’ l-iskola Primarja tagħna. Wara sena ta’ ħidma l-istudenti qed jirċievu r-riżultati li matul is-sena ħadmu għalihom. Bħas-snin preċedenti l-iskola tagħna, l-iskola Primarja Dun Salv Portelli, kellha persentaġġ għoli ta’ sudenti li mhux biss għaddew imma wkoll kisbu punti tajbin u tajbin ħafna fir-riżultati. L-ewwel riżultati li ġew ppubblikati kienu dawk ta’ l-iskejjel privati li fihom ukoll inkisbu riżultati tajbin. Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ħareġ ir-riżultat ta’ l-eżamijiet tal-Junior Lyceum li fih 87 fil-mija ta’ l-istudenti għaddew b’marki tajbin ħafna. Il-Kunsill Lokali fi stqarrija feraħ lil dawn l-istudenti għal dan is-suċċess miksub għalihom stess. Huwa ħeġġiġhom biex ikomplu jirsistu sabiex ikomplu mexjin il-quddiem. Feraħ ukoll lill- iskola Primarja tagħna b’mod partikolari lill-għalliema kollha għal impenn tagħhom favur uliedna. Il-Kunsill temm din l-istqarrija billi sejjaħ dan ir-riżultat bħala stqarrija pubblika ta’ l-impenn ta’ l-iskola tagħna. “Dan ir-riżultat huwa frott tax-xogħol imwteqqa mill-għalliema flimkien mal-ġenituri .” Sadanitant l-iskola primarja tagħna ppubblikat ukoll il-fuljett annwali tagħha bl-isem "Imsiebaħ Żgħar" liema fuljett ikompli juri l-impenn serju ta’ l-iskola tagħna, kif ukoll il-kreattivita’ li l-istudenti tagħna kapaċi joħorġu biha.
Żewġt it-tfal jirċievu lil Ġesu għall-ewwel darba...fil-Festa tal-Korpus
15 June 2009
 Nhar il-Ħadd li għadda, il-Knisja f’ Malta kif ukoll f’diversi pajjiżi tad-dinja ċċelebrat bl-iktar mod sollenni l-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jew kif nafuha aħjar il-Festa tal-Korpus. Din il-ġurnata kellha sinjifikat akbar pero, fil-parroċċa tagħna għaliex żewġt it-tfal Luke Cilia u Eric Portelli, irċivew għal ewwel darba l-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Kienet festa ħelwa li fiha nvolviet ruħha l-kommunita’ kollha. Għallewwel darba fl-istorja tal-parroċċa tagħna din il-festa u l-purċissjoni saret f’ħin pjutost kmieni. Fit-8.30 am kulħadd kien miġbur fil-Knisja fejn il-Kappillan akkumpanjat mill-vigarju parrokkjali u l-abbatini mxew proċessjonalment lejn l-artal. Fl-omelija tiegħu l-Kappillan saħaq fuq l-importanza ta’ l-ewkaristija u enfasizza li lil Alla għandna nagħtuh l-aħjar mhux miż-żejjed li jifdal. X’ħin wasal ħin it-tqarbin Luke u Eric, lebsin b’ilbies abjad resqu lejn l-artal sabiex għall-ewwel darba wara preparazzjoni xierqa biex jirċievu lil Ġesu, “l-aqwa ħabib tagħhom”. Wara l-quddiesa f’għodwa kareterizzata mix-xemx, il-kappillan b’Ġesu Ewkaristija f’idejh taħt il-baldakkin merfugħ mill-membri tal-fratellenza tas-sagrament, mexa proċessjonalment madwar it-toroq prinċipali tar-raħal tagħna. Il-kommunita’ imxiet wara Ġesu Ewkaristija filwaqt li t-tfal imxew quddiem ixerdu fjuri ma l-art sabiex Ġesu jkun jista’ jgħaddi minn fuqu, tradizzjoni ħelwa li hija marbuta ma din il-Festa li l-ergħuq tagħha jinsabu fl-imħabba ġenwina li l-poplu tagħna dejjem kellu lejn l-Ewkaristija.
Dun Joseph Curmi ...saċerdot.
14 June 2009
 Nhar is-Sibt li għadda fil-katidral ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech amminstra s-sagrament ta’ l-ordni sagri lil tlett djakni. Fosthom lid-Djaknu Joseph Curmi li għal dawn l-aħħar snin serva lill-kommunita’ tagħna. Is-Saċerdoti l-oħra li bħal Joseph irċivew dan is-sagrament huma Dun Anthony Bajada, u Dun Richard N. Farruġia. Dawn it-tlett saċerdoti li tlieta li huma ġejjin mill-parroċċa ta’ Marija Bambina x-Xagħra, għandhom komuni wkoll li t-tlieta li huma f’ xi żmien jew ieħor ħaddmu fil-kommunita’ tagħna. Il-kommunita’ tagħna uriet dan l-apprezzament għal dan ir-rigal sabiħ billi bi ħġarha attendiet kemm għall-velja ta’ talb li saret fis-Seminarju l-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju kif ukoll nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju l-kommunita’ tagħna attendiet, segwiet u talbet ma dawn is-saċerdoti waqt il-quddiesa speċjali li saret fil-katidral fejn l-Isqof Mario Grech amministra dan is-sagrament. Joseph, (l-isem li bih sejjaħlinu s’issa) kif konna ħabbarna fuq dan is-sit, dan l-aħħar kien ikun fostna mhux biss fi tmiem il-ġimgħa imma wkoll kien jgħix fiżikament magħna fid-dar parrokkjali mal-Kappillan u l-Viċi. Dan il-fattur għen ħafna sabiex Joseph jidħol aktar fil-ħajja tal-kommunita’ tagħna. Huwa kien responsabbli tal-group ta’ l-istudenti u l-abbatini. Illum il-Ħadd Joseph qaddes l-ewwel quddies tiegħu fil-kommunita’ tagħna. Ma setax jonqos li kien ta’ pjaċir kbir tagħna bħala kommunita’ li rajna u segwejna lil Joseph fit-triq tiegħu lejn is-saċerdozju. Fil-bidu tal-quddiesa l-kappillan f’isem il-kommunita’ laqa u feraħ lil Joseph, il-ġemgħa miġbura rreaġixxiet permezz ta’ ċapċipa li kienet tinħass verament mill-qalb. Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li Joseph sa meta jasal ż-żmien li jħalli xtutna ser ikompli l-missjoni saċerdotali tiegħu fil-parroċċa tagħna. Aħna mill-ġdid u minn qalbna ngħidulu MERĦBA fostna u AD MULTUS ANNOS!
L-aħħar sforz
09 June 2009
 Dalgħodu meta ċċekkjajna fuq is-site www.new7wonders.com, ħadna l-aħbar kif ukoll is-sorpirża li t-Tieqa tad-Dwejra tinsab fl-14-il post fit-tellieqa tagħha fil-kompetizzjoni mondjali biex jiġu ddikjarati is-sebgħa meravilji tad-dinja. Wara zmien twil tokkupa l-24 u s-26 post, din il-ġimgħa ħadet spinta ‘l quddiem u issa tinsab fl-erbatax-il post. Il-ħidma li qed iwettaq il-Kunsill sabiex jirreklama din l-inizjattiva qed tħalli riżultati pozittivi ħafna u dan ir-riżultat qed ikompli jħeġġeġ lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuqu biex naraw din il-gawhra unika f’pajjiżna tokkupa dan it-titlu prestiġuż mad-Dinja kollha. Apparti dan il-Kunsill jemmen ukoll li permezz t’hekk qed ikun ta’ pubbliċita’ għal pajjiżna. Dan is-sit jieħu l-opporutnita’ sabiex ikompli jħeġġeġ lil dawk kollha li għadhom ma vvutawx biex jaghmlu dan billi jidħlu fuq is-sit http://www.new7wonders.com/nature/en/nominees/europe/c/AzureWindow/ u jivvutaw. Inħeġġu wkoll sabiex kullħadd jmexxi l-kelma ma ħbieb jew qraba barra minn Malta, b’hekk inkunu qed ngħinu lit-Tieqa tad-Dwejra tkompli tiela’ sal-ħdax-il post, liema post jikkawlifiha għat-tieni round ta’ votazzjoni. L-ewwel round ser jagħlaq fis-7 ta’ Lulju. Inħeġġu lilkom għeżież qarrejja biex nagħmlu l-aħħar sforz biex dan is-sit ikompli jkun ta’ sosten għall-pubbliċita’ ta’ pajjiżna.
Ħames studenti jirċievu l-Ispirtu s-Santu
08 June 2009
 Il-bieraħ Mons Isqof Mario Grech laqa fi ħdan il-Knisja Kattolika ħames membri ġodda permezz tal-Griżma ta’ l-Isqof. Lara Calleja, Anna Grima, Dulcima Fava, Luke Tabone u Shaun Micallef il-bieraħ waqt il-quddiesa ta’ l-10.30am irċivew is-sagrament tal-konfermazzjoni jew kif nafuħ aħjar is-sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof. Qabel il-priedka l-Isqof Djoċesan saqa lill-Kappillan jekk dawn it-tfal kienux ippreparati tajjeb, il-Kappillan irrisponda li iva u minħabba f’hekk l-Isqof aċċetta li jagħti dan is-sagrament lill dawn il-membri mill-kommunita’ tagħna. Fl-omelija tiegħu l-Isqof fakkar dwar l-importanza li fil-ħajja tagħna niftakkru, huwa qal li dan huwa element importanti ħafna fil-mixja tagħna ta’ nsara. “Xi kultant”, kompla l-Isqof , is-sagramenti li nirċievu neħduhom wisq for granted. Wara l-omelija l-Isqof amministra wieħed wieħed dan is-sagrament u flimkien mas-saċerdoti l-oħra li kkonċelebraw talbu l-Ispirtu s-Santu fuq dawn it-tfal. Issa nhar il-Ħadd li ġej Festa tal-Korpus, ser jiġi amminstrat is-sagrament ta’ l-ewkaristija lil żewġt tfal mill-Parroċċa. Il-Funzjoni ser tibda fit-8.30am
It-tieni proġett tal-Kunsill Lokali favur enerġija alternattiva jibda jieħu l-ħajja llum
05 June 2009
 Dalgħodu fit-toroq tal-lokalita’ tagħna deher container li kien qed iqassam xi ħaġa mhux tas-soltu. F’Jannar li għadda l-Kunsill Lokali tagħna ħabbar proġett kbir dak ta’ sussidju qawwi fuq is-Solar Water Heater. Dan sabiex kull abitazzjoni fil-lokalita’ jkollha l-opportunita’ li takkwista’ solar water heater. L-interess ta’ l-abitanti kien wieħed qawwi u meta jingħoddu s-solar water heaters li diġa jeżistu f’ San Lawrenz jinqabeż sewwa n-nofs ta’ residenzi abitabbli li għandna fil-lokalita’li qed jużaw l-enerġija tax-xemx biex isaħħnu l-ilma. Din hija t-tieni inizjattiva li qed jieħu l-Kunsill Lokali San Lawrenz favur enerġija alternattiva fil-lokalita’. Is-sena l-oħra, eżatt bħal daż-żmien sena il-Kunsill kien qassam b’xejn bozza li ma taħlix enerġija lil kull familja. Aħna ħadna l-kummenti tas-Sindku Noel Formosa dwar din l-inizjattiva. Huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu li għal darb oħra l-Kunsill qed ikun strumentali qed jistumola l-kunċett ta’ energy savers mhux biss f’ San Lawrenz imma fil-pajjiż b’mod inġenerali. Huwa qal li jħossu sodisfatt li San Lawrenz bil-fatti qed jgħin lill-pajjiż jilħaq il-miri dwar l-enerġija sas-sena 2020, tant hu hekk li b’din il-miżura San Lawrenz qed jgħin sabiex mill-arja tagħna titnaqqas 125 tunellata ta’ CO2 fis-sena. Huwa rringrazzja l-ewwel net lir-residenti Lawrenzjani li fehmu t-triq li qabad il-Kunsill Lokali u flimkien qed jimxu biex fi żmien qasir jinħoloq tassew raħal ekoloġiku. Rringrazzja wkoll lil Gvern li permezz tal-Ministeru ta’ l-affarijiet Rurali u wkoll is-Segretarjat Parlamentari għall-konsultazzjoni pubblika qed jgħinu lil Kunsill jieħu din l-inzjattiva. Grazzi wkoll mar lejn il-kumpanija Fritz Energy Ltd li qed tisuplixxi dan il-prodott. Huwa kkonkluda billi qal li dan huwa biss it-tieni proġett, il-Kunsill Lokali San Lawrenz diġa mbarka fuq proġett ieħor simili li daqt jitħabbar.
Illum saret quddiesa u ċelebrazzjoni ad unur il-ġenturi fl-Iskola tagħna
05 June 2009
 Dalgħodu fl-iskola tagħna kien hawn arja ta’ festa. Minn filgħodu kmieni spikkaw il-ġenituri li dehru jirħulha lejn is-sala prinċipali ta’ l-iskola tagħna. Quddiem sala ppakkjata b’ ġenituri, ulied flimkien ma l-għalliema tagħhom, it-tfal tellgħu attivita’ sabiħa ħafna, mżewqa b’mużika, żfin u plays qosra. Qabel din l-attivita’ il-Kappillan Injazju Borg, iċċelebra l-ewkaristija li fiha l-iskola tagħna raddet ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħha matul din is-sena skolastika li qed tasal fi tmiem tagħha. L-attivita’ kienet imtellgħa mill-istudenti u kienu ppreparati mill-għalliema ta’ l-iskola tagħna għal din l-okkażżjoni. F’ kelmtejn qosra is-Surmast ta’ l-Iskola s-Sur Mario Zammit irringrazzja lil dawk kollha li taw sehmhom għal din l-attivita’ u qal li okkażżjonijiet bħal dawn ikomplu jgħinu lit-tfal tagħna fl-iżvilupp tagħhom. Fl-aħħar ta’ l-attivita’ t-tfal ppreżentaw tifkira żgħira lill-papajiet tagħhom fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Missier li ser tiġi ċċelebrata dalwaqt.
Niċċelebraw erbgħin sena ta’ Soprts fil-lokalita’ tagħna
03 June 2009
 Matul dan ix-xahar il-klub ta’ St Laurence Spurs, il-klub tal-football tagħna qed jiċċelebra avveniment importanti ħafna li fih, flimkien mal-kommunita’ kollha ser jiċċellebra l-ġurnata ta meta twaqqaf l-ewwel team tal-football fir-raħal tagħna. Għalkemm mhux dejjem napprezzaw biżżejjed pero ma nistgħu qatt nikkalkulaw il-ġid li għamel l-isports permezz tal-football fil-lokalita’ tagħna. L-attivitajiet infettħu nhar il-Ġimgħa li għaddiet fejn saret Pizza night għat-tfal kollha li huma nvoltui fin-nursery tagħna. Għal din l-attivita’ kienu mistiedna wkoll il-ġenituri. Fl-aħħar tas-serata dawn it-tfal ingħataw tifkira u wkoll xi ħaġa li ġrat għall-ewwel darba ingħtaw l-awards lill dawk it-tfal l-aktar li ħadmu fl-aħħar staġun. Hawn ta min jsemmi lil coaches ta dawn it-teams Joe Mercieca, Laurence Cauchi u Samuel Micallef u lil hafna helpers fosthom Daniel Micallef, Michael Grima, Patrick Cassar, Jevon Attard, Grace Micallef u hafna ohrajn. Sa dan it-tant it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju saret il-laqgħa ġenerali Annwali tal-klub fejn fiha ngħata rendikont tal-ħidma li twettqet mill-Klub u mit-team. Kienet laqgħa nteressanti ħafna li fiha saret diskussjoni dwar l-andament u kif nistgħu ntejbu għal li ġej. L-attvitajiet ikomplu fil-ġimgħat li ġejjin fejn sejrin isiru attivitajiet oħrajn li ser jitħabbru fil-futur qarib. F’din l-okkażżjoni l-Kunsill Lokali fi stqarrija feraħ u rringrazzja lill-Klub tagħna u ħeġġu sabiex ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu b’risq it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
Bdejna t-triq għall-Festa
28 May 2009
 Il-bieraħ fi Triq it-Torri il-kommunita’ tagħna tat bidu għall-festi ta’ San Lawrenz ta’ din is-sena. Fis-7.00 ingħata bidu għal quddiesa li kienet preseduta mill-Kappillan Nazju Borg, akkumpanjat minn Dun Ġużepp Piscopo u l-vigarju parrokkjali Charles Sultana. Din il-konċelebrazzjoni saret fi Triq it-Torri eżattament fejn jingħad li kienet l-ewwel kappella ta’ San Lawrenz, fejn l-ewlenin Lawrenzjani kienu jinġabbru biex iqimu lil Alla. Għal din l-okkażżjoni ġiet użata xbieha ta’ San Lawrenz ġdida li l-Kappillan uża sabiex jagħti l-iskop tal-festa ta din is-sena, dik tad-determinazzjoni u t-telqa fil-providenza t’ Alla. Il-ħarsa ‘l fuq ta’ San Lawrenz f’din ix-xbieha kif ukoll l-id ta’ San Lawrenz magħfusa mal-gradilja għandhom ikunu ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja nisranija, hekk fisser il-kappillan l-iskop tal-festa ta’ din is-sena. Wara l-quddiesa saret purċissjoni lejn il-knisja waqt li ġiet reċitata il-kurunella ta’ San Lawrenz u wara li l-purċissjoni waslet fil-pjazza quddiem il-Knisja sar it-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħudija u l-Kappillan qassam xema lil kull familja sabiex tinxtgħel kull nhar ta’ Erbgħa, fil-pjazza inxtgħelet ħuġġieġa nar biex tissimbolizza l-fidi li għaddewlna l-ewwel Lawrenzjani.
Il-Wirja dwar San Lawrenz f’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana, tiġbed lejha mijiet ta’ nies
26 May 2009
 Matul tmiem il-ġimgħa li għadda ġewwa Għawdex, ġiet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex edizzjoni oħra ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana. Fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, ittelgħet wirja dwar il-lokalita’ tagħna, liema wirja inkludiet fiha r-ritratti meħudin mill-fotografu bravu Luc Arden li kienu ttieħdu f’ April li għadda. Il-mijiet ta’ nies li attendew din il-wirja kollha kellhom kliem ta’ tifħir mhux biss għall-professjonalita’ tal-fotografu Franċiz imma wkoll apprezzaw dak li kapaċi joffri r-raħal tagħna. Aħna tkellemna ma nies mill-lokalita’ li żaru huma wkoll din il-wirja u kumment li ntqal li tajjeb li wieħed jirrifletti fuqu jwassal għall-iskop li l-Kunsill ried jasal għalih, “qed napprezzaw aktar kemm ngħixu f’lokalita’ sabiħa” dan kien il-kumment u l-iskop ta’ din l-attivita’ li għamel il-Kunsill. Din il-wirja żaruha wkoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, il-President ta’ Malta Dr George Abela u l-Prim Ministru Dr. Lawrence Gonzi, li t-tnejn kellhom kliem ta’ tifħir kemm għal artist kif ukoll għal mod ta’ kif il-lokalita’ tagħna dejjem tkun nnovattiva fl-attivitajiet tagħha.
|