Emblema ta' San Lawrenz
  English Version
Dħul
Ibgħat ittra
Mappa tas-Sit
Fittex
 

Stqarrijiet mill-Lokalita' tagħna.


Titlaq ġimgħa mpenjattiva ħafna għal-lokalita’ tagħna
26 October 2009

il-logo ufficjali ta

Il-ħidma li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar xhur mill-Kunsill Lokali u l-Kumitat ħabrieki tal-ġemellaġġ qed tilħaq il-qofol tagħha propju din il-ġimgħa, fejn minn nhar il-Erbgħa sejrin jibdew jaslu l-mistednin tagħna li ukoll ħafna minnhom saru viżitaturi frekwenti tagħna.

Aħna dalgħodu xrifna sa l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali fejn stajna naraw b’għajnejna dak li hu għaddej. Tkellemna mas-Segretarja Lucienne Haber dwar il-ħidma li għaddejja. Hija qaltilna li issa baqa dwak l-affarijiet ta’ l-aħħar, irfirnar tal-programm kif ukoll l-aħħar laqgħat sabiex jiggaratinxxu li kollox hu f’postu.

Il-bieraħ il-Kumitat tal-festa ħa ħsieb jarma arlbi matul it-triq San Lawrenz u l-pjazza biex fuqhom jiġu mtellgħa il-bnadar ta’ Malta, l-Ewropa, l-Italja u Franza u b’hekk tkun qed tinħoloq aktar l-atmosfer ta’ festa biex tilqa mhux biss lill-ħbieb tagħna imma wkoll lill-mijiet ta’ Għawdxin u Maltin li huma mistennija li jingħaqdu għall-Kunċert ta’ Chasing Pandora u Ruth Sammut Casingena, nhar is-Sibt li ġej.

Minn l-att pubbliċitarju jidher ukoll qed jintlaħaq il-qofol tal-preparamenti li saru għal din il-ġimgħa. Madwar Għawdex ġew imtellgħa bill board u posters li jirreklamaw l-event, filwaqt li fuq it-televiżjoni u r-radijiet qed insegwu diversi intervisti u wkoll reklami. Matul din il-ġimgħa wkoll qed jitqassmu flyers fid-djar kollha Għawdxin sabiex kemm jista’ jkun l-messaġġ marbut mal-konferenza nternazzjonali li ser issir nhar il-Ġimgħa u l-event tas-Sibt jasal għand kulħadd.


San Lawrenz joħloq opportunita’ ta’ turiżmu lejn Għawdex
24 October 2009

Il-Poster uffiċċjali ta

Permezz ta’ l-attivita’ li ser tiġi organizzata f’ Għawdex nhar it-30 u l-31 ta’ Ottubru apparti l-element soċjali u kulturali ser toħloq opportunita’ oħra sabiex tattira turiżmu dirett lejn Għawdex mhux biss dak intern imma wkoll dak estern. B’hekk din l-opportunita’ ser tirreklama lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta’

Għall-okkażżjoni tal-konferenza internazzjonali dwar il-kreattivita’ u l-innovazzjoni fit-30 ta’ Ottubru, kif ukoll il-Festival “d-link” li ser isir is-Sibt 31 ta’ Ottubru, il-Kunsill Lokali San Lawrenz stieden parteċipanti barranin biex jieħdu sehem fil-konferenza u l-festival. Minn żmien qabel permezz tal-kuntatti li r-raħal ta’ San Lawrenz għandu barra minn Malta għamel kampanja pubbliċitarja li permezz tagħha kien kapaċi jattira 125 ruħ li matul il-ġranet ta’ bejn is-27 ta’ Ottubru u t-3 ta’ Novembru ser ikunu f’ Għawdex biex mhux biss jieħdu sehem fl-attivitajiet li ġew ippreparati biex fihom jikber l-għarfien Ewropew imma wkoll ser ikollhom l-opportunita’ li jsiru jafu aktar lil Għawdex sabiex dawn l-istess parteċipanti jservu ta’ pubbliċita’ huma stess meta jmorru lura f’ pajjiżhom. Il-Parteċipanti li ser jieħdu sehem huma ġejjin mir-Reġjun tal-Veneto fl-Italja, mill-Gżira ta’ Elba u mir-Reġjun ta’ Savoja fi Franza.

Kif konna diġa ħabbarna għal din l-attivita’ l-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz akkwista fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-proġett l-Ewropa għaċ-ċittadini. Din hija t-tielet darba f’inqas minn sentejn li l-Kunsill Lokali San Lawrenz qed jakkwista fondi taħt dan il-proġett.

Għall-Festival tal-31 ta’ Ottubru li huwa miftuħ għal kulħadd ser isiru tours ambjentali fil-bajja tad-Dwejra u filgħaxija ser ikun hemm spettaklu għal familja kollha permezz ta’animaturi, Ruth Sammut Casingena u ż-żeffiena tagħha u kunċert kbir mid-duo Chasing Pandora u l-band tagħhom.

Biex wieħed jibbukkja għat-tours ambjentali jew irid jakkwista aktar informazzjoni dwar il-konferenza u għal Festival għandu jikkuntatja l-uffiċċju ta’ Kunsill Lokali San Lawrenz fuq in-numru 21563556, email: sanlawrenz.lc@gov.mt


Ruth Sammut Casingena tieħu sehem ukoll f’d-Link
19 October 2009

Ruth Sammut Casingena bil-group ta zeffiena taghha

Aktar kantanti ta’ fama f’ pajjiżna qegħdin jikkonfermaw il-preżenza tagħhom fil-festival d-link li l-Kunsill Lokali flimkien mal-kumitat tal-ġemelleġġ qed jippreparaw għal nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru fl-okkażżjoni tal-konferenza internazzjonali li għaliha qed jiġu mistiedna l-ħbieb tagħna mill-Italja u Franza.

Ruth Sammut Casingena flimkien maż-żeffiena li ser jakkumpanjawha waqt il-preżentazzjoni tagħha fil-pjazza ewlenija tagħna ser tesegwixxi mużika nnovattiva li b’kapċita’ kbira il-mużika tradizzjonali tagħna, (diski tradizzjonali) ġew rrikordjati mill-ġdid b’laqta tassew kreattiva u moderna. Mas-sbuħija ta’ dan it-tip ta’ mużika iż-żeffiena professjonali tagħha ser jakkumpanjawha waqt l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-diski.

Kif diġa ħabbarna madwar 125 persuna ġejjin minn Colle Umberto, Il-Gżira ta’ Elba u La Ballme de sillengy ser jieħdu sehem f’din l-okkażżjoni unika li ser tlaqqa ewropeja sabiex flimkien jiddiskutu l-importanza li l-kontinent tagħna jibqa jkun nnovattiv f’dinja globalizzata. Kienet tassew ideja tajba tal-Kunsill tagħna li fl-okkażżjoni tas-sena Ewropeja għall-Kreattivita’ u l-Innovazzjoni jorganizza din il-konferenza u l-event f’ Għawdex.

Tkellemna mas-Sindku dwar dan u qalilna bla tlaqliq li din l-esperjenza ser tkompli tgħin id-djalogu fost iċ-ċittadini Ewropew u wkoll ser tagħti valur miżjud lil Għawdex tagħna għaliex qed tgħin l-ekonomija permezz ta’ turiżmu f’perjodu meta kullħadd jaf li huwa perjodu iebes għat-turiżmu. Din l-attivita’ temm jgħid is-Sindku, apparti il-125 delegat li ġejjin minn barra qed tattira wkoll turiżmu intern.


Chasing Pandora jikkonferma l-preżenza tagħhom fil-Festival d-link
15 October 2009

Id-Duo Chasing Pandora

Il-preparazzjonijiet għal event li ser jorganizza l-Kunsill fl-okkażżjoni tal-konferenza nternazzjonali li ser issir ġo San Lawrenz, għaddejjin b’ritmu tajjeb. Il-bieraħ filgħaxija reġa ltaqa l-Kumitat tal-ġemellaġġ li f’idejh ġiet fdata l-preparazzjoni ta’ dan l-event.

Dan l-event bl-isem d-link ser jikkonsisti f’konferenza li għaliha ġew mistiedna delegazzjonijiet minn Colle Umberto, La Balme de Sillangy Franza u Marciana Marina fl-gzira ta’ Elba.

Apparti din il-konferenza qed jiġi preparat ukoll festival għas-Sibt 31 ta’ Ottubru, liema festival b’mod kulurit ser jwassal il-kunċett għalfejn qed tiġi organizzata din il-konferenza, jiġifieri l-kreattivita’ u l-innovazzjoni.

F’dan il-festival ser jieħu sehem il-group popolari Malti Chasing Pandora li ma għandu bżonn ta’ l-ebda ntroduzzjoni fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna. L-elementi prinċipali ta’ dan il-group huma Melissa u Keith it-tnejn Għawdxin, li t-tnejn li huma ħolmu li xi darba jistgħu jkunu kantanti. Din il-ħolma saret realta’ u llum dan id-duo huma mill aktar imfittxija għall-mużika fil-gżejjer Maltin, mhux biss imma wkoll b’mod internazzjonali, tant hu hekk li fil-bidu ta’ dan ix-xahar dan id-duo iddebutta f’ Londra. Għal d-link qed issir preparazzjoni qawwija minn dan il-group li kif aħna infurmati ser tieħu sehem magħhom ukoll il-band.


Il-Kunsill tagħna magħżul wieħed mill-għaxar finalisti tal-Green Challange Award
13 October 2009

waqt il-konferenza stampa

Illum is-Sindku u l-Viċi Sindku kienu mistiedna sabiex jattendu konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi l-Onor Tonio Fenech u s-Segretarju Palamentari għall-konsultazzjoni Pubblika l-Onor Chris Said. F’din il-konferenza stampa tħabbru l-ismijiet ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li għaddew għas-semi finali ta’ dan il-prempju prestiġjuż. Fost l-ismijiet li tħabbru kien hemm dak tal-lokalita’ tagħna San Lawrenz.

Fl-intervent tiegħu l-Onor Chris Said fakkar dwar l-istrateġija li addotta l-Gvern sabiex jgħin lill-Kunsilli Lokali jkunu aktar ambjentali u jgħinu sabiex pajjiżna ikompli jimxi ‘l quddiem, faħħar lil dawk il-Kunsilli Lokali li mhux biss waslu sabiex jintgħażlu ma l-ewwel għaxra imma wkoll lil dawk il-Kunsilli Lokali kollha li applikaw għal dan il-premju.

Minnaħħa tiegħu il-Ministru tal-Finanzi l-Onor Tonio Fenech, fisser kemm hu mportanti li l-Kunsilli Lokali jaħdmu id f’id mal-kommunitajiet kummerċjali fil-lokalitajiet tagħna. Huwa qal li llum bil-politika li qed tiġi addotata b’din il-kooperazzjoni jista’ jinħoloq aktar ġid fl-istess kommunitajiet.

Il-proċess ta’ l-għażla issa jkompli billi jiġu magħżula ħamsa oħra imbgħad minn dawn il-ħamsa tintgħażel dik il-kommunita’ li l-aktar spikkat f’dan il-qasam. Aħna nawguraw minn qalbna li l-lokalita’ tagħna tkun il-magħżula għaliex b’hekk tkun qed tieħu dak li ħaqqha jiġifieri li tkun ippremjata għall-isforz li qed jagħmel il-Kunsill tagħna biex jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-arja u jkollna arja aktar nadifa.


Riżultati tajbin għall-istaġun tal-football
09 October 2009

It-tim tal-kbar ghal dan l-istagun

Tlaqna tajjeb! L-istaġun 2009-2010 fetaħ xi ġimgħat ilu u rajna it-team tagħna jagħmel kambjamenti fl-istruttura tiegħu u jidher li dawn il-kambjamenti qegħdin jgħinu sabiex fl-ewwel żewġ partiti ta’ l-istaġun niksbu zewġ rebħiet li huma konvinċenti ħafna.

Wara is-servizz ta’ sentejn mill Coach Josef Vella, il-Kumitat iddeċieda li t-tmun tat-team jgħaddi f’idejn -player Coach Gotthard Conti mill-Mellieha Malta. Coach ikkwalifikat bl-licence C UEFA. Apparti it-tibdil fl-amministrazzjoni tat-team il-klabb ħaseb ukoll sabiex jakkwista elementi tajbin fl-għalqa tal-logħob. B’dawn l- akwisti flimkien mal-players tagħna qegħdin naraw skwadra kompluta li hi magħmula minn 22 player. Sa issa ir-rizultati qed jagħtu raġun għax fl-ewwel 2 partiti tal-kampjonat li ntlagħabu kontra Munxar Falcons u Għarb Rangers it-tim kien kapaċi jikseb 2 rebħiet konvinċenti ħafna bir-riżultat 5 - 0 u 6 -1.

Id-dinamiċita’ tal-klabb tagħna pero tkompli tidher mhux biss fit-tim tal-kbar imma wkoll li qed ikompli jinvesti fl-edukazzjoni sportiva fil-lokalita’ tagħna permezz tat-team ta’ l-under 21 fejn ukoll qed jagħti ċans li jilgħabu 4 players overage li ma jkunux qed jilgħabu mat-tim tal-kbar. Dan hu ta benefiċċju għal players zgħar li l-quddiem jidħlu jilgħabu mat-tim tal-kbar.

Xi ħaġa oħra nnovattiva li qed naraw matul dan l-istaġun huwa l-ftiehem li għamel il-Klabb taghna u dak ta Gharb Rangers sabiex fin-nuqqas ta players għaż-żewġ timijiet għandu jiġi ffurmat tema ta’ l-under 17 u 14 bejn iż-żewġ klabb b’hekk il-Klabb tagħna qed jieħu ħsieb it-tim ta’ l-Under 17 u dak ta’ l-Għarb jieħu ħsieb ta’ l-Under 14.

Ma jistax jonqos li l-klabb ikompla bil-ħidma fost it-tfal żgħar u qed jorganizza training kull ġimgha għat-tfal ta’ Under 12. Under 10 u Under 8.


Is-Sindku jesprimi r-reazzjoni tiegħu u tal-Kunsill għall-aħħar żviluppi dwar il-proġett tal-Housing.
05 October 2009

Impressjoni grafika tal-Progett

Fuq il-ġurnal “Illum” li jiġi ppubblikat kull nhar ta’ Ħadd, is-Sindku ġie ntervistat dwar l-iżviluppi l-ġodda li seħħew dan l-aħħar dwar il-proġett tal-Housing.

F’din l-intervista s-Sindku wera l-preokupazzjoni tiegħu għal dak li ġara, jiġifieri li l-awtorita’ tad-djar qed twarrab dan il-proġett li dwaru kien hemm rabta ma dawk li applikaw mill-istess awtorita’. Is-Sindku fisser kemm deċiżjoni bħal din hija deċiżjoni nġusta, li mhux biss qed tweġġgħa lil dawk li kienu applikaw imma wkoll lill-lokalita’ tagħna. Huwa qal li hija responsabilita’ ta’ l-awtorita’ tad-djar li tara li permezz ta’ proġetti simili l-identita’ lokali jkollha futur, wera t-tħassib tiegħu li jekk l-popolazzjoni tibqa għaddejja b’dan l-eżodu inkunu qed nipperikolaw futur sostenibbli għall-lokalita’ tagħna.

Dwar din l-intervista’ aħna ppruvajna wkoll nitkellmu mas-Sindku u qalllina li kif saħaq fl-intervista ta’ l-“Illum” l-Kunsill mhux ser jieqaf milli jkompli jaħdem sabiex iwassal dan il-proġett fil-port. Huwa qal li l-Kunsill ilu mit-twaqqif tiegħu jġib għall-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet din il-problema. U anke f’din is-sitwazzjoni mhux biss qed jitkellem dwarha u jġib provi anke b’rapporti imma wkoll qed joffri u joħroġ b’alternattivi dwar kif dan il-proġett jista’ jsir. Huwa qalilna li l-Kunsill qed jipproponi Public Private Partnership u mhux biss qed jipproponih imma wkoll qed joffri li jkun hu li jħaddem din l-idea.

Meta mistoqsi dwar x’inhu l-pass li jmiss huwa saħaq fuq l-importanza li kull pass li jsir f’dan il-mument għandu jkun pass meqjus u bilgħaqal, hu qalilna li l-Kunsill qed jaħdem bla heda biex kif għamel anke f’problemi preċidenti jasal biex l-lokalita’ tagħna tkompli takkwista u hu fiduċjuż li l-istess ser jiġri anke f’dan il-każ “bil-ħidma ta’ kulħadd u b’interess ġewnin għal ġid tal-lokalita’ nistgħu nirbħu anke f’dan il-każ.”


Riżultati tajbin ħafna fil-qasam ta’ l-edukazzjoni
01 October 2009

Studenta li hadet Master fl-Istudji Ewropej

Il-Kunsill Lokali tagħna dejjem jagħti mportanza kbira lill-Edukazzjoni, għaliex jemmen li l-Edukazzjoni hija l-pilastru mportanti tas-soċjeta. Narawh matul is-sena jieħu nzjattivi favur l-edukazzjoni kemm fit-tfal kif ukoll fil-kbar.

Bħal ma jagħmel is-soltu l-Kunsill fil-jiem tal-festa jippremja lill dawk l-istudenti li matul is-sena jkunu ggradwaw f’xi suġġett partikolari mill-Universita’ ta’ Malta. Din is-sena l-istudenti li ġew imsejħa fuq il-palk, li temmew ,dan il-kors kienu Francine Caruana, Carmen Grima, Sarah Attard, Edel Cauchi, Mary Piscopo u Deborah Grima.

Apparti dan, matul is-sena il-Kunsill jieħu diversi inizjattivi favur l-edukazzjoni tat-tfal u anke l-edukazzjoni għall-ħajja u jagħti mportanza kbira li kullħadd jibqa jitgħallem.

F’kumment li tana s-Sindku Noel Formosa dwar dan is-suġġet fisser kemm hu mportanti dan l-aspett kif ukoll kemm qed isir aktar importanti li l-edukazzjoni tasal għand kulħadd. Huwa kkwota ċ-ċensiment li sar fl-2005 fejn juri li l-lokalita’ tagħna hija l-inqas lokalita’ li għandna persentaġġ ta’ illitteriżmu. “Dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għal raħalna, pero fl-istess ħin hija sfida li l-Kunsill irid ikollu sabiex mhux biss iżomm dan il-persentaġġ imma wkoll itejbu”. Huwa qalilna li l-Kunsill ser ikompli jaħdem id f’id ma l-iskola tagħna biex tkompli tmexxi ‘l quddiem lill uliedna u tikseb l-aħjar riżultati kif għamlet s’issa.


Għawdex permezz tal-Kunsill tagħna jikkontribwixxi waqt diskussjonijiet dwar il-futur tal-gżejjer.
30 September 2009

il-group li ha sehem

Kif diġa konna ħabbarna bejn it-18 u l –21 ta’ Settembru group ta’ żgħażagħ Lawrenzjani flimkien ma xi żgħażagħ oħra Għawdxin li ngħaqdu mal-Group tagħna kellhom l-opporutnita’ li jiltaqgħu ma żgħażagħ ġejjin minn gżejjer oħra. Dan l-iskambju sar ġewwa Palma de Mallorca fi Spanja. Dan kien kontinwazzjoni ta’ proġett li nbeda s-sena l-oħra u hemm il-ħsieb li jitkompla kull sena.

Din is-sena t-tema kienet kif wieħed jista’ jissaportja u jikreja xogħol innovattiv fuq il-gżejjer. Ma dan is-suġġett kien hemm marbuta ħidma li ż-żgħażagħ riedu jwettqu, bħall preżentazzjoni ta’ best practices fil-qasam tal-ħolqien tax-xogħol għaż-żgħażagħ fuq il-gżejjer. Diskussjoni bejn iż-żgħażagħ u policy makres dwar il-preżentazjonijiet li saru u attivitajiet biex jiġu żviluppati ħiliet fil-qasam intraprenditorjali.

Matul il-prżentazzjoni tagħhom il-parteċipanti Għawdxin iddiskutew kemm il-poltika Nazzjonali dwar iż-żgħażagħ kif ukoll dik ewropeja u introduċew l-istrateġija li pajjiżna qed jieħu favur l-impjiegi u wkoll biex jiġi promoss is-settur intraprenditorjali.

Il-group tagħna bħala kontinwazzjoni ta’ dan il-proġett ħa l-inizjattiva sabiex iwaqqaf website http://sites.google.com/site/utopiaexperience kif ukoll group fuq facebook sabiex id-diskussjoni tkompli għaddejja.


Għandna Surmast ġdid
29 September 2009

Is-Surmast il-gdid waqt l-assembly

Il-bieraħ ingħata bidu għal sena skolastika ġdida, it-tfal ta’ pajjiżna rritornaw lura lejn il-bankijiet ta’ l-iskola u ma jistax jonqos li l-istess għamlu t-tfal ta’ l-iskola tagħna, fejn għal darb oħra sabu klassijiet ippreparati sabiex għal matul is-sena skolastika li ġejja jieħdu kull benefiċċju li toffri l-edukazzjoni.

Pero din is-sena t-tfal sabu jilqagħhom Surmast ġdid. Matul is-sajf li għadda l-iskola tagħna għaddiet minn Surmast għal ieħor. Is-Sur Mario Żammit li serva l-iskola tagħna għal dawn l-aħħar tlett snin issa ingħata l-inkarigu ta’ l-iskola Primarja ta’ Kerċem, filwaqt li l-iskola tagħna għaddiet f’idejn is-Sur Joseph Xerri.

Mal-wasla tiegħu fl-iskola tagħna s-Surmast Xerri mall-ewwel medd għonqu għax-xogħol favur l-edukazzjoni ta’ uliedna.

Diġa kellu diversi laqgħat ma diversi setturi tal-lokalita’ tagħna, fosthom mas-Sindku kif ukoll mal-ġenituri tat-tfal.

Aħna tlabna l-kummenti tas-Surmast fejn stajna naraw l-ħeġġa li biha daħal favur l-edukazzjoni kif ukoll l-impenn tiegħu sabiex iżomm kuntatt dirett mal-ġenituri ta’ dawk it-tfal li jattendu fl-iskola primarja tagħna.


Dance to celebrate suċċess
27 September 2009

Waqt is-serata

Il-bieraħ fil-pjazza tagħna udjenza mdaqsa ta’ nies attendiet għaċ-ċelebrazzjoni li fiha il-folkgroup “Ta Ċangura – San Lawrenz” fakkar il-ħames sena ta’ l-eżistenza tiegħu.

Is-serata kienet waħda varjata għall-aħħar b’diversi tipi ta’ żfin li ħolqu atmosfera tassew sabiħa. Il-kumment ġenerali ta’dawk preżenti kien wieħed ta’ sodisfazzjon. Is-serata bdiet bi żfin folkloristiku u kompliet bi żfin latin amerikan, modern u anke stil venezjan. Din is-serata li għaliha attendiet ukoll il-Ministru għal Għawdex Ġovanna Debono kienet immexxija mill-preżentatriċi popolari Moira Delia.

Waqt din l-okkażżjoni ħadna l-kummenti tal-President tal-Folk group Annie Formosa li stqarret is-sodisfazzjon tagħha u tal-group tagħha għas-suċċess li kien kapaċi jikseb dan il-folk group li skont hi huwa dovut għall-impenn ġenwin ta’ kull membru tal-group u tal-kumitat. Meta saqsejnieha x’inhuma l-pjanijiet għall-futur ta’ dan il-group hija qalet li huma jridu jkomplu jaċċellaw fil-professjonalita’ kif ukoll li malajr kemm jista’ jkun tiġi ntrodotta orkestrina li takkumpanja b’mużika live lil dan il-group.

F’dawn l-aħħar snin rajna lil dan il-group ukoll li jintroduċi l-iskola ta’ żfin folkloristiku għat-tfal iż-żagħar u kienet xi ħaġa tassew sabieħa l-bieraħ tara lil dawn it-tfal jagħt wkoll is-sehem tagħhom. Mument ieħor sabiħ ta’ din is-serata kien meta ġew imsejħa dawk li xi darba jew oħra iffurmaw parti minn dan il-group sabiex fl-aħħar, wara li ngħataw tifkira, qasmu l-cake ta’ l-okkażżjoni u flimkien ma dawk preżenti fetħu ix-xampanja bħala sens ta’ ċelebrazzjoni.

Dan is-sit eletroniku jawgura lil dan il-group li jkompli miex ‘l quddiem u jkompli jagħmel unur lillu nnifsu u lill-lokalita’.


Illum il-Knisja tagħna tiċċelbra l-112 –il sena mill-konsagrazzjoni tagħha.
26 September 2009

Il-Knisja tagħna

Bħall-lum 112-il sena ilu il-kommunita’ tagħna kienet f’festa. Kien l-Isqof Ġovanni Maria Camilleri li kkonsagra t-tempju tagħna u ddedikah lil Alla u poġġa lil San Lawrenz bħala l-patrun tal-Parroċċa tagħna.

Din hija okkażżjoni tassew speċjali u huwa propju għalhekk li l-Kommunita’ tagħna tiċċelbra b’mod l-aktar sollenni dan il-Jum. Tant hu hekk li mill-bieraħ il-qniepen bid-daq tagħhom urew li l-kommunita’ tagħna tinsab f’festa.

Aħna tlabna l-kummenti tal-Kappillan Injazju Borġ dwar l-importanza ta’ din il-ġurnata u hu qalilna li din il-ġurnata hija ġurnata tassew importnati għall-parroċċa tagħna. Huwa ħeġġeġ sabiex aktar minn qatt qabel kull membru tal-kommunita’ għandu jersaq lejn din id-dar t’ Alla minn fejn permezz tal-Magħmudija, sirna wlied Alla u wkoll niffurmaw parti mill-Knisja tiegħu. Huwa temm dawn il-kummenti billi għamel sejħa speċjali lil dawk li jgħixu fir-raħal imma ma jiffrekwentawx il-Knisja tagħna. Huwa sejjaħ dan l-aġir bħala faqar u tbatija għall-parroċċa u anke ta’ ħsara għall-individwu. Huwa qall li l-parroċċa hija dejjem b’idejha miftuħa biex tilqa lil Uliedha.

Din il-ġurnata tilħaq il-qofol tagħha il-lejla fis-6.30pm bil-kant ta’ l-Għasar u wara Quddiesa solleni.

Aktar tard fil-pjazza imbgħad issir l-attivita’ li qed jorganizza l-Folkgroup ta’ Ċangura San Lawrenz biex ifakkar il-ħames sena tiegħu li qed tikkonċida b’mod tajjeb ma din l-okkażżjoni li ser ikun mument sabiħ biex flimkien bħala familja waħda nkomplu niċċelebraw l-identita’ tagħna li tkompli ssawarna bħala kommunita’.


L-aħħar preparamenti għal nhar is-Sibt
23 September 2009

Il-folk group waqt wahda mill-attivitajiet li hadu

Bħalissa fil-lokalita’ tagħna għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex jitfakkar il-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-folk group fir-raħal.

Kif ħabbarna xi ġranet ilu l-kumitat ħabrieki tal-folk group qed jipprepara sabiex jorganizza attivita’ li permezz tagħha jfakkar dan l-avveniment. Huwa avveniment li għalkemm huwa marbut mal group tal-folk xorta waħda ma hux ser jkun limitat għal żfin tradizzjonali. Il-Programm huwa wieħed imżewwaq u mimli attivitajiet marbuta kollha ma’ tipi differenti ta’ żfin.

Meta tkellemna ma wħud li qed jieħdu ħsieb din l-attivita’ stajna nindunaw bl-entużjażmu li għandhom li mhux biss jagħmlu xi ħaġa li permezz tagħha jfakkru dan l-anniversarju imma wkoll li jġibu flimkien dawk li xi darba jew oħra iffurmaw parti minn dan il-group.

Ma jistax jonqos li f’din il-ġurnata jiġi servut ikel tradizzjonali li huwa marbut ma l-identita’ tagħna l-Lawrenzjani. Wara s-suċċess li nkiseb fil-festa tat-tadam li saret f’ Awissu li għadda, dan il-group ħaseb sabiex jerġa jdewwaq lil dawk preżenti dan l-ikel bnin li minn jaf kemm in-nanniet u l-antenati tagħna ħmew fil-kċejjen tagħhom.

Dan is-sit jawgura kull suċċess lil dawk kollha li qed jaħdmu u jispera li jkun il-bnazzi sabiex din l-attiivta’ tkun tista’ titgawda fil-pjazza tagħna. Minn sorsi ta’ min joqgħod fuqhom sirna nafu li jekk it-temp ma jippermettix din l-attivita’ ser issir kollha kemm hi fis-sala ta’ l-iskola.

Inħeġġu lill qarreja ta’ din il-paġna eletronika sabiex ma jitilfux din l-okkażżjoni.


Illum isiru laqgħat importanti għall-futur tal-ġemmellaġġ ma Colle Umberto.
22 September 2009

Is-Sindku taghna flimkien mas-Sindku ta Colle Umbe

Dalgħodu fil-muniċipju ta’ Colle Umberto is-Sindku Noel Formosa kellu laqgħat importanti ħafna li fihom saru diskussjonijet dwar il-proġetti futuri li jkomplu jressqu ż-żewġ kommunitajiet flimkien kif ukoll proġett li minnhom igawdu d-diversi setturi tas-soċjeta’ kemm dik taljana u anke l-kommunita’ tagħna, għal din il-laqgħa attenda wkoll il-Kappillan Injazju Borġ.

Aħna ppruvajna nikkuntatjaw lis-Sindku Noel Formosa aktar kmieni llum sabiex inkunu nafu x’kien l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat. Huwa esprima ruħu sodisfatt mhux biss għall-laqgħa imma wkoll għal jiem li d-delegazzjoni għaddiet ġewwa Colle Umberto. Huwa fakkar b’ liema mod dan il-ġemellaġġ qed iħalli aspetti pożittivi li l-kommunita’ tagħna qed tgawdi minnhom. Semma li d-diskussjoni waqt il-laqgħa ffukat prinċiparjament fuq l-konferenza li ser issir fl-aħħar ta’ Ottubru ġewwa San Lawrenz u wkoll proġett interessanti ħafna li jinvolvi liż-żgħażagħ fil-qasam tax-xogħol. Dwar l-aħħar proġett is-Sindku qal li dan il-proġett għadu qed jinħema u ma xtaqx jagħti ħafna ddettalji dwaru minħabba li jista’ jkun immatur, pero huwa assigura li jekk dan il-proġett jirnexxi jista’ jħalli ħafna u ħafna ġid fost iż-żgħażagħ tagħna.

Wara din il-laqgħa s-Sindku u l-Kappillan akkumpanjati mis-Sindku u l-President ta’ l-Assoċjazzjoni tal-ġemellaġġ u rappreżentanza mill-Kunsill ta’ Colle u s-Sur Romano Volpato ġew imdawra mas-soċjetajiet diversi li din il-kommunita’ għandha fosthom dawk li jaħdmu qalb il-persuni b’ diżabilita’ u wkoll ġew diskussi possibilitajiet ta’ proġett bejn iż-żewġ lokaltajiet anke f’dan is-settur.

Id-delegazzjoni rritornat lura l-lejla.


Tkompli l-mawra tad-delegazzjoni Lawrenzjana f’ Colle Umberto
21 September 2009

Il-Kappillan jippreżenta r-rigal lil Don Angelo

Il-bieraħ il-Ħadd saret il-festa fil-Knisja ta’ Colle Umberto li permezz tagħha ġie mfakkar il-mitejn anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-Knisja ta’ dan il-post.

Flimkien mal-Vigarju Ġenerali tad-djoċesi tal-Veneto u l-Kappillan ta’ Colle Umberto, don Angelo ċċelebraw l-ewkaristija il-Kappillan tagħna u ż-żewġ saċerdoti li qed jakkumpanjawh, Dun Joseph u Dun Richard, filwaqt li Michael u Andrew taw is-sehem tagħhom f’din iċ-ċelebrazzjoni bħala abbatini. Is-Sindku ta’ Colle Umberto Beppe Donadell kien akkumpanjat mis-Sindku tagħna waqt din il-konċelebrazzjoni.

Fl-aħħar tal-quddiesa wara li saret purċissjoni qasira bl-istawa tad-Duluri madwar it-toroq prinċipali ta’ Colle Umberto, il-Kappillan Nazju Borg u s-Sindku Noel Formosa kienu mistiedna sabiex jwasslu messaġġi qosra u wkoll ippreżentaw rigali li jfakkru dan l-anniversarju kif ukoll il-pellergrinaġġ li l-kommunita’ tagħna qed tagħmel permezz ta’ din id-delegazzjoni.

Fil-kelmtejn tiegħu l-Kappillan awgura li l-kommunita’ ta’ Colle Umberto tibqa sħiħa fil-fidi anke għas-snin li ġejjin. Ħeġġeġ sabiex l-insara ta’ din il-kommunita’ jibqgħu jħossuhom ġebel ħaj tal-Knsija ta’ Kristu. Is-Sindku faħħar lill din il-kommunita’ ta’ Colle Umberto li qed tkompli tfittex l-egħruq tagħha sabiex qatt ma tonqos l-identita’ tagħhom li qed issawwar wkoll l-identita’ Ewropea li aħna bħala Ewropeja jeħtieġ li nħarsu.

Wara l-Kappillan u s-Sindku offrew rigali lill Kappillan ta’ Colle Umberto f’isem il-kommunita’ tagħna ta’ San Lawrenz


Maqgħudin fil-fidi
20 September 2009

Il-group ta zghazagh li ha sehem

Din hija t-tema ta’ delegazzjoni li bħalissa tinsab ġewwa Colle Umberto. Din id-delegazzjoni li hija mmexxija mill-Kappillan Injazju Borg u s-Sindku Noel Formosa, għandha l-iskop li l-lokalita’ tagħna tingħaqad mal-kommunita’ tewmija tagħna biex tiċċelbra l-mitejn sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja tagħhom.

Id-delegazzjoni li hija ffurmata minn Dun Joseph Curmi, Dun Richard Farrugia, Michael Grima, Andrew Grima, l-Kappillan u s-Sindku, qed ikollhom mhux biss l-opportunita’ li jieħdu sehem fl-attivitajiet li qed jiġu organizzati mma wkoll li jżuru postijiet marbuta ma l-istorja ta’ dan il-post.

Bħalissa fl-okkażżjoni tal-biċentinarju tal-parroċċa ta’ Colle Umberto qed isiru diversi attivitajiet, li għalihom qed jattendu diversi nies u qed tkun ta’ okkażżjoni anke biex d-delegazzjoni Maltija tiltaqa ma diversi ħbieb li ssa grazzi għal dan il-ġemmellaġġ n-numru żdied b’mod tajjeb ħafna.

Fl-attivita’ li saret il-bieraħ id-delegazzjoni tagħna ngħatat sorpriża mill-group mużikali li kien preżenti fl-Lulju li għadda biex jieħu sehem fil-proġett taż-żgħażagħ li sar f’ San Lawrenz dwar il-mużika. Il-group reġa ingħaqad biex offra spetakklu ad unur tal-Maltin preżenti.

Aħna ħadna l-kummenti tal-Kappillan Dun Injazju Borg dwar din il-mawra fejn qalilna li huwa xieraq li l-kommunita’ tagħna anke jekk b’numru żgħir ingħaqdet mal-kommunita’ ta’ Colle Umberto biex tiċċelbra dan l-anniversarju li wara kollox qed jagħaqdna fil-fidi.


Il-Kunsill ikompli jinvesti fiż-żgħażagħ tagħna.
18 September 2009

Uhud miz-zghazagh li attendew is-sena l-ohra

Illum group ieħor ta’ żgħażagħ mmexxi mill-Kunsilliera Luiġia Grima ħalla ‘l Malta biex jingħaqad ma diversi żgħażagħ oħra ġejjin mill-Ewropa u flimkien jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Din hija kontinwazzjoni ta’ proġett li nbeda s-sena l-oħra eżattament ġewwa il-gżira ta’ Sardegnia fl-Italja. Dak inhar il-group ta’ żgħażagħ Lawrenzjani kellhom l-okkażżjoni li jiltaqgħu ma żgħażagħ oħrajn li kulljum jesperjenzaw l-istess esperjenza taż-żgħażagħ tagħna u dan għaliex iż-żgħażagħ kollha li ħadu sehem is-sena l-oħra u dawk iż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem din is-sena kollha ġejjin mill-gżejjer.

Din is-sena kien imiss liż-żgħażagħ ta’ Palma de Mallorca fi Spanja li jistiednu lill sħabhom għall kontinwazzjoni tal-proġett UTOPIA II. Dan il-proġett jikkonsisti f’diskussjoni fejn iż-żgħażagħ ġejjin mill-gżejjer ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu jtejbu l-livell ta’għixien tagħhom.

Aħna ħadna l-kummenti ta’ wħud minn dawk li ser jieħdu sehem, li espremew is-sodisfazzjon tagħhom għal din il-parteċipazzjoni li qalu li ser tkun mezz li apparti li jerġgħu jiltaqgħu ma sħabhom ser ikomplu jaraw liema huma dawk il-possibilitajiet sabiex il-gżejjer jinaqgħdu aktar.

F’kumment li tana s-Sindku saħaq fuq l-importanza li l-Kunsill ikompli jinvesti fiż-żgħażagħ permezz ta’ dawn il-proġetti ġejjin mill-Unjoni Ewropea, huwa qal li f’soċjeta’ li qed ngħixu llum huwa mportanti li ż-żgħażagħ tingħatlhom l-opportunita’ li joħorġu ‘l barra mill-konfini tagħhom.


Għal aktar sigurta’ fit-toroq tagħna.
17 September 2009

Misuri ta sigurta

Skond l-aħħar “Aviżi tal-Kunsill” li ġie ppubblikat mill-uffiċċju tal-Kunsill ġie mħabbar li l-Kunsill ser ikompli jieħu miżuri sabiex ikun hemm aktar sigurta fit-toroq tagħna.

Jinħass il-bżonn li minħabba l-volum ta karozzi kif ukoll trakkijiet li jgħaddu mill-lokalita’ tagħna is-sigurta’ fit-toroq tikber u wkoll tkun skond l-esiġenzi preżenti. Fil-passat il-Kunsill Lokali ħa diversi miżuri minħabba dan l-iskop u issa jidher li wasal iż-żmien li l-Kunsill jaddata għaż-żmenijiet tal-lum.

Mill-informazzjoni li ksibna minn fuq l-aħħar ħarġa ta’ l-avviżi jidher li l-Kunsill iddeċieda sabiex matul il-ġimgħat li ġejjin jieħu miżuri sabiex joħloq aktar sigurata’ fit-toroq tagħna.

Fosthom ser isiru double yellow lines fil-kantunieri kollha tar-raħal u wkoll traffic calmers fi Triq il-Wileġ u fi Triq Nicholas Monsarrat.

Permezz ta’ dawn il-miżuri ir-raħal għandu jidher aktar ordnat kif ukoll tkompli tikber is-sigurata għal dawk li jimxu fit-Triq.

Meta mistoqsi dwar dan, is-Sindku qalilna li huwa obbligu tal-Kunsill Lokali li jħares u jipprovdi sigurta b’mod speċjali għal dawk li jużaw it-toroq bil-mixi. Huwa ħeġġeġ sabiex kulħadd jobdi s-sinjali tat-traffiku biex kulħadd iħossu aktar sigur fit-toroq u jonqsu l-inċidenti fit-toroq.


Aktar flus mill-Ewropa
16 September 2009

Il-lokalita’ tagħna hija magħrufa kemm qed tkun kapaċi li tattira fondi mill-Unjoni Ewropea biex permezz tagħhom isiru proġett li minnhom qed tgawdi l-lokalita’ kif ukoll iċ-ċittadini. Rajna diversi proġett jitwettqu li minnhom gawdew ż-żgħżagħ u l-familji tagħna.

Dan l-aħħar wara li l-Kunsill applika sabiex jorganizza konferenza nternazzjonali f’ Għawdex irċieva l-aħbar sabiħa li dan il-porġett qed jiġi aċċettat u qed jingħata l-fondi massimi sabiex ikun jista’ jsir ġewwa San Lawrenz.

Din il-konferenza ser issir fl-aħħar ta’ Ottubru u magħha hemm marbut event interessanti ħafna bħal ma kien sar ġewwa d-Dwejra sentejn ilu.

Aħna ħadna r-reazzjoni tas-Sindku Noel Formosa dwar dan l-aħħar akkwist fejn esprima ruħu sodisfatt, pero qal li dawn il-fondi ma jiġux mill-ajru imma warajhom hemm siegħat twal ta’ ħidma li qed titwettaq kollha kemm hi fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali. “Mingħajr din il-ħidma u mingħajr is-sagrifiċċju żgur li dak li konna kapaċi nakkwistaw f’dawn l-aħħar snin ma konniex nakkwistawħ.”

Aktar dettalji tal-programm kif ukoll dettalji ta’ l-involviment tan-nies ser tingħata aktar ‘l quddiem.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jirriżulta li dawk li ser jieħdu sehem f’din il-konfernenza nternazzjonali huma Colle Umberto fl-Italja, La Ballme de Sillangy fi Franza u Marciana Marina mill-gżira ta’ Elba.


Dance to Celebrate
15 September 2009

Il-poster ta l-attivita

Dance to Celebrate hija t-tema ta’ attivita’ ta’ żfin li ser titella nhar is-Sibt 26 ta’ Settembru 2009 fil-pjazza ewlenija ta’ San Lawrenz, biex tfakkar il-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-group folkloristiku “Ta Ċangura – San Lawrenz”

Ħames snin ilu il-Kunsill Lokali ddeċieda li jagħti l-ħajja lil dan ilgroup sabiex barra li jqajjem l-aspett folkrositiku fir-raħal jagħti wkoll żfog differenti lil mara tad-dar u b’hekk ikun qed jilħaq skop soċjali. Meta beda jimxi, dan il-group ingħata l-awtonomija u llum qed jaħdem b’mod indipendenti mill-Kunsill Lokali u stabilixxa ruħu kemm lokalment u anke internazzjonalment.

L-attivita’ li ser titella biex jitfakkar dan l-anniversarju ser tkun attivita’ nnovattiva li fiha mhux biss ser ikun hemm debut tal-folk group ta’ Ċangura, imma wkoll ta’ diversi tipi ta’ żfin. Tant hu hekk li ser jieħdu sehem diversi gruppi u stili ta’ żfin. Fil-programm tas-Sibt 26 ta’ Settembru ser jieħdu sehem Rondo Veneziano mill-group Veninmalte, li ser jagħtu spettaklu ta’ żfin Venzjan, il-group Pro Touch Dance School bi żfin latin Amerikan, spettaklu ta’ żfin modern mil-group lokali Rhythm Dancers u s’intendi żfin folkloristiku mill-group mistieden Menhir Qala Folk group u l-group residenti ta’ Ċangura Folk Group. L-ispettaklu ser jinkorpora fih ukoll mużika tradizzjonali minn Joe Engerer u Christine Camilleri u l-preżentazzjoni tas-serata ser tkun f’idejn Moira Delia.

Waqt l-ispettakklu l-ikel li ser jinbiegħ ser ikun kollu kemm hu ikel tradizzjonali. Is-serata tibda fit-20.30

Kulħadd huwa mistieden.


Il-Media tagħti prominenza lill-proġett tas-solar water heater.
14 September 2009

dehra mill-ajru tas-solar water heaters

Matul il-weekend li għadda il-media nazzjonali rrapurtat bi prominenza dak li qed tagħmel il-lokalita’ tagħna biex tnaqqas l-emmissjonijiet fl-arja. Iż-żjara li għamel il-Prim Ministru flimkien ma l-inizjattiva ġew rrapurtati bi prominenza fuq Net news, il-gazzetta In-Nazzjon, it-Times of Malta u l-Malta Indipendent, kollha jisħqu kif il-lokalita’tagħna hija lokalita’ xempju fejn jidħlu inizjattivi eco.

Ta’min isemmi li fuq is-sit ta’ l-aħbarijiet poplari timesofmalta.com taħt l-aritklu diversi qarrejja ħallew kummenti pożittivi li jkomplu jħeġġu l-Kunsill Lokali tagħna jkompli għaddej b’dawn l-inizjattivi.

L-istess fuq il-group li waqqaf il-Kunsill fuq is-sit popolari Facebook l-Kunsill irċieva diversi kummenti li jikkumplimentaw lil Kunsill għal din l-inzjattiva.

Aħna ħadna l-kummenti tas-Sindku Noel Formosa dwar dawn il-kummenti kif ukoll l-ħsibijiet tal-Kunsill Lokali dwar proġetti simili. Huwa qal li l-Kunsill huwa kommess li jkompli għaddej b’dawn l-inizjattivi huwa qal li permezz tagħhom apparti l-edukazzjoni fost iċ-ċittadini tagħna qed jiġu ffrankati ħafna flus lin-nies tagħna.


“Ir-raħal ta’ San Lawrenz huwa ta eżempju għall-irħula oħra ta' pajjizna”
12 September 2009

Il-Prim Ministru waqt zjara ghand Familja

Dan kien il-kumment li għadda l-Prim Ministru ta’ Malta Dott Lawrence Gonzi, l-bieraħ waqt iċ-ċerimonja qasira imma sinjifikanti li fiha ġie fi tmiemu proġett ieħor ekoloġiku fir-raħal tagħna.

Fuq Belvedere Colle Umberto il-bieraħ inġabbru għoxieren ta’ Lawrenzjani sabiex jassistu għal din l-okkażżjoni li kienet tinkludi fost l-oħrajn, pittura ta’ collage mit-tfal bis-suġġett l-ekoloġija, tħawwil ta’ qsari fejn il-monument ta’ Dun Ġużepp Cauchi diskors mis-Sindku u l-Prim Ministru, u tqassim tal-flus li l-Kunsill għadda bħala sussidju ta’ din l-iskema.

Fl-intervent tiegħu s-Sindku Noel Formosa fisser kif l-Kunsill qabad triq li trid twassal lir-raħal ta’ San Lawrenz sabiex ikun awtonmu f’dik li hija enerġija. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li taw sehmehom u lir-residenti li dejjem jipparteċipaw f’kull inizjattiva li nieħdu.

Il-Prim Ministru beda d-diskors tiegħu b’referenza għat-tabella li twaħħlet fil-bidu tar-raħal li tgħid li San Lawrenz jaħseb u jaġixxi b’mod ekoloġiku. Dan, kompla l-Prim Ministru, jidħol eżatt mal-politika li addota l-Gvern għal Għawdex bħala Gżira ekoloġika. Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali San Lawrenz għal mod li bih qed jaħdem.

Fl-aħħar il-Prim Ministru żar żewġ familji li nstallaw is-solar water heater taħt l-iskema tal-Kunsill.


Għada il-Prim Ministru ta’ Malta ser ikun fostna sabiex jinawgura l-proġett tas-Solar Water Heater
10 September 2009

Wara li f’dawn l-aħħar xhur il-Kunsill kien impenjat fil-ħidma tiegħu sabiex jiġu nstallati l-aktar ammont possibbli ta’ Solar Water Heaters fil-lokalita’, issa li l-proġett huwa konkluż, għada l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi ser jkun fostna biex jinawgura u jżur xi residenzi li installaw is-Solar Water Heater.

Apparti dan il-Kunsill Lokali, għada ser jgħaddi l-flus li wiegħed li ser jagħti sabiex ikompli jgħin f’din il-inizjattiva.

Il-programm jibda fit-3.00 fejn it-tfal ser ikunu mistiedna sabiex iġibu magazines mid-dar u jagħmlu collage li aktar tard titwaħħal fl-iskola.

Mal-wasla tal-Prim Ministru imbgħad isiru xi diskorsi u kull minn qed jibbenifika minn din l-iskema jħawwel xitla fejn il-monument ta’ Dun Ġużepp Cauchi.

Dan il-proġett jidher li ntlaqa tajjeb mhux biss mir-residenti ta’ San Lawrenz imma wkoll b’mod inġenerali għaliex il-fatt li l-Prim Ministru ser iżur il-lokalita’ tagħna huwa sinjal ta’ dan.

Aħna tlabna l-kummenti tas-Sindku Noel Formosa dwar din l-attivita’ fejn qalilna li jħossu sodisfatt li wasalna sabiex nikkonkludu proġett ieħor ekoloġiku li minnu mhux biss qed igawdi l-ambjent imma wkoll b’mod dirett iċ-ċittadini tagħna li ser ikunu qed jiffrankaw ħafna fuq il-kapital u wkoll fuq l-ispiża rikorrenti ma kull kont tad-dawl u l-ilma.


Dun Joshua, jinaqgħad mal-Ħallieq
01 September 2009

Dun Joshua waqt wiehed mis-servizzi tieghu fil-par

Il-bieraħ ġie mħabbar li dun Joshua Muscat ħalla din id-dinja wara marda qalila. Dun Joshua għamel żmien jaħdem fil-parroċċa tagħna kemm bħala seminarista kif ukoll bħala djaknu. Ir-rabta tiegħu mal-kommunita’ tagħna kienet waħda ħajja tant hu hekk li baqa sa l-aħħar ma jitlef l-ebda okkażżjoni li jkun fostna. L-aħħar li rajnieħ kien fil-festa li għaddiet li għalkemm kien batut xorta waħda kien preżenti. Huwa propju għalhekk li l-kommunita’ tagħna tħoss li tilfet ħabib li għamel ħafna ġid kemm meta kien fostna kif ukoll fis-sentejn li għamel marid.

Dun Joshua ħalla din id-dinja fl-eta ta’ 27 sena pero meta tkellemna ma dawk li ħadmu miegħu stajna mmissu b’idejna l-ġid li għamel dan is-saċerdot. Wara li qaddes dun Joshua ħalla lil Malta biex imur jaħdem ġewwa Nichelino f’Torin l-Italja. Ma għaddiex ħafna żmien minn meta kellu kontra qalbu, minħabba l-mard jerġa lura f’Malta biex jibda l-kura tiegħu f’pajjiżna. Il-marda qalila tal-kanċer waslitu sabiex il-bieraħ jtemm dan il-vjaġġ li wasslu f’post aħjar, fejn illum qed igawdi frott il-ħidma li wettaq mhux biss fil-parroċċa tagħna imma wkoll f’Għawdex u f’ Torin.

Il-Funeral tiegħu ser isir għada l-Erbgħa 2 ta’ Settembru fil-5.30 fil-bażilika ta’ San Pietru u San Pawl in-Nadur. Fit-3.30pm ser ikun espost fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesu fin-Nadur stess sabiex il-pubbliku nġenerali jkun jista’ jagħtih l-aħħar tislima.

Dan is-sit jingħqad mal-kommunita’ tagħna sabiex jagħti l-kondiljanzi lill-Familja tiegħu u jingħaqad fit-talb għal ruħu.


Il-Kunsill Lokali San Lawrenz jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-post magħżul għal Mushroom farm.
25 August 2009

Ta

Il-Kunsill Lokali San Lawrenz fi stqarrija qal li meta analizza l-applikazzjoni bin-numru PA5707/07 sabiex jsir mushroom cultivation unit, fl-inħawi magħrufa ta’ Dbieġi jħoss li għandu jagħti wkoll l-opinjoni tiegħu dwar dan il-proġett.

Il-Kunsill Lokali jirrimaraka li filwaqt li jirrinkonoxxi li dan il-proġett ma jaqax fil-konfini tiegħu xorta waħda jħoss li proġett bħal dan jista’ jħalli impatt fuq il-lokalita’ u r-residenti li tagħhom il-Kunsill Lokali San Lawrenz huwa responsabbli.

Ikompli jirrimaraka li ma jara xejn ħażin li jsir it-tali proġett, pero fiċ-ċirkostanzi tas-sit magħżul jaħseb ma huwiex is-sit idejali għal tali proġett.

Dan minħabba l-fatt li dan is-sit jinsab fit-Triq prinċipali li tagħti għar-raħal ta’ San Lawrenz kif ukoll għad-Dwejra u anke jinsab fil-qrib ħafna ta’ residenzi, kemm ta’ San Lawrenz u anke tar-raħal viċin ta’ l-Għarb kif ukoll ta’ żewġ siti turistiċi mportanti li għandna f’ Għawdex, jiġifieri dak ta’ Ta Dbieġi u il-Lukanda Kempinski San Lawrenz.

Għaldaqstant il-Kunsill Lokali San Lawrenz jitlob li għandu jkun hemm reviżjoni u studju aktar fid-dettal tas-sit magħżul.


Il-Kunsill Lokali San Lawrenz magħżul biex jipprepara strateġija fit-tul għall-lokalita’ sostenibbli.
19 August 2009

Waqt li s-Sindku qed jircivi s-somma tal-flus mirb

Illum fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli saret preżentazzjoni ta’ fondi li permezz tagħhom, Ħad Dingli, San Lawrenz u l-Ħamrun ġew magħzula wara li saret applikazzjoni biex jippreparaw rapport li permezz tiegħu dawn il-lokalitajiet joħolqu strateġija fit-tul għall-lokalita’ sostenibbli. Dawn il-Kunsilli għandhom iservu ta’ mudell għall-Kunsilli l-oħra ta’ Malta u Għawdex.

Il-Kunsill tagħna ingħata s-somma ta’ € 15,000 biex jagħmel dan ir-rapport, li ser ikun mibni wara konsultazzjoni ma’ l-għaqdiet tal-lokal kif ukoll mar-residenti.

Il-bażi tar-rapport li fuqu l-Kunsill tagħna ibbaża l-applikazzjoni tiegħu jinkludi studju li jinqasam fuq tlett pilastri li huma nfrastruttura, identita’ u sostenibilita’. L-istudju jiffoka biex permezz ta’ proġetti nkabbru l-livell ta’ għixien u nkunu qed nattiraw turiżmu ta’ kwalita’ lejn lokalita’ aħjar. Apparti dan l-istudju jrid iwassal sabiex il-lokalita’ tagħna tikkontribwixxi għal gżira u pajjiż aħjar. Fuq kollox dan l-istudu ser joħloq strateġija sabiex kull deċiżjoni tkun waħda ħolistika u sostenibbli.

Il-preżentazzjoni tal-flus saret waqt ċerimonja li kienet presiduta mill-Onor. Dr Chris Said Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Għal din iċ-ċerimonja attenda wkoll id-Direttur tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali kif ukoll il-President ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. F’kelmtejn qosra is-Sindku Noel Formosa wara li rringrazzja lill-Gvern għal din l-inizjattiva fisser wkoll fejn il-Kunsill tagħna jrid jasal permezz ta’ dan ir-rapport.

Għal din l-okkażżjoni attendew wkoll il-Viċi Sindku u l-kunsilliera kollha flimkien mas-segretarja Eżekuttiv tal-Kunsill.


Illum id-dinja kollha tiċċelebra l-Għid ta’ San Lawrenz
10 August 2009

Illum raħalna qed jingħaqad mal-bqija tad-dinja sabiex niċċelebraw flimkien il-Jum ta’ San Lawrenz. San Lawrenz huwa wieħed mill-aktar qaddisin importanti tal-Knisja Kattolika u l-kult tiegħu huwa mifrux ma l-erbgħa t’irjieħ tad-Dinja. Huwa Qaddis li sal-ġurnata tallum għadu jiġbed l-ammirazzjoni ta’ ħafna minħabba x-xhieda li ta f’ ħajtu u li minħabba din ix-xhieda ħalla ħajtu fuq gradilja.

San Lawrenz li jingħad li hu sponjol għex fl-ewwel żminjiet tal-Knisja, fi żminjiet li fihom il-Knsija kienet ppresegwitata ħafna. Ta’ eta żgħira huwa mar Ruma flimkien ma Sistu li aktar tard sar Papa. San Lawrenz għandu rabta kbira ma dawk l-aktar li huma mwarba mis-soċjeta’. Nistgħu ngħidu li kien minn ta’ l-ewwel li ppromwova d-drittijiet ta’ dawn il-persuni li mingħajr biża jeħodhom quddiem l-imperatur u jisfidaħ li għal Knisja dawn in-nies huma meqjusa bħala t-teżori tagħha. Minħabba dan San Lawrenz ġie mogħti wieħed mill-eħrex martirji ta’ l-ewwel żminjiet tal-Knisja.

Ir-rabta tar-raħal tagħna ma dan il-qaddis tmur lura wkoll fiż-żmien, tant hu hekk li l-istorja tgħidilna li minn żmenijiet bikrija f’dawn l-inħawi minn dejjem kienet teżisti xi kappella ddedikata lilu. Pero mhux biss f’dawn l-inħawi imma wkoll ġo Għawdex, jingħad, skont l-eqdem storiku Għawdxi Agius de Soldanis, li twieled f’ Għawdex fl-1712, fil-Ktieb tiegħu “Għawdex bil-ġrajja tiegħu” li l-anzjani ta’ dak iż-żmien kienu jgħidu l-eqdem kappella fil-kastell kienet iddedikata lil San Lawrenz. Dan juri kemm l-imħabba lejn dan il-qaddis hija waħda marbuta mhux biss ma raħalna imma wkoll ma pajjiżna.


Festi kbar ta’ raħal żgħir li jixirqu lil Qaddis Kbir
10 August 2009

waqt il-hrug tal-Purcissjoni solleni ta

Il-bieraħ il-ħadd ġew fi tmiemhom il-festi li l-kommunita’ tagħna għamlet ad unur tal-qaddis patrun tagħna San Lawrenz. Festi li matulhom il-kommunita’ tagħna uriet verament l-imħabba li għandha lejn San Lawrenz.

Filgħodu sar il-pontifikal mill-Isqof Mario Grech li waqt l-omelija tiegħu wassal messaġġ lid-djoċesi dwar il-valuri li San Lawrenz għadu jgħallem illum speċjalment f’din is-sena ddedikata lis-saċerdoti. Il-kant waqt din l-ewkaristija kien animat mill-Orkestra w l-kor taħt t-tmexxija ta’ Mro Carmel Grech.

Wara mbgħad sar il-marċ magħruf bħala tal-ħdax li telaq minn triq il-Wileġ u wasal fil-pjazza. Imbgħad filgħaxija fil-Knisja sar l-għasar sollenni immexxi mill-Kappillan dun Injazju Borg akkumpanjat mill-presbiterju tal-parroċċa tagħna. Fit-8.00 imbgħad sar il-ħruġ tal-purċissjoni sollenni bl-istatwa artistika ta’ San Lawrenz li kienet imexxija minn Dun Joseph Curmi. Kienu ħafna dawk li ħonqu l-pjazza u t-toroq tagħna sabiex flimkien niċċellebraw lil San Lawrenz. Wara d-dħul tal-purċissjoni, bl-innu sabiħ “f’ Jum il-Mewt” tieghek ingħatat il-barka sagramentali.

Dalgħodu beda ż-żarmar ta’ l-armar sabiħ li kelna jżejjen lil raħalana mill-kumitat ħabrieki tal-Festa u l-lejla fil-knisja ser issir iċ-ċelebrazzjoni sollenni ta’ Jum San Lawrenz li flimkien mal-Knsija kattolika fid-dinja ir-raħal tagħna ser jiċċelebra.


Festi kbar adunur Qaddis Kbir!
08 August 2009

Dawk li refghu l-istatwa tad-dimostrazzjoni

Il-bieraħ kien l-aħħar Jum tat-Tridu, ġurnata li fiha Dun Joseph Sultana, s-saċerdot li għamel dawn il-priedki għamel l-aħħar priedka tiegħu dwar il-valuri li għandna nimitaw fil-qaddis Patrun tagħna, kienet mistħoqqa ċ-ċapċipa li tagħtu l-miġemgħa fl-aħħar tal-priedka. L-ewkaristija kienet ċċelebrata minn Mons Ġovanni Bosco Gauci, l-vigarju djoċesan u arċidjaknu tal-katidral ta’ Għawdex. Il-mistiedna speċjali ta’ din l-ewkaristija kien l-emigranti u dawk il-lawrenzjani li jgħixu barra mir-raħal tagħna. F’din il-quddiesa ġie mfakkar ukoll Nazzareno Formosa li sittin sena ilu kien ħalla ħajtu waqt li kien qed jaħdem in-nar għall-Festa.

Wara l-quddiesa imbgħad fil-ġenb tal-Knisja saret attivita’ mhux tas-soltu u nnovattiva għall-aħħar. Jekk intom il-qarrejja tiftakru, fix-xitwa li għaddiet fotografu franċiż kien fostna sabiex jisraq siltiet mill-ħajja ta’ kuljum tagħna l-Lawrenzjani u jirreġistrahom fuq ritratt. Dan il-proġett li ntlaqa tajjeb ħafna. Mill-bieraħ ftit minn dawn ir-ritratti qed ikunu għal wiri mal-ħajt fil-ġenb tal-Knisja, filwaqt li r-ritratti kollha qed jiġu pproġetti mal-ħajt tal-Knisja. Din il-wirja ġiet inawgurata l-bieraħ mill-Onor. Ministru għal Għawdex Ġovanna Debono waqt ċerimonja qasira ħafna li kienet tinkludi diskors mis-Sindku, minn Kevin Sciberras l-persuna nkarigata mill-Kultura f’ Għawdex u mill-antropologu Ray Debono Roberts.

Bla dubju ta’ xejn il-bieraħ kien imiss li jibdew dawk il-festi li nsejħulhom ta’ barra, bid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Lawrenz, magħrufa bħala ta’ “barra” xogħol sabiħ ħafna ta’ l-istatwarju Wistin Camilleri Cauchi. Din is-sena għal din l-istatwa qed jiġu mżanżna gradilja, dijadema u palma gdida. Meta l-marċ mill-banda Prekursur tax-Xewkija waslet fil-pjazza San Lawrenz, fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti ġie mtellgħa fuq il-pedistal. Għal din l-okkażżjoni din is-sena wkoll ġie mżanżan apparat eletroniku ġdid li bih itellegħet l-istatwa. Dan l-appart huwa rigal ta’ Lino Zielo minn Colle Umberto l-Italja, li offra li jagħmel dan bħala turija u mħabba lejn San Lawrenz u l-Lawrenzjani.


It-tieni Jum tat-Tridu u jiġi fi tmiemu is-26 edizzjoni tal-Festival San Lawrenz
07 August 2009

Il-group ta zghazagh Lawrenzjani waqt il-prezentazzjoni taghhom

Il-bieraħ kien it-tieni jum tat-tridu. Fr. Joseph Sultana li qed jagħmel dawn it-tlett ijiem ta’ priedki dwar kif San Lawrenz jista jiġi attwat fil-ħajja tagħna tallum għamel it-tieni priedka tiegħu.

Wara l-quddiesa fil-pjazza saret l-aħħar attivita’ minn sensiela ta’ ħamsa tal-Festival San Lawrenz. B’hekk ġie fi tmiemu is-26 edizzjoni ta’ dan il-Festival u għamel wisa sabiex mill-lejla jingħata bidu għall-Festi tradizzjonali ta’ San Lawrenz li jiġu fi tmiemhom nhar il-Ħadd 9 ta’ Awissu bil-purċissjoni bl-istatwa tal-patrun tagħna li ddur mat-toroq ewlenin tar-raħal.

Is-serata tal-bieraħ tal-Festival kienet tinkludi l-aqwa elementi ta’ l-ispettakklu lokali, mhux biss imma wkoll din is-sena kelna element internazzjonali. Chiara, Pamela Augusto Cardinali u l-group taż-żfin taż-żgħażagħ Lawrenzjani u dawk tal-bravu Dorian Mallia żejnu din is-serata li kienet ppreżentata minn John Demanuele, filwaqt li s-serata ġie fi tmiemha bil-kantant Jay P mill-Awstralja li permezz tal-kitarra tiegħu ħoloq atmosfera tassew sabiħa fil-pjazza ewlenija tagħna.

Waqt l-ispettakklu tal-bieraħ saru żewġ preżentazzjonijiet important ħafna waħda mis-Sindku lil dawk l-istudenti li ggradwaw matul is-sena u l-oħra mill-Kappillan liż-żgħażugħ Michael Camilleri min Nadur li din is-sena rebaħ il-Palma tad-Deheb li tingħata ta’ kull sena mill-lokalita’ tagħna lil dak iż-żagħżugħ jew żagħżugħa li jkun iddistingwixxa ruħu fil-qasam mużikali.

Il-lejla fil-Knisja ssir l-aħħar ewkaristija tat-Tridu u wara fid-9.30 jingħata bidu għad-dimorstrazzjoni. Imma qabel dan, fil-ġemb tal-Knisja, eżattament fil-bidu ta’ Triq il-Wileġ ser tiġi nawgurata l-wirja tal-fotografija mill-fotorgrafu franċiż li kien magħna fix-xitwa li għaddiet li ġibed ritratti dwar il-ħajja soċjali taċ-ċittadini Lawrenzjani.


L-aħħar Jum tan-Novena...Fr Joseph jagħmel il-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-parroċċa tagħna...tiġi organizzata l-ikla tal-Festa
05 August 2009

Waqt il-hasil tar-riglejn

Il-bieraħ fil-għaxija fil-Knisja tagħna bħala parti min-Novena saret l-aħħar quddiesa tan-Novena li kienet iddedikata lis-Saċerdozju. Dan ħabat mal-Festa ta’ San Ġwann Marija Vjannej, kif magħruf aħjar il-Kurat ta’ Ars, li din is-sena il-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-150 anniversarju mill-mewt tiegħu. L-ewkaristija ġiet ċċelebrata minn Dun Joseph, li kien akkumpanjat mill-presbiteru kollu tal-parroċċa tagħna, jiġifieri, L-Kappillan, Dun Charles, Dun Ġuzepp u Dun Manwel. Kienet tassew quddiesa sabiħa, dawn kienu l-kummenti ta’ dawk kollha li attendew.

F’din il-Quddiesa filwaqt li sar talb għas-saċerdoti, kif ukoll radd ta’ ħajr lil Alla għas-saċerdozju, Dun Joseph u l-kommunita’ kollha raddew ħajr ‘l Alla għas-saċerdozju tiegħu. Waqt din il-quddiesa is-saċerdoti kollha biex juru x’inhu verament l-impenn tagħhom s-sinjifikat vera tas-saċerdot ħaslu saqajn ħames anzjani mill-kommunita’ tagħna. Fl-omelija tiegħu Dun Joseph fisser ir-rwol tas-saċerdot kif ukoll tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-kommunita’ tagħna. Fl-aħħar tal-quddiesa li kienet animata mill-Kor tal-parroċċa tagħna, l-Kor Levita Laurentius, dawk kollha preżenti telgħu sabiex biesu idejn Dun Joseph li kienu midluka bil-fwieħa tal-balzmu.

Wara l-quddiesa fil-pjazza mbgħad kompla il-Festival San Lawrenz li daħal fit-tielet ġuranta tiegħu. L-bieraħ kien imiss li ssir l-ikla tal-Festa u fil-programm ħadu sehem l-group spectrum kif ukoll il-preżentaturi tal-programm Joe u Veronica Farrugia magħrufa aħjar bħala d-Dulli. L-aktar li spikkaw fil-programm tal-bieraħ kienu t-tfal tagħna li ta’ kull sena qed jingħataw l-opportunita’ sabiex jesponu t-tatalenti tagħhom.


Il-Ġimgħa tal-Festival, titlaq bil-kbir!
04 August 2009

Il-bieraħ fil-pjazza infetaħ is-separju għas-26 edizzjoni tal-Festival San Lawrenz b’serata iddedikata kollha kemm hi għall-folk. Filwaqt li fil-Knisja il-bieraħ spikkat il-familja bil-ġurnata ddedikata propju għall-Familja.

Fil-Knisja bħala parti min-Novena saret l-Ewkaristija li kienet dedikata għall-familja speċjalment dawk il-familji li żżewġu matul din is-sena u dawk il-familji li qed jiċċelebraw anniversarji mportanti fil-ħajja matrimonjali tagħhom. Fl-aħħar tal-quddiesa saret ukoll il-preżentazzjoni tat-trabi u t-tfal lil San Lawrenz sabiex iżomm fuqhom il-ħarsien tiegħu. Bħala tifkira l-kappillan qassam ukoll salib lil kull familja Lawrenzjana liema salib ġie maħdum minn Dun Ġużepp Piscopo. Wara mbgħad fuq iz-zuntier tal-Knisja inqasam Cake minn dawk il-familji li ċċelebraw xi anniversarju.

Eżatt wara ingħata bidu għal-ewwel serata ta’ din il-ġimgħa tal-Festival San Lawrenz, b’serata ddedikata kollha kemm hi għal folklor. Din is-serata spikka bil-qawwi l-element folkloristiku, bis-sehem ta’ gruppi u kantanti folkloristiċi minn Għawdex u minn Malta. Bla dubju ta’xejn ta’ Ċangura –San Lawrenz Folk grupp reġgħu serqu x-xena biż-żfin armonjuż u professjonali tagħhom.

Il-lejla fil-knisja ser tiġi ċċelebrata l-ewwel quddiesa solleni ta’ Dun Joseph Curmi u bħala kommunita’ sejrin inroddu ħajr ‘l Alla miegħu għad-don tas-saċerdozju. Wara din il-quddiesa mbgħad ser issir l-ikla tal-Festa sabiex flimkien inkomplu nifirħu f’din l-okażżjoni u l-okkażżjoni tal-Festa. Din l-ikla ser tkun bis-sehem tal-grupp Spectrum, żfin u diversi kantanti żgħar li ser jagħmlu l-ewwel debut tagħhom f’dan il-Festival.

Sadanitant il-Kunsill qed iħabbar li l-Cameras tal-pjazza u tal-Knisja jinsabu online għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jridu jsegwu l-Festa.


Tkompli n-Novena…dħalna fil-ġimgħa tal-Festa
03 August 2009

Waqt il-Quddiesa tal-bierah

Il-bieraħ il-Ħadd kien imiss il-jum iddedikat lill-Għarajjes filwaqt li filgħaxija saret il-quddiesa li fiha sar talb speċjali għall-morda u l-anzjani tagħna.

Filgħodu l-Ewkaristija kienet ċċelebrata minn Dun Anton Thewma li huwa s-saċerdot inkarigat mill-familja fid-djoċesi ta’ Għawdex. F’din l-ewkaristija waqt il-priedka Dun Anton tkellem dwar l-importanza tal-preparazzjoni ta’ l-għarajjes fil-mixja tagħhom għas-sagrament taż-żwieġ.

L-għarajjes tal-parroċċa tagħna li qed jippreparaw għal din il-mixja, ġeddew il-wegħdiet tagħhom li jgħixu din il-mixja kif jixtieq Kristu u fl-aħħar tal-quddiesa ġew ippreżentati tifkira ta’ l-okkażżjoni u wkoll iċ-ċertifikat ta’ l-attendenza għal dawn il-laqgħat.

Wara nofs inhar imbgħad fil-Knisja sar talb speċjali għall-morda permezz ta’ Ewkaristija mmexxija minn Fr Joe Borg. F’din l-okkażżjoni ġie amminstrat ukoll is-sagrament tal-griżma tal-morda għall kull min kien jixtieq, u wara sar festin għal-anzjani fis-sagristija tal-Knsija.

Illum hija ġurnata ddedikata għall-familja fil-Knisja ssir l-ewkaristija tan-Novena u aktar tard fid-9,00pm fuq il-palk fil-pjazza jingħata bidu għall-Festival San Lawrenz bil-ġurnata ddedikata għall-Folklor fost il-kant u daqq folkloristiku il-Folk Group ta’ Ċangura, il-folk group tal-lokalita’ tagħna ser jagħti l-ispettakklu tradizzjonali tiegħu.


Saret il-Festa tat-Tadam għall-ewwel darba… Suċċess kbir!
02 August 2009

membri tal-ghaqdiet mir-rahal jippreparaw il-prod

Il-bieraħ s-Sibt saret in-Novena tat-tfal, filgħodu saret il-quddiesa bis-sehem tat-tfal li kienet animata minn Fr Mark Demanuele. Fl-aħħar tal-quddiesa l-kappillan tella rigali sbieħ lil dawk it-tfal li attendew dejjem għall-erbgħat u wara t-tfal kollha ħarġu fuq iz-zuntier biex telqu bżieżaq b’messaġġ lil San Lawrenz.

Fl-istess ġurnata fil-pjazza kienet għaddejja attivita’ mhix tas-soltu, attivita’ li permezz tagħha kienet qed issir preparazzjoni għal dak inhar filgħaxija fejn għall-ewwel darba f’ Għawdex saret il-Festa tat-Tadam li kienet organizzata mill-Ministeru għal affarijiet rurali u l-Kunsill Lokali tagħna.

Filgħaxija, imbgħad, il-pjazza ttrasformat ruħha fi spettaklu li fih spikkat l-frotta tat-tadama. L-għaqdiet tal-lokal tagħna ppreparaw diversi ikel b’bażi tat-tadam u l-produtturi tat-tadam li għandna f’ Malta u Għawdex tellgħu stands li fihom esponew kif minn din il-frotta joħolqu prodotti lokali bħal ma hija l-kunserva u oħrajn. Fil-Knisja bħala parti min-Novena ta' preparazzjoni għall-Festa, l-Kappillan ċċelebra l-Ewkaristija flimkien ma Dun Ġużepp u Dun Charles li fiha ingħata radd ta' ħajr lil Alla għal prodotti li toffrilna l-art, fosthom it-tadam.

Għall din l-attivita’ attenda wkoll l-Ministru għall-affarijiet Rurali l- Onor George Pullicino li mhux biss iltaqa ma dawk preżenti imma wkoll pparteċipa fl-attivitajiet li kienu għaddejjin.

Aħna tkellemna wkoll ma wħud minn dawk li attendew għal din l-attivita’ li lkoll kemm huma fissru s-sodisfazzjon tagħhom għal din l-attivita’.

Meta tkellemna mas-Sindku qalilna li dan is-suċċess li konna kapaċi niksbu din is-sena huwa ta’ stimolu sabiex din l-attivita’ tirrepeti ruħha s-sena d-dieħla.


Jiżdied Abbati ieħor mal-lista ta’ l-abbatini fil-parroċċa tagħna.
01 August 2009

Waqt il-vestizzjoni

Il-bieraħ bħala parti minn Novena saret il-vestizzjoni t’ abbati ġdid mill-parroċċa tagħna. Din l-ewkaristija u l-vestizzjoni kienet imexxija mir-Rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri li għal tlett snin serva kappillan fil-parroċċa tagħna.

L-abbati l-ġdid huwa t-tfajjel Justin Grima li għal dawn l-aħħar xhur kien jipprepara ruħu sabiex jibda jservi fl-artal.

Fl-omelija tiegħu Dun Daniel fisser kemm hu mportanti s-saċerdot fis-soċjeta’ tallum u ħeġġeġ lill-abbatini sabiex Kristu jkun l-aktar persuna mportanti f’ħajjithom. F’din l-istess ċelebrazzjoni l-abbatini li jservu fil-parroċċa tagħna ġeddew il-wegħdiet li huma kienu għamlu meta saru abbatini.

Fl-aħħar tal-quddiesa ir-Rettur tas-seminarju ħabbar li għas-sena d-dieħla d-Djoċesi ta’ Għawdex żiedet sena ġdida bħala preparazzjoni għas-seminaristi, li ser tkun sena speċjali li fiha ż-żgħażagħ li jkunu qed juru nteress li jsiru saċerdoti jkollhom sena ta’ preparazzjoni qabel jidħlu s-Seminarju. F’dan il-mument ir-Rettur ta aħbar sabiħa lill-kommunita’ tagħna li Michael Grima l-abbati li huwa responsabbli mill-abbatini ser jagħmel din l-esperjenza. Huwa ħeġġeġ lill-kommunita’ Lawrenzjana biex titlob għalih.

Wara l-quddiesa l-abbatini flimkien mal-ġenituri tagħhom kienu mistiedna fiċ-ċentru tal-vokazzjonijiet għal riċeviment li kien ippreparat mill-istess abbatini.


Tajna bidu għal festi!!
31 July 2009

Waqt li San Lawrenz kien f

Il-bieraħ fi Knisja ppakkjata bin-nies wara l-quddies ċċelebrata minn Dun Manwel Cutajar flimkien mal-Kappillan u l-Kleru tal-Parroċċa tagħna, l-istatwa artistika ta’ San Lawrenz, il-Patrun tagħna inħarġet minn niċċa sabiex f’dawn il-jiem importanti għar-raħal tagħna jkollha l-post li jixraqliha.

Il-ġurnata tal-bieraħ, l-ewwel jum tan-Novena kienet iddedikata liż-żgħażagħ u l-adoloxxenti. Fl-omelija tiegħu Dun Manwel li jinsab fostna għall-vaganzi mill-Albanija, saħaq fuq l-importanza tal-familja u rringrazzja ‘l Alla għas-sabiħ li l-kommunita’ tagħna għandha.

Wara l-priedka l-Kappillan sejjaħ lill-adoloxxenti sabiex f’isem il-parroċċa jġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija. Kien ġest sabiħ ħafna li wara li ġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija offrew fjura ħamra bħala sinjal tal-martirju li fil-ħajja tagħhom jeħtieġ li jagħmlu.

Il-funzjoni ġiet fi tmiemha meta l-Kappillan sejjaħ lil Dun Charles sabiex jiftaħ in-niċċa ta’ San Lawrenz u fost l-entużjażmu ta’ dawk preżenti l-istatwa bdiet ħierġa minn ġon-niċċa. Meta l-istatwa sabet f’postha fil-Knisja l-Kappillan talab għal-morda kif ukoll sabiex il-Mulej jagħtina festa li tkompli tressaqna lejh u tgħaqqadna bħala parroċċa.

Wara din il-funzjoni il-Kappillan stieden lill-Emigranti kif ukoll lill-membri li jaħdmu fil-parroċċa għal repo tradizzjonali fid-dar parrokkjali.

Sadanitant il-lejla jkompli għaddej il-programm tal-Festa, li dan is-sit ser ikompli jżommkom aġġornat b’dak kollu li jkun qed jiġri. Min hawn u ftit ieħor ser jerġgħu jinxtegħlu l-camreas li għandna fil-pjazza sabiex l-emigranti tagħna jkunu jistgħu jsegwu l-festa magħna.


Il-Festa toqrob ġmielha, nibdew bil-festa tat-Tadam.
27 July 2009

Kull minn jgħaddi mir-raħal tagħna f’dawn il-ġranet jinnota li ser tiġri xi ħaga. It-toroq tagħna qed jilbsu l-libsa tal-Festa u bir-raġun! Il-festa qegħda wara l-bieb. Matul din il-ġimgħa nibdew bin-novena u nhar is-Sibt li ġej jingħata bidu għall-Festival San Lawrenz.

Din is-sena ser nibdew ġurnata qabel mis-soltu u dan għaliex ir-raħal tagħna ser jerġa għal darb’oħra jkun nnovattiv f’ l-istil ta’ organizzaajoni ta’ attivotajiet marbuba mal-Festa. Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-affarijiet Rurali b'kollaborazzjoni mal-Kunsill tagħna nhar is-Sibt 1 ta' Awissu ser jorganizza għall-ewwel darba il-Festa tat-Tadam ġewwa Ghawdex.

Il-lokalita’ tagħna ġiet magħżula sabiex fiha titella din il-Festa li l-iskop tagħha huwa sabiex jiġi sostnut il-prodott lokali. Ir-raħal tagħna għandu rabta speċjali mal-prodott tat-tadam, għalhekk kien xieraq li din il-festa ssir fil-lokalita’ tagħna.

Bħalissa qed jinħadem programm tajjeb ħafna li permezz tiegħu ser ikun ta' attrazzjoni unika u festival oriġinali għall-gżira tagħna.

F’dan il-festival ser ikun hemm il-parteċipazzjoni tal-produtturi tat-tadam f’ Għawdex, tal-parroċċa, ta’ l-għaqdiet tar-raħal u ta’ diversi nies li jinteressaw ruħhom fis-suġġett.

Din l-attivita’ għandha tkompli tkun okkażżjoni unika għalina l-Lawrenzjani sabiex inkomplu nuru l-karattru tagħna kif ukoll okkażżjoni sabiex nattiraw aktar turisiti lejn il-lokalita’ tagħna.


Grazzi ħafna lill-Poplu Malti u Għawdxi u lis-supporters kollha tat-Tieqa tad-Dwejra
22 July 2009

Kopja ta

Il-bieraħ ħareġet l-aħbar li t-Tieqa tad-Dwejra mhix ser tkun fil-finali tas-7 meravilji tad-Dinja. Xi ġimgħat ilu sirna nafu li permezz tal-votazzjoni mondjali t-Tieqa tad-Dwejra ġiet klassifikata għas-semifinal. Wara din il-klassifikazzjoni li saret permezz ta’ votazzjoni mondjali fuq is-sit www.new7wonders.com , kien imiss li panel ta ġurija jagħżel 28 sit għal finali.

Sfortunatament it-Tieqa tad-Dwejra ma kklassifikatx. F’ittra mill-organizzaturi mibgħuta fil-Kunsill Lokali, fejn infurmaw li t-Tieqa ma għaddietx, l-istess orgnaizzaturi faħħru l-impenn tal-Kunsill sabiex iġibu ‘l quddiem u jirreklamaw it-Tieqa tad-Dwejra, “It-Tieqa tad-Dwejra żgur li akkwistat aktar għarfien internazzjonali, grazzi għall-impenn pożittiv tagħkom”. Dan kien wieħed mill-kummenti f’l-ittra li rċieva l-Kunsill il-bieraħ (li qed nippubblikaw kopja tagħha).

Aħna tlabna lis-Sindku x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill Lokali dwar din l-aħbar. Huwa qalilna li l-Kunsill Lokali qed iħares lejn din l-esperjenza bħala esperjenza pożittiva, li permezz tagħha r-raħal ta’ San Lawrenz għen sabiex jagħti aktar pubbliċita’ turistika lill-pajjiżna. Huwa kompla jgħid li meta jħares lejn l-ammont ta’ nies (bejn wieħed u ieħor fuq mitt miljun) li żaru s-sit eletroniku biex jivvutaw diġa huwa prova biżżejjed tal-ġid addizzjonali li ħareġ minn din l-esperjenza. Fl-aħħar is-Sindku rringrazzja lill-Poplu Malti u Għawdxi kif ukoll lis-supporters kollha tat-Tieqa tad-Dwejra, għal impenn li wrew favur din l-inizjattiva tal-Kunsill, “mingħajr dan l-impenn ma konniex naslu fejn wasalna”.

Jidher li dan l-avveniment qed jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-media lokali tant hu hekk li kienu diversi radios u gazzetti li qed jirraportaw dan l-avveniment bi prominenza.


Iż-żgħażagħ jirritornaw lura b’sodisfazzjon kbir
20 July 2009

Waqt l-attivita

Nhar il-ġimgħa li għaddiet b’mod uffiċċjali ġie fi tmiemu l-iskambju li sar fil-lokalita’ tagħna li permezz tiegħu laqqa żgħażagħ ġejjin minn diversi pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.

Quddiem iz-zuntier tal-Knisja saret l-attivita’ konklussiva li fiha l-pjazza tagħna ttrasformat ruħha f’pjattaforma ta’ kulturi u identitajiet differenti. Attivita’ li fiha ħareġ ħafna l-aspett ta’ l-Ewropa kif ukoll l-valuri Ewropej.

Bħala waħda mill-konklużjonijiet ta’ dan l-iskambju ġiet prodotta CD b’ diski oriġinali magħmulha mill-istess żgħażagħ. F’dan is-CD tispikka l-oriġinalita’, l-prosfessjonalita’ pero fuq kollox l-innovazzjoni u l-importanza li f’din is-soċjeta’ għandna nagħtu spażju liż-żgħażagħ biex inħalluhom jikkrejaw proġetti ġodda.

F’diskors qasir ta’ l-okkażżjoni s-Sindku Noel Formosa, tkellem dwar l-importanza ta’ skambji simili u ta’ kemm il-lokalita’ tagħna għandha għaliex tkun kuntenta li mhux biss qed tgħin liż-żgħażagħ tagħna jiżviluppaw imma wkoll qed isservi ta’ hub għal skambji ta’ żgħażagħ Ewropew. Huwa rringrazzja lill dawk kollha li taw sehmhom biex dan l-iskambju seta’ jirnexxi, b’mod partikolari liż-żgħażagħ tagħna mexxija minn Lawrence Cauchi li taw ħinhom b’mod volontarju għal dan il-għan.

Kien mument emozjonanati ħafna meta s-Sibt filgħodu l-gruppi bdew iħallu l-post fejn kienu alloġjati, fl-istess ħin kienu “mument sodisfaċenti” hekk qallina s-Sindku meta talbnieh jikkumenti dwar din l-esperjenza. “Permezz ta’ dan l-iskambju erġajna kkontribwixxejna sabiex l-Ewropa tagħna tkun aktar maqgħuda”.


We Speak Music...
14 July 2009

Waqt wahda mill-Ikliet li gew organizzati ghalihom

Bħalissa fil-lokalita’ tagħna group ta’ erbgħin żagħżugħ u żagħżugħa qed jgħixu maż-żgħażagħ tagħna biex flimkien jiddiskutu kif il-mużika tista’ tkun ta’ mezz kif iż-żgħażagħ ewropej isiru jafu aktar lil xulxin.

Aħna kelna l-okkażjoni li nsegwu xi ftit mill-programm ta’ dawn iż-żgħażagħ u mpressjonana ruħna kif dan is-suġġet qed verament jistimola fiż-żgħażagħ tagħna u jkunu nnovattivi biex jaraw kif permezz tal-mużika jikkombattu r-razziżmu, kif ukoll ikunu aktar miftuħin għal-kreattvita’.

Bħallissa dawn iż-żgħażagħ tqassmu f’diversi gruppi ta’ ħidma u qed jippreparaw biċċiet mużikali oriġinali li jittrattaw fost l-oħrajn, l-inklużżjoni soċjali, l-ambjent, l-innovazzjoni u suġġetti oħrajn. Dawn il-biċċiet issa ser jiġu rekordjati ġo studio u ser tiġi prodotta CD b’dawn il-biċċiet mużikali. Din is-CD ser tiġi llanċjata nhar il-ġimgħa li ġej waqt attivita’ apposta li ser issir fil-pjazza fit-8.30pm. Għal din l-attivita’ kulħadd huwa mistieden.

Sadanitant dawn iż-żgħażagħ qed ikollhom ukoll l-opportunita’ li jaraw x’kapaċi toffri l-gżira tagħna, permezz ta’ attivitajiet li qed jiġu organizzati apposta għalihom. Sa issa dawn iż-żgħażagħ żaru l-bajja tad-Dwejra, Ħondoq ir-Rummien u r-Ramla. Għada ser iżuru l-Kemmuna u l-Ġimgħa mbgħad ser ikollhom ġurnata Malta fejn ser ikollhom l-opportunita’ li jsegwu l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali waqt il-provi tagħhom.


Il-Kommunita’ Lawrenzjana tieħu sehem bi ħġarha fil-Quddiesa sollenni ta’ Radd il-Ħajr ta’ Fr. Joseph Curmi.
13 July 2009

Waqt il-korteo mid-dar ghal Knisja

Il-bieraħ il-Ħadd il-kommunita’ tagħna mmexxija mill-Kappillan Injazju Borg, ħadet sehem fil-Quddiesa li saret fil-Bażilika ta’ Marija Bambina x-Xagħra fil-Quddiesa ta’ Radd il-ħajr li għamel is-saċerdot novell Joseph Curmi.

Għal dawn l-aħħar erbgħa snin Dun Joseph kien responsabbli mit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u fl-aħħar sena, kif konna ħabbarna anke fuq dan is-sit, Joseph għex fiżikament fil-kommunita’ tagħna, fid-dar parrokkjali mal-Kappillan u Fr. Charles. Dan il-fattur għen sabiex Dun Joseph daħal aktar fil-ħajja ta’ kulljum tagħna u nistgħu ngħidu li anke daħal f’qalbna. Dan esperjenzajnieh il-bieraħ meta rajna parteċipazzjoni qawwija talkommunita’ tagħna waqt din il-quddiesa.

Fl-aħħar tal-Quddiesa fir-ringrazzjamenti tiegħu, huwa aċċenna b’mod dirett għall-kommunita’ tagħna kif ukoll għaż-żmien li għex fostna , li sejjaħħlu bħala żmien li għenu wkoll fil-mixja tiegħu lejn is-saċerdozju.

Aħna tkellemna ma xi studenti kif ukoll ġenituri tagħhom li kellhom l-okkażżjoni li jitħarġu minn dun Joseph stess. Ir-risposta ħadniha mall-ewwel, dun Joseph ħalla impressjoni pożittiva fuq il-ħajja tagħhom, tant li espermew id-dieqa tagħhom meta dun Joseph ħa jiġi biex iħalli il-parroċċa tagħna, ħalli jkompli l-istudji barra minn Malta.

Jidher ukoll li l-parroċċa tagħna qed tħejji programm biex f’xi ġurnata matul il-Festa tifraħ ma dun Joseph permezz ta’ quddiesa oħra ta’ radd il-ħajr, din id-darba fil-knisja tagħna.


Titlaq ġimgħa mpenjattiva...Ir-raħal tagħna jittrasforma ruħu fil-Kapitali Eworpeja tal-Mużika
11 July 2009

Waqt l-ahhar YOUTH exchange li sare f San Lawrenz

Permezz ta’ fondi miksuba mill-Unjoni Eweropea, taħt il-proġett YOUTH in action, il-Kunsill Lokali tagħna mill-lum qed jilqa fil-lokalita’ group ta’ madwar 30 żgħażugħ u żagħżugħa sabiex jgħixu flimkien u jiddiskutu kif il-mużika tista’ tressaq aktar żgħażagħ Ewropej lejn xulxin. Mhux biss imma wkoll, kif il-mużika tista’ tagħtina okkażżjoni biex inkunu aktar nnovattivi u tagħtina l-opportunita’ biex ngħixu aktar flimkien mingħajr preġudizzju ta’ sess, kulur jew orjentazzjoni.

Il-pajjiżi parteċipanti f’din l-esperjenza huma l-Italja, Franza, l-Ġermanja, l-Ingilterra, Spanja u s’intendi Malta. Group ta’ żgħażagħ matul dawn l-aħħar ġimgħat ħadmu sabiex kollox ikun ippreparat sabiex dawn iż-żgħażagħ isibu pajjiż li qed jilqagħhom u verament iħossuhom komdi jgħixu magħna.

Din ma hijiex l-ewwel esperjenza għalina li qed nospitaw żgħażagħ minn pajjiżi differenti. Anzi din hija t-tielet darba li fiha grazzi għall-fondi mill-Unjoni Ewropeja, żgħażagħ minn pajjiżi ewropej qed jgħixu maż-żgħażagħ tagħna ġo San Lawrenz stess.

Aħna tkellemna ma xi żgħażagħ li huma nvoluti fl-organizazzjoni ta’ dan l-iskambju li wrew is-sodisfazzjon tagħhom għal okkażżjonijiet bħal dawn. Huma qalulna li diversi drabi ħadu sehem fi skambji barra minn xtutna pero meta qed jospitaw huma jkunu qed jieħdu sodisfazzjon akbar għaliex ikunu qed juru x’kapaċi joffri pajjiżna lill-żgħażagħ oħra ewropej.

Fost l-oħrajn il-programm jinkludi festa ta’ merħba fil-pjazza l-lejla, diversi workshops fejn iż-żgħażagħ ser jikkomponu l-mużika tagħhom u wkoll festa ta’ l-egħluq fejn iż-żgħażagħ ser juru l-proġett mużikali tagħhom fl-aħħar jum ta’ dan l-iskambju. S’intendi ma jonqox li matul din il-ġimgħa ż-żgħażagħ ser jintwerew x’kapaċi joffri pajjiżna anke fil-qasam mużikali.


It-Tieqa tad-Dwejra ssib postha ma l-ewwel ħdax il-meravilja tad-Dinja
10 July 2009

It-Tieqa tad-Dwejra

Il-bieraħ il-Kunsill Lokali tagħna rċieva l-aħbar tant sabiħa li l-ħidma li wettaq f’dawn l-aħħar xhur ħalliet il-frott.

It-Tieqa tad-Dwejra sabet postha waħda mill-11 fil-kategorija tagħha. Kif fissirna kemm il-darba permezz ta’ dan is-sit, it-Tieqa tad-Dwejra kienet qed tikkompeti flimkien ma 440 sit ieħor fid-dinja. Dawn l-440 kienu mqassmin f’kategoriji. Sas-7 ta’ Lulju 2009 wieħed seta jivvota ghall- 7 siti li fl-opinjoni tiegħu jista’ jissejjaħ meravilja. Il-bieraħ il-voti ġew mgħeduda u irriżulta li t-Tieqa tad-Dwejra qed tikklassifika waħda mis-77 tas-7 kategoriji li kienu qed jikkompetu.

Issa jmiss li nhar il-21 ta’ Lulju, board ta ġurija jagħżel 28 li jerġgħu jsibu posthom fuq is-sit www.new7wonders.com għall-voti tal-pubbilku.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali San Lawrenz esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan is-suċċess li kiseb u rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu għas-sosstenn ġenwin li wera għal din l-inizjattiva.

Aħna ħadna l-kummenti tas-Sindku Noel Formosa li qal li din hija rebħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu kif ukoll għat-turiżmu f’ pajjiżna. “Qatt ma ħsibna li l-ħidma li wettaqna tista’ tħalli dan ir-riżultat, imma peress li emminna li nistgħu naslu, illum qed naraw ir-riżultat li lkoll kemm aħna ħdimna għalih.”

Dan is-sit ser ikompli jżommkom infurmat b’dak kollu li jkun qed jiġri.


Riesqa l-Festa
07 July 2009

Is-Sur Lino Zielo waqt l-immuntar tal-mutur

Ninsabu fl-ewwel ġranet ta’ Lulju u ma jistax jonqos li l-ispirtu tal-Festa diġa beda jinħass fl-arja. Diġa rajna l-kumitat tal-Festa li beda jżejjen il-knisja minn barra u wkoll it-toroq. Barra minn hekk il-maħżen ta’ l-armar, qed ikun miftuħ aktar mis-soltu biż-żgħażagħ u l-irġiel jagħtu l-aħħar daqqa t’id fl-irtokki fuq l-armar li ser jiżżanżan din is-sena.

Apparti dan kollu f’din l-aħħar ġimgħa rajna attivita’ m’hix tas-soltu. Is-Sur Lino Zielo, minn Colle Umberto din is-sena għoġbu jirregala lill-Kumitat tagħna apparat innovattiv ħafna li permezz tiegħu l-istatwa ta’ San Lawrenz ser titella fuq il-pedestal b’mod eletroniku. Dan l-apparat jikkonsisti f’mutur li tqabbad mas-sellum eżistenti u b’mod ipprogrammat itella l-istatwa għal fuq il-pedistal. Kien jidher eċitament kbir fuq id-dilettanti tal-festa meta nhar is-Sibt li għadda għall-ewwel darba ġie pprovat dan il-proġett u ħadem.

Dan il-proġett huwa frott tal-ġemellaġġ li l-lokalita’ tagħna għandha ma Colle Umberto u hija xi ħaġa sabiħa li naraw li r-relazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet qed tilħaq dan il-livell.

Aħna tkellemna mal-President tal-Kumitat tal-Festa is-Sur Michael Grima li wera ruħu sodisfatt għal dan il-proġett u rringrazzja lis-Sur Lino Zielo għal dan ir-rigal li għoġbu joffri għall-festa tagħna.


Nhar il-Ġimgħa intlaħqu l-qofol taċ-Ċelerbrazzjonijiet ta’ l-40sena mill-football fir-raħal tagħna
06 July 2009

Il-President tal-klub jaghti t-tifkira lil Joe Mer

40 sena li fihom is-St. Laurence FC serva lill-kommunita’ tagħna fil-qasam sportiv. Din kienet it-tema ewlenija ta’ l-attivitajiet li ġew iċċelbrati f’ dawn l-aħħar ġimgħat. Kien verament mistħoq li r-raħal jiċċelebra dan l-anniversarju għaliex il-ġid li sar fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna f’dawn l-40 sena huwa wieħed li jistħoqlu li jiġi mfakkar.

L-attivita’ ta’ nhar il-Ġimgħa fetħet b’quddiesa mill-Kappillan Injazju Borg li permezz tagħha ingħata ħajr ‘l Alla għal dan il-ġid kollu. Għal din il-quddiesa ġew mistiedna l-membri kollha tal-klub ta’ dawn l-40 sena, kif ukoll players u coaches li servew lit-tim tagħna kif ukoll kellhom ċ-ċans li jieħdu l-aħjar benefiċċji permezz ta’ l-isport.

Wara fil-ground ta’ l-iskola sar BBQ tombla li fih tqassmu wkoll diversi tifkiriet ta’ din l-okkażżjoni u wkoll ingħataw l-unuri għall-istaġun li ħareġ. F’din l-okkażżjoni is-Sur Joe Mercieca, ex president tal-Klub tagħna ġie maħtur President Onorarju. B’hekk issa il-klub għandu 2 presidenti onorarji li huma is-Sur Mercieca, u s-Sur Toni Formosa. Dawn l-unuri ġew mogħtija mill-president il-ġdid tal-klub is-Sur Mario Borg assestit mis-Segertarju Patrick Cassar.

Fl-aħħar ta’ din iċ-ċerimonja s-Sindku Noel Formosa ppreżenta lill-Klub sett gerijiet ġodda kif u bastikijiet biex jintużaw mill-klub matul l-istaġun.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali San Lawrenz, rringrazzja lill-Kumitati kollha li serverw lill dan il-Klub għaliex permezz ta’ dan il-klub it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna ngħataw spalla oħra fit-trobbija tagħhom.


Tirritorna delegazzjoni minn La Ballme de Sillengy
01 July 2009

Is-Sindku u l-Vici Sindku ma Romano Volpato gewwa

Tard il-bieraħ filgħaxija waslet lura delegazzjoni mmexxija mis-Sindku Noel Formosa, liema delegazzjoni kienet tinkludi lil Viċi Sindku Toni Formosa, lill-Kunsilliera Luġia Grima u Joe Sultana. Lil Lawrence Cauchi li rrappreżenta lill-kumitat tal-Ġemellaġġ u lil Konċetta Mercieca.

F’Mejju li għadda il-Viċi sindku Toni Formosa mexxa delegazzjoni oħra lejn Colle Umberto, fejn permezz ta’ din id-delegazzjoni, l-lokalita’ tagħna kienet preżenti sabiex tiċċelebra flimkien mat-Taljani u l-Franċiżi l-ħamsa u għoxrin anniversarju mill-iffirmar ta’ ġemellaġġ ta’ bejniethom.

Issa kien imiss li l-istess ċelebrazzjoni ssir ġewwa Franża eżatt f’ La Ballme de Sillengy. Fit-tlett ijiem li għamlet ġewwa La Ballme id-delegazzjoni Lawrenzjana kellha l-okkażżjoni ssegwi mill-qrib realta’ oħra Ewropeja. La Ballme hija lokalita’ fi’ Franza, li tifforma parti minn dik li darba kienet il-parti ta’ fuq tar-Renju Savoja. Hija mdwara bil-muntajni, lagi u bliet sbieħ bħal ma hija dik ta’ Annecy.

Waqt din il-mawra d-delegazzjoni tkellmet u wriet il-partikolaritajiet ta’ pajjiżna, liema partikolaritajiet jagħmlu minn pajjiżna, l-gżira u l-lokalita’ tagħna destinazzjoni distinta’. F’diskors li għamel is-Sindku tagħna waqt iċ-ċerimonja uffiċċjali tkellem dwar l-importanza li l-Ewropa tressaq aktar liċ-ċittadini tagħha lejn xulxin. Qal li l-ġemellaġġi kif ukoll skambji simili qishom dik iż-żeriegħa tal-mustarda li għalkemm hija żgħira tagħmel siġra kbira.

Id-Delegazzjoni ma naqsitx li fl-okkażżjoni ta’ din iż-żjara titkellem u tirrekklama sabiex aktar nies jieħdu sehem fil-votazzjoni li waslet fl-aħħar tagħha sabiex it-Tieqa tad-Dwejra tiġi ddikjarata bħala waħda mis-sebgħa meravilji tad-Dinja. Il-Franċiżi li laqgħu tajjeb ħafna din id-delegazzjoni, wegħdu s-sapport tagħhom f’ dan ir-rigward.

Ta’ min isemmi li l-kuntatti bejn San Lawrenz u La Ballme ilhom għaddejjin u l-istess franċiżi kienu jkunu mistiedna jattendu kull attivita’ li għaliha kienu jkunu mistiedna ta’ Colle Umberto, l-lokalita’ ġemella tagħna.


Suċċess kbir għall-istudenti ta’ l-iskola tagħna fl-aħħar ezamijiet
23 June 2009

L-istudenti tas-sitt klassi li taw l-ezamijiet

Bħallissa huwa żmien il-ħsad! Fl-aħħar ġimgħat saru l-eżamijiet li għal diversi studenti huma determinanti ħafna. Fosthom għall-istudenti ta’ l-iskola Primarja tagħna. Wara sena ta’ ħidma l-istudenti qed jirċievu r-riżultati li matul is-sena ħadmu għalihom.

Bħas-snin preċedenti l-iskola tagħna, l-iskola Primarja Dun Salv Portelli, kellha persentaġġ għoli ta’ sudenti li mhux biss għaddew imma wkoll kisbu punti tajbin u tajbin ħafna fir-riżultati. L-ewwel riżultati li ġew ppubblikati kienu dawk ta’ l-iskejjel privati li fihom ukoll inkisbu riżultati tajbin. Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ħareġ ir-riżultat ta’ l-eżamijiet tal-Junior Lyceum li fih 87 fil-mija ta’ l-istudenti għaddew b’marki tajbin ħafna.

Il-Kunsill Lokali fi stqarrija feraħ lil dawn l-istudenti għal dan is-suċċess miksub għalihom stess. Huwa ħeġġiġhom biex ikomplu jirsistu sabiex ikomplu mexjin il-quddiem. Feraħ ukoll lill- iskola Primarja tagħna b’mod partikolari lill-għalliema kollha għal impenn tagħhom favur uliedna. Il-Kunsill temm din l-istqarrija billi sejjaħ dan ir-riżultat bħala stqarrija pubblika ta’ l-impenn ta’ l-iskola tagħna. “Dan ir-riżultat huwa frott tax-xogħol imwteqqa mill-għalliema flimkien mal-ġenituri .”

Sadanitant l-iskola primarja tagħna ppubblikat ukoll il-fuljett annwali tagħha bl-isem "Imsiebaħ Żgħar" liema fuljett ikompli juri l-impenn serju ta’ l-iskola tagħna, kif ukoll il-kreattivita’ li l-istudenti tagħna kapaċi joħorġu biha.


Żewġt it-tfal jirċievu lil Ġesu għall-ewwel darba...fil-Festa tal-Korpus
15 June 2009

Luke u Eric waqt ic-cerimonja

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Knisja f’ Malta kif ukoll f’diversi pajjiżi tad-dinja ċċelebrat bl-iktar mod sollenni l-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jew kif nafuha aħjar il-Festa tal-Korpus. Din il-ġurnata kellha sinjifikat akbar pero, fil-parroċċa tagħna għaliex żewġt it-tfal Luke Cilia u Eric Portelli, irċivew għal ewwel darba l-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Kienet festa ħelwa li fiha nvolviet ruħha l-kommunita’ kollha.

Għallewwel darba fl-istorja tal-parroċċa tagħna din il-festa u l-purċissjoni saret f’ħin pjutost kmieni. Fit-8.30 am kulħadd kien miġbur fil-Knisja fejn il-Kappillan akkumpanjat mill-vigarju parrokkjali u l-abbatini mxew proċessjonalment lejn l-artal. Fl-omelija tiegħu l-Kappillan saħaq fuq l-importanza ta’ l-ewkaristija u enfasizza li lil Alla għandna nagħtuh l-aħjar mhux miż-żejjed li jifdal.

X’ħin wasal ħin it-tqarbin Luke u Eric, lebsin b’ilbies abjad resqu lejn l-artal sabiex għall-ewwel darba wara preparazzjoni xierqa biex jirċievu lil Ġesu, “l-aqwa ħabib tagħhom”.

Wara l-quddiesa f’għodwa kareterizzata mix-xemx, il-kappillan b’Ġesu Ewkaristija f’idejh taħt il-baldakkin merfugħ mill-membri tal-fratellenza tas-sagrament, mexa proċessjonalment madwar it-toroq prinċipali tar-raħal tagħna. Il-kommunita’ imxiet wara Ġesu Ewkaristija filwaqt li t-tfal imxew quddiem ixerdu fjuri ma l-art sabiex Ġesu jkun jista’ jgħaddi minn fuqu, tradizzjoni ħelwa li hija marbuta ma din il-Festa li l-ergħuq tagħha jinsabu fl-imħabba ġenwina li l-poplu tagħna dejjem kellu lejn l-Ewkaristija.


Dun Joseph Curmi ...saċerdot.
14 June 2009

Waqt l-ewwel quddiesa tieghu f

Nhar is-Sibt li għadda fil-katidral ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech amminstra s-sagrament ta’ l-ordni sagri lil tlett djakni. Fosthom lid-Djaknu Joseph Curmi li għal dawn l-aħħar snin serva lill-kommunita’ tagħna.

Is-Saċerdoti l-oħra li bħal Joseph irċivew dan is-sagrament huma Dun Anthony Bajada, u Dun Richard N. Farruġia. Dawn it-tlett saċerdoti li tlieta li huma ġejjin mill-parroċċa ta’ Marija Bambina x-Xagħra, għandhom komuni wkoll li t-tlieta li huma f’ xi żmien jew ieħor ħaddmu fil-kommunita’ tagħna.

Il-kommunita’ tagħna uriet dan l-apprezzament għal dan ir-rigal sabiħ billi bi ħġarha attendiet kemm għall-velja ta’ talb li saret fis-Seminarju l-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju kif ukoll nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju l-kommunita’ tagħna attendiet, segwiet u talbet ma dawn is-saċerdoti waqt il-quddiesa speċjali li saret fil-katidral fejn l-Isqof Mario Grech amministra dan is-sagrament.

Joseph, (l-isem li bih sejjaħlinu s’issa) kif konna ħabbarna fuq dan is-sit, dan l-aħħar kien ikun fostna mhux biss fi tmiem il-ġimgħa imma wkoll kien jgħix fiżikament magħna fid-dar parrokkjali mal-Kappillan u l-Viċi. Dan il-fattur għen ħafna sabiex Joseph jidħol aktar fil-ħajja tal-kommunita’ tagħna. Huwa kien responsabbli tal-group ta’ l-istudenti u l-abbatini.

Illum il-Ħadd Joseph qaddes l-ewwel quddies tiegħu fil-kommunita’ tagħna. Ma setax jonqos li kien ta’ pjaċir kbir tagħna bħala kommunita’ li rajna u segwejna lil Joseph fit-triq tiegħu lejn is-saċerdozju. Fil-bidu tal-quddiesa l-kappillan f’isem il-kommunita’ laqa u feraħ lil Joseph, il-ġemgħa miġbura rreaġixxiet permezz ta’ ċapċipa li kienet tinħass verament mill-qalb.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li Joseph sa meta jasal ż-żmien li jħalli xtutna ser ikompli l-missjoni saċerdotali tiegħu fil-parroċċa tagħna. Aħna mill-ġdid u minn qalbna ngħidulu MERĦBA fostna u AD MULTUS ANNOS!


L-aħħar sforz
09 June 2009

It-Tieqa tad-Dwejra

Dalgħodu meta ċċekkjajna fuq is-site www.new7wonders.com, ħadna l-aħbar kif ukoll is-sorpirża li t-Tieqa tad-Dwejra tinsab fl-14-il post fit-tellieqa tagħha fil-kompetizzjoni mondjali biex jiġu ddikjarati is-sebgħa meravilji tad-dinja. Wara zmien twil tokkupa l-24 u s-26 post, din il-ġimgħa ħadet spinta ‘l quddiem u issa tinsab fl-erbatax-il post.

Il-ħidma li qed iwettaq il-Kunsill sabiex jirreklama din l-inizjattiva qed tħalli riżultati pozittivi ħafna u dan ir-riżultat qed ikompli jħeġġeġ lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuqu biex naraw din il-gawhra unika f’pajjiżna tokkupa dan it-titlu prestiġuż mad-Dinja kollha. Apparti dan il-Kunsill jemmen ukoll li permezz t’hekk qed ikun ta’ pubbliċita’ għal pajjiżna.

Dan is-sit jieħu l-opporutnita’ sabiex ikompli jħeġġeġ lil dawk kollha li għadhom ma vvutawx biex jaghmlu dan billi jidħlu fuq is-sit http://www.new7wonders.com/nature/en/nominees/europe/c/AzureWindow/ u jivvutaw.

Inħeġġu wkoll sabiex kullħadd jmexxi l-kelma ma ħbieb jew qraba barra minn Malta, b’hekk inkunu qed ngħinu lit-Tieqa tad-Dwejra tkompli tiela’ sal-ħdax-il post, liema post jikkawlifiha għat-tieni round ta’ votazzjoni.

L-ewwel round ser jagħlaq fis-7 ta’ Lulju. Inħeġġu lilkom għeżież qarrejja biex nagħmlu l-aħħar sforz biex dan is-sit ikompli jkun ta’ sosten għall-pubbliċita’ ta’ pajjiżna.


Ħames studenti jirċievu l-Ispirtu s-Santu
08 June 2009

Waqt li kien qed jigi amministrat is-Sagrament

Il-bieraħ Mons Isqof Mario Grech laqa fi ħdan il-Knisja Kattolika ħames membri ġodda permezz tal-Griżma ta’ l-Isqof.

Lara Calleja, Anna Grima, Dulcima Fava, Luke Tabone u Shaun Micallef il-bieraħ waqt il-quddiesa ta’ l-10.30am irċivew is-sagrament tal-konfermazzjoni jew kif nafuħ aħjar is-sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof.

Qabel il-priedka l-Isqof Djoċesan saqa lill-Kappillan jekk dawn it-tfal kienux ippreparati tajjeb, il-Kappillan irrisponda li iva u minħabba f’hekk l-Isqof aċċetta li jagħti dan is-sagrament lill dawn il-membri mill-kommunita’ tagħna.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof fakkar dwar l-importanza li fil-ħajja tagħna niftakkru, huwa qal li dan huwa element importanti ħafna fil-mixja tagħna ta’ nsara. “Xi kultant”, kompla l-Isqof , is-sagramenti li nirċievu neħduhom wisq for granted.

Wara l-omelija l-Isqof amministra wieħed wieħed dan is-sagrament u flimkien mas-saċerdoti l-oħra li kkonċelebraw talbu l-Ispirtu s-Santu fuq dawn it-tfal.

Issa nhar il-Ħadd li ġej Festa tal-Korpus, ser jiġi amminstrat is-sagrament ta’ l-ewkaristija lil żewġt tfal mill-Parroċċa. Il-Funzjoni ser tibda fit-8.30am


It-tieni proġett tal-Kunsill Lokali favur enerġija alternattiva jibda jieħu l-ħajja llum
05 June 2009

Waqt it-tqassim tal-Solar Heaters

Dalgħodu fit-toroq tal-lokalita’ tagħna deher container li kien qed iqassam xi ħaġa mhux tas-soltu.

F’Jannar li għadda l-Kunsill Lokali tagħna ħabbar proġett kbir dak ta’ sussidju qawwi fuq is-Solar Water Heater. Dan sabiex kull abitazzjoni fil-lokalita’ jkollha l-opportunita’ li takkwista’ solar water heater. L-interess ta’ l-abitanti kien wieħed qawwi u meta jingħoddu s-solar water heaters li diġa jeżistu f’ San Lawrenz jinqabeż sewwa n-nofs ta’ residenzi abitabbli li għandna fil-lokalita’li qed jużaw l-enerġija tax-xemx biex isaħħnu l-ilma.

Din hija t-tieni inizjattiva li qed jieħu l-Kunsill Lokali San Lawrenz favur enerġija alternattiva fil-lokalita’. Is-sena l-oħra, eżatt bħal daż-żmien sena il-Kunsill kien qassam b’xejn bozza li ma taħlix enerġija lil kull familja.

Aħna ħadna l-kummenti tas-Sindku Noel Formosa dwar din l-inizjattiva. Huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu li għal darb oħra l-Kunsill qed ikun strumentali qed jistumola l-kunċett ta’ energy savers mhux biss f’ San Lawrenz imma fil-pajjiż b’mod inġenerali. Huwa qal li jħossu sodisfatt li San Lawrenz bil-fatti qed jgħin lill-pajjiż jilħaq il-miri dwar l-enerġija sas-sena 2020, tant hu hekk li b’din il-miżura San Lawrenz qed jgħin sabiex mill-arja tagħna titnaqqas 125 tunellata ta’ CO2 fis-sena.

Huwa rringrazzja l-ewwel net lir-residenti Lawrenzjani li fehmu t-triq li qabad il-Kunsill Lokali u flimkien qed jimxu biex fi żmien qasir jinħoloq tassew raħal ekoloġiku. Rringrazzja wkoll lil Gvern li permezz tal-Ministeru ta’ l-affarijiet Rurali u wkoll is-Segretarjat Parlamentari għall-konsultazzjoni pubblika qed jgħinu lil Kunsill jieħu din l-inzjattiva. Grazzi wkoll mar lejn il-kumpanija Fritz Energy Ltd li qed tisuplixxi dan il-prodott.

Huwa kkonkluda billi qal li dan huwa biss it-tieni proġett, il-Kunsill Lokali San Lawrenz diġa mbarka fuq proġett ieħor simili li daqt jitħabbar.


Illum saret quddiesa u ċelebrazzjoni ad unur il-ġenturi fl-Iskola tagħna
05 June 2009

Il-ġemgħa li attendiet għall-attivita

Dalgħodu fl-iskola tagħna kien hawn arja ta’ festa. Minn filgħodu kmieni spikkaw il-ġenituri li dehru jirħulha lejn is-sala prinċipali ta’ l-iskola tagħna.

Quddiem sala ppakkjata b’ ġenituri, ulied flimkien ma l-għalliema tagħhom, it-tfal tellgħu attivita’ sabiħa ħafna, mżewqa b’mużika, żfin u plays qosra. Qabel din l-attivita’ il-Kappillan Injazju Borg, iċċelebra l-ewkaristija li fiha l-iskola tagħna raddet ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħha matul din is-sena skolastika li qed tasal fi tmiem tagħha.

L-attivita’ kienet imtellgħa mill-istudenti u kienu ppreparati mill-għalliema ta’ l-iskola tagħna għal din l-okkażżjoni.

F’ kelmtejn qosra is-Surmast ta’ l-Iskola s-Sur Mario Zammit irringrazzja lil dawk kollha li taw sehmhom għal din l-attivita’ u qal li okkażżjonijiet bħal dawn ikomplu jgħinu lit-tfal tagħna fl-iżvilupp tagħhom.

Fl-aħħar ta’ l-attivita’ t-tfal ppreżentaw tifkira żgħira lill-papajiet tagħhom fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Missier li ser tiġi ċċelebrata dalwaqt.


Niċċelebraw erbgħin sena ta’ Soprts fil-lokalita’ tagħna
03 June 2009

It-Team attwali

Matul dan ix-xahar il-klub ta’ St Laurence Spurs, il-klub tal-football tagħna qed jiċċelebra avveniment importanti ħafna li fih, flimkien mal-kommunita’ kollha ser jiċċellebra l-ġurnata ta meta twaqqaf l-ewwel team tal-football fir-raħal tagħna.

Għalkemm mhux dejjem napprezzaw biżżejjed pero ma nistgħu qatt nikkalkulaw il-ġid li għamel l-isports permezz tal-football fil-lokalita’ tagħna.

L-attivitajiet infettħu nhar il-Ġimgħa li għaddiet fejn saret Pizza night għat-tfal kollha li huma nvoltui fin-nursery tagħna. Għal din l-attivita’ kienu mistiedna wkoll il-ġenituri. Fl-aħħar tas-serata dawn it-tfal ingħataw tifkira u wkoll xi ħaġa li ġrat għall-ewwel darba ingħtaw l-awards lill dawk it-tfal l-aktar li ħadmu fl-aħħar staġun. Hawn ta min jsemmi lil coaches ta dawn it-teams Joe Mercieca, Laurence Cauchi u Samuel Micallef u lil hafna helpers fosthom Daniel Micallef, Michael Grima, Patrick Cassar, Jevon Attard, Grace Micallef u hafna ohrajn.

Sa dan it-tant it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju saret il-laqgħa ġenerali Annwali tal-klub fejn fiha ngħata rendikont tal-ħidma li twettqet mill-Klub u mit-team. Kienet laqgħa nteressanti ħafna li fiha saret diskussjoni dwar l-andament u kif nistgħu ntejbu għal li ġej.

L-attvitajiet ikomplu fil-ġimgħat li ġejjin fejn sejrin isiru attivitajiet oħrajn li ser jitħabbru fil-futur qarib.

F’din l-okkażżjoni l-Kunsill Lokali fi stqarrija feraħ u rringrazzja lill-Klub tagħna u ħeġġu sabiex ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu b’risq it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.


Bdejna t-triq għall-Festa
28 May 2009

Fl-ahhar tal-funzjoni fil-pjazza

Il-bieraħ fi Triq it-Torri il-kommunita’ tagħna tat bidu għall-festi ta’ San Lawrenz ta’ din is-sena. Fis-7.00 ingħata bidu għal quddiesa li kienet preseduta mill-Kappillan Nazju Borg, akkumpanjat minn Dun Ġużepp Piscopo u l-vigarju parrokkjali Charles Sultana. Din il-konċelebrazzjoni saret fi Triq it-Torri eżattament fejn jingħad li kienet l-ewwel kappella ta’ San Lawrenz, fejn l-ewlenin Lawrenzjani kienu jinġabbru biex iqimu lil Alla.

Għal din l-okkażżjoni ġiet użata xbieha ta’ San Lawrenz ġdida li l-Kappillan uża sabiex jagħti l-iskop tal-festa ta din is-sena, dik tad-determinazzjoni u t-telqa fil-providenza t’ Alla. Il-ħarsa ‘l fuq ta’ San Lawrenz f’din ix-xbieha kif ukoll l-id ta’ San Lawrenz magħfusa mal-gradilja għandhom ikunu ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja nisranija, hekk fisser il-kappillan l-iskop tal-festa ta’ din is-sena.

Wara l-quddiesa saret purċissjoni lejn il-knisja waqt li ġiet reċitata il-kurunella ta’ San Lawrenz u wara li l-purċissjoni waslet fil-pjazza quddiem il-Knisja sar it-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħudija u l-Kappillan qassam xema lil kull familja sabiex tinxtgħel kull nhar ta’ Erbgħa, fil-pjazza inxtgħelet ħuġġieġa nar biex tissimbolizza l-fidi li għaddewlna l-ewwel Lawrenzjani.


Il-Wirja dwar San Lawrenz f’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana, tiġbed lejha mijiet ta’ nies
26 May 2009

L-E.T. Il-President ta

Matul tmiem il-ġimgħa li għadda ġewwa Għawdex, ġiet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex edizzjoni oħra ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana. Fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, ittelgħet wirja dwar il-lokalita’ tagħna, liema wirja inkludiet fiha r-ritratti meħudin mill-fotografu bravu Luc Arden li kienu ttieħdu f’ April li għadda.

Il-mijiet ta’ nies li attendew din il-wirja kollha kellhom kliem ta’ tifħir mhux biss għall-professjonalita’ tal-fotografu Franċiz imma wkoll apprezzaw dak li kapaċi joffri r-raħal tagħna. Aħna tkellemna ma nies mill-lokalita’ li żaru huma wkoll din il-wirja u kumment li ntqal li tajjeb li wieħed jirrifletti fuqu jwassal għall-iskop li l-Kunsill ried jasal għalih, “qed napprezzaw aktar kemm ngħixu f’lokalita’ sabiħa” dan kien il-kumment u l-iskop ta’ din l-attivita’ li għamel il-Kunsill.

Din il-wirja żaruha wkoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, il-President ta’ Malta Dr George Abela u l-Prim Ministru Dr. Lawrence Gonzi, li t-tnejn kellhom kliem ta’ tifħir kemm għal artist kif ukoll għal mod ta’ kif il-lokalita’ tagħna dejjem tkun nnovattiva fl-attivitajiet tagħha.


Ruben Cauchi : Unur kbir għal raħalna
12 May 2009

Ruben Cauchi

Dan l-aħħar l-universita’ ta’ Oxford fl-Ingilterra, onorat fil-livell ta’ dottorat fil-filosofija lil żgħażugħ minn San Lawrenz Ruben Cauchi. Din iċ-ċerimonja saret f’ Sheldonian Theatre eżattament nhar is-7 ta’ Marzu li għadda. Għal din iċ-ċerimonja attendew wkoll il-ġenituri ta’ Ruben, Annie u Martin.

L-Universita’ ta’ Oxford hija waħda mill-eqdem universitajiet fid-dinja u waħda mill-istituzzjonijiet akkademċi l-aktar imfittxija. Ħafna mill-ħassieba, kittieba u xjentisti kif ukoll politiċi tad-dinja, kollha ħarġu minn din l-Universita’.

Din l-aħbar hija waħda tassew sabiħa u li tkompli tgħolli l-profil mhux biss ta’ Ruben u l-familja tiegħu imma wkoll tal-lokalita’ tagħna. Ruben mexa pass pass fl-istudji tiegħu li wassluh sabiex jilħaq dan il-livell għoli li bla tlaqlieq nistgħu ngħidu li ma humiex ħafna dawk ta’ l-eta tiegħu jaslu għal dan il-livell.

Permezz tar-riċerka li għamel fil-mediċina f’din l-universita’, Dr. Cauchi għamel kontribuzzjoniet importanti ħafna fi skoperti ġodda fil-qasam ta’ diżordnijiet ġenetiċi. Ix-xogħol tiegħu ġie apprezzat kif ukoll ppublikat f’diversi ġurnali u rapporti ppubblikati is-sena l-oħra fil-ġurnal prestiġjuż, Public Library of Science (PloS) Genetics. Tajjeb li wieħed isemmi li waqt l-istudji tiegħu Dr Cauchi kien segwit minn waħda mill-aktar xjentisti influenti fir-Renju Unit, eżattament Dame Kay Davis. Fl-aħħar xhur tiegħu Ruben kellu l-opportunita’ li jkompli r-riċerka tiegħu bħala membru ta’ l-istaff akkademiku fl-Universita’ ta’ Cambridge.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali San Lawrenz feraħ lil Ruben u ħeġġeġ sabiex aktar studenti u żgħżagħ Lawrenzjani jieħdu l-eżempju tiegħu u jimxu ‘l quddiem fl-istudji tagħhom. Dan is-sit jingħaqad mal-Kunsill u l-Lawrenzjani fl-awguri tiegħu għal Dr. Ruben Cauchi.


Wegħda oħra tal-Kunsill li qed tiġi mwettqa
11 May 2009

Bini ta

Il-Kunsill Lokali tagħna dejjem enfasizza li għandu jipprovdi sabiex kull dar tkun imqabda mas-sistema tad-drenaġġ. Dan qed narawħ ikompli jseħħ f’dawn l-aħħar snin. L-uniku żewġ partijiet li kelna fil-lokaita’ tagħna li kien għadhom mingħajr dan is-servizz kienu l-aħħar parti ta’ Triq il-Wileġ u l-aħħar parti ta’ Triq ir-Rokon.

Dawn iż-żewġ siti, it-tnejn li huma kienu qed joħolqu problema għaliex teknikament ma kienx faċli li wieħed jsolvi din il-problema. Pero bl-insistenza tal-Kunsill kif ukoll bir-rieda tajba tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma, dawn il-problemi ġew solvuti. Ta Triq il-Wileġ ġiet konkluża madwar sentejn ilu u bħal issa qed tiġi solvuta ta’ Triq ir-Rokon. Din ta’ l-aħħar kienet l-aktar waħda problematika għaliex il-proġett ma kienx jinkludi biss ix-xogħol tal-katusi imma wkoll riedet issir struttura ta’ pompa biex tippompja għal mas-sistema ċentrali. F’dawn l-aħħar 12-il ġurnata, il-kooperazzjoni għas-servizzi ta’ l-ilma, bil-ħaddiema tagħha, wettqet dan ix-xogħol importanti u nistgħu ngħidu li l-istruttura hija konkluża u dalwaqt ser tibda tintuża.

B’hekk issa nkunu nistgħu ngħidu li r-raħal tagħna qed ikompli miexi fit-triq tiegħu, kif ukoll bl-isfida tiegħu li jkun raħal ekoloġiku li jipprovdi għas-servizzi kollha neċessarji sabiex ikun raħal sostenibbli.


Il-Fiera tad-Dwejra, suċċess kbir!
04 May 2009

Fiera tad-Dwejra 2009

Il-bieraħ il-bajja tad-Dwejra reġgħet laqgħet edizzjoni oħra tal-Fiera tad-Dwejra, liema fiera il-bieraħ kompliet tikkonferma li verament din il-fiera mhux biss hija l-fiera tradizzjonali ta’ l-Għawdxin imma wkoll li hi fil-qalb ta’ l-Għawdxin.

Qawl Malti jgħid “il-ġurnata minn filgħodu turik” u hekk ġara l-bieraħ fid-Dwejra. Minn filgħodu kmieni, b’ġurnata b’temp mill-aqwa, id-Dwejra kienet miżgħuda bil-maltin li bdew joħonqu l-grounds tal-Fiera u jduru ma l-istands u jieħdu gost b’dak li kien qed jiġi offrut. Aktar tard kien imiss lill-Għawdxin li jagħmlu ż-żjara tagħhom lid-Dwejra. Mijiet ta’ nies ħonqu lill-bajja u ħolqu ftit xogħol mhux ħażin għal ħafna helpers li kienu qed jagħtu d-daqqa t’id tagħhom.

Apparti s-suċċess ta’ nies li niżlu, l-bieraħ spikka wkoll t-team work li kien jeżist fost l-organizzaturi ta’ din il-Fiera, l-armonija li kienet teżisti bejn dawk li kienu qed jieħdu ħsieb kien diġa mezz sabiex dak li jkun niżel biex jistrieħ iħoss li huwa milqugħ u hemm ippreparat għalih nofs ta nhar ta’ mistrieħ u pjaċir. Malli wieħed jasal id-Dwejra kien isib parkers li jieħdu ħsieb jigwidawk fejn tipparkja u wara xalata ta’ logħbiet għal kull membru tal-familja.

Waqt din il-fiera fuq Radju Marija kien hemm kollegament dirett li wassal lil dawk li kienu fi djarhom dak li kien qed jiġri d-Dwejra.

Kollox ma kollox meta wieħed iħares lura għal ġimgħat sħaħ ta’ preparazzjoni li wasslu għall-ġurnata tal-bieraħ jista bla tlaqlieq jgħid li din kienet ġurnata oħra li wriet il-kommunita’ tagħna x’kapaċi tagħmel. Aħna permezz ta’ dan is-sit minn qalbna nifirħu lill-kommunita’ tagħna għal suċċess ieħor u tawgura aktar suċċessi f’kull attivita’ li tiġi organizzata.


Tiġi ċċelebrata l-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem
02 May 2009

L-istatwa artistika ta

Il-bieraħ l-1 ta’ Mejju mad-dinja kollha ġie ċċelbrat Jum il-Ħaddiem. Din is-sena dan il-jum kien mtappan minn dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa, jiġfieri ix-xogħol li qed jintilef minn diversi kumpaniji mondjali li l-effett ikrah li qed iħalli fuq l-ekonomija globali u d-dinja tax-xogħol qed ikun rifless fuq familji sħaħ li qed ibatu minn telfien ta’ xogħol. Diversi unions u partiti politċi madwar id-dinja kollha fakkru dan il-Jum.

Ġo San Lawrenz aħna niċċelebrawħ bil-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Filgħaxija saret quddies konċelebrata mill-Kappillan Injażju Borġ u wara saret il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġużepp.

Fl-omelija tiegħu l-Kappillan saħaq fuq id-dinjita’ tax-xogħol li ġġib ġustizzja fid-dinja. Huwa fakkar kif bħalissa d-dinja tinsab għaddejja minn kriżi fil-qasam tax-xogħol u ħeġġeġ sabiex lkoll kemm aħna nitolbu għal dawk li qed jitilfu x-xogħol.

Wara bħas-soltu saret il-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġużepp merfugħa mill-ħaddiema. Din l-istatwa artistika, li tirrappreżenta lil San Ġużepp qed jiġbed lil Ġesu, saret ġewwa Leċċe fl-Italja u nġabet fil-parroċċa tagħna fi żmien l-ewwel Kappillan Dun Salv Portelli.

Sa ftit taż-żmien ilu f’din il-festa kienu jiġu mbierka diversi għodod li kienu jisimbolizzaw id-diversi snajja u xogħol, maż-żmien din id-drawwa ġiet addotata u saret festa aktar reliġjuża fejn jiġi enfaiszat il-valur tal-ħaddiem bħala bniedem.


Tiziana Vella tikkompeti f’ Malta
29 April 2009

Tiziana Vella

Ftit tax-xhur ilu (eżattament f’ Novembru li għadda) dan is-sit kien ħabbar li tfajla minn San Lawrenz, Tiziana Vella wara li għaddiet mill-konkors li sar f’Għawdex, ser tippartiċipa fil-konkors propja għal Miss World Malta. Hija għaddiet wara li kkompetiet flimkien ma tmien parteċipant ieħor.

Kif kien imħabbar f’Novembru li għadda wasal iż-żmien sabiex issa nibdew nagħtu s-sapport tagħna lil Tiziana fit-triq tagħha għall-unur ta’ Miss World Malta. Dan l-aħħar fetaħ it-televoting biex permezz tiegħu nkunu nistgħtu nivvutaw għal Tiziana. Dan is-sit iħeġġeġ lill-Lawrenzjani kollha sabiex jagħtu dan is-sapport billi jibgħatu messaġġ bl-isem TIZIANA VELLA fuq dan in-numru 50615022.

Ikun sabiħ li bħala kommunita’ nagħtu s-sapport lil waħda mit-tfajliet tagħna b’hekk inkunu wkoll qed nagħmlulha kuraġġ biex tkompli miexja ‘l quddiem u wkoll Tiziana qed tkun ta’ ambaxatriċi denja ta’ l-isem tal-lokalita’ tagħna San Lawrenz.

Bħalissa Tiziana qed tagħmel il-kors fis-sixth form li għandu jwasslha sabiex aktar tard tibda kors fl-Universita’ ta’ Malta fil-qasam tal-mediċina. Hija jintersaha ħafna l-mmudellar u dan il-konkors ser ikompli jgħina f’dan l-interess tagħha.

Minn qalbna nawgurawlha u nwiegħduha s-sapport kollu tagħna.


Ġimgħa mpenjattiva li ser twassal għall-Fiera tad-Dwejra,
27 April 2009

Poster tal-fiera

Il-bieraħ fl-għalqa fejn issir il-Fiera tad-Dwejra, kienet għaddejja ħidma sabiex din l-għalqa tiġi ppreparata sabiex tilqa fiha edizzjoni oħra tal-Fiera tad-Dwejra. Din is-sena l-Fiera ser issir nhar il-Ħadd li ġej 3 ta’ Mejju.

Il-Fiera tad-Dwejra saret appuntament annwali mhux biss għar-residenti tagħna ta’ San Lawrenz imma wkoll għall-Għawdxin kollha u dawk il-Maltin li jkunu fostna. Mhux ta’ b’xejn li l-Għawdxin isejħu din il-Fiera bħala l-Fiera tradizzjonali ta’ l-Għawdxin. F’dawn l-aħħar snin din il-Fiera bdiet tikseb popolarita’ wkoll mal-Maltin tant hu hekk li huma diversi dawk il-Maltin li jiddeċiedu li dan il-Ħadd iqqattugħ ma’ l-Għawdxin ġewwa d-Dwejra.

Il-ħidma mill-Kumitat tal-Festi esterni li huwa responsabbli minn dan l-avveniment tibda minn diversi xhur qabel. Il-kampanja pubbliċitarja hija waħda qawwija tant hu hekk li apparti boards madwar Għawdex kollu jitqassam fuljett f’kull dar Għawdxija. Il-Kumitat jieħu ħsieb ukoll li ta’ kull sena joħloq logħob għall-familja kollha biex kull minn jinżel fid-Dwejra f’dik il-ġurnata jsib dak kollu li jixtieq. Fuq kollox fattur li jingħata mportanza kbira huwa li jkunx hemm problemi ta’ parking għal dawk li jinżlu biex jieħdu gost.

Din hija attivita’ biex jinġabbru fondi pero f’din il-ġurnata l-aktar li jispikka huwa s-sens ta’ kommunita’ li taħdem għal għan wieħed. Dan is-sit jawgura li dan l-ispirtu li toħloq din il-Fiera jkompli jirrennja fost il-kommunita’ tagħna u wkoll jawgura ġurnata mill-aqwa lil dawk kollha li jkunu fid-Dwejra f’din il-ġurnata.


Ċiklisti Maltin jtemmu maraton ġewwa l-pjazza tagħna
23 April 2009

Waqt il-bike ride

Nhar il-Ħadd li għadda group żgħir ta’ ċiklisti Maltin flimkien ma xi Għawdxin temmew maratona bir-roti li telqet mill-Imġarr, aktar kmieni matul il-ġurnata.

Din il-maratona kienet ikkordinata mill-Kunsill Malti għall isport. Maratoni bħal dawn ma hix l-ewwel darba li ġiet orgnaizzata u li ntemmet fil-pjazza tagħna. F’Novembru tas-sena li għaddiet maratona oħra kienet ġiet organizzata li fiha kienu ħadu sehem ħafna aktar parteċipanti. Minn informazzjoni li ksibna l-Kunsill Lokali qed jaħdem fil-qrib mas-segreatarjat ta’ l-Isport biex jorganizza aktar attvitiajiet simili biex jipromwovi kemm jista kull kwalita’ ta’ Sport fil-lokalita’.

Aħna staqsejna lis-Sindku jikkonferma dan, huwa kkonferma u żvela li fil-futur qarib il-Kunsill Lokali ser jorganizza sensiela ta’ sport li fih qed jinvolvi wkoll lis-St. Laurence Spurs biex ikompli jipprovwovi kull sport fil-lokalita’ għall kull faxxa ta’ eta fil-lokalita’. Aktar informazzjoni dwar dan ser tingħata aktar il-quddiem.

Fl-aħħar ta’ din l-attivita’ l-Kunsill qassam flixken ta’ l-ilma lil kull parteċipant


Il-Fqajjar ta’ Assisi; suċċess f’kull sens
19 April 2009

Waqt silta mid-dramm

Dalgħodu il-kommunita’ tagħna qamet titkellem dwar l-attivita’ li saret il-bieraħ fiċ-Ċentru Parrokkjali tagħna. Attivita’ li nvolviet diversi żgħażagħ u studenti, kif ukoll kbar.

Quddiem sala ppakkjata bin-nies, fuq il-palk taċ-Ċentru Parrokkjali li għandu storja twila, il-bieraħ ttellgħa dram dwar il-ħajja ta’ San Franġisk t’ Assisi, fuq script miktub mill-Kappillan Injazju Borg. Renzo Formosa fil-parti prinċipali dik ta’ San Franġsik u Claire Attard fil-parti ta’ Santa Kjara flimkien ma’ l-atturi kollha tellgħu dram mill-isbaħ li fih spikka ħafna t-talent ġenwin u l-imħabba għall-palk li teżisti fil-kommunita’ tagħna. Ix-xenarju mill-isbaħ kif ukoll id-dawl u l-mużika kollha għenu sabiex dan l-ispettakklu jkun mirqum, jagħti pajċir kif ukoll iwassal messaġġ lil dawk kollha li ġew jaraw id-dramm.

Aħna tkellemna mal-President ta’ l-Għaqda Drammatika Angelique Borg li b’entużjażmu li stajna naqrawh fuq wiċċha fissret is-sodisfazzjon kbir tagħha u tal-kumitat tagħha għal dak li kien għadu kemm ġie imtellgħa. Dan l-entużjażmu fissritu fi tlett kelmiet, “wrejna x’kapaċi tagħmel il-kommunita’ tagħna!” Tkellemna wkoll mal-Kappillan li ukoll wera s-sodisfazzjon tiegħu li ra diversi nies li mpenjaw ruħhom favur din l-attivita’. Huwa qal li flimkien mal-Kleru tal-parroċċa jħossu kuntent li għal-darb oħra l-palk qed jerġa jingħata spinta ‘l quddiem li permezz tiegħu qed jiġi offrut divertiment alternattiv fil-kommunita’ tagħna.


Is-Sindku u s-Segretarja jattendu għat-tħabbir tat-tiġdid tal-Kunsilli Lokali mill-Prim Ministru
16 April 2009

Is-Sindku jidher isegwi flimkien ma ohrajn id-disk

Il-bieraħ ġewwa l-berġa ta’ Kastilja is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u l-Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi, wara konsultazzjoni ta’ għaxar xhur ħabbru t-tiġdid li ser jaffettwa lill-Kunsilli Lokali.

Is-Sindku Noel Formosa flimkien mas-Segretarja Lucienne Haber attendew għal din il-konferenza stampa. F’dan it-tiġdid tħabbru miżuri li permezz tagħhom il-Kunsilli Lokali ser ikunu aktar qrib iċ-ċittadin sabiex jagħtu servizz aħjar u ta kwalita’. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll is-Segretarju Parlamentari saħqu ħafna fuq l-importanza ta’ lokalitajiet sostenibbli, u l-Gvern ser jagħti l-għodda meħtieġa sabiex il-Kunsilli jagħtu liċ-ċittadini tagħhom lokalitajiet sostenibbli. Bħal ma huma inizjattivi favur l-identita’ tal-lokal, trasparenza fix-xogħol, inizjattivi favur l-ambjent u fuq kollox sabiex il-Kunsilli ikunu aktar qrib iċ-ċittadin.

Fi stqarrija il-Kunsill Lokali San Lawrenz filwaqt li laqa bil-ferħ dan it-tiġdid fakkar li dan ukoll qed jikkonferma id-direzzjoni li dejjem ħa il-Kunsill tagħna fil-passat f’dawn l-oqsma anke jekk ma kienux responsabilita’ tal-Kunsill. Fl-istqarrija tiegħu l-Kunsill fakkar kif permezz tal-ħidma tiegħu dejjem ħoloq mill-Kunsill hub ta’ servizzi fil-lokalita’ taghna qrib ic-cittadin. Minn żmien ilu fhem r-rwol u l-missjoni tiegħu fost il-kommunita’, billi fost l-oħrajn 5 snin ilu waqqaf Child Care Centre, kien il-promotur ewlieni biex twaqqaf Day Care Centre għal anzjani fuq bażi reġjonali, kif ukoll waqqaf u wara ta l-awtonomija lil għaqdiet mhux governattivi fil-qasam kulturali u anke sportiv. Peress li ma jeziti l-ebda servizz fil-lokalita’ u fil-qrib, waqqaf subpost office li topera mill-uffiċini tiegħu u mill-impjegati tiegħu sabiex iċ-ċittadini kollha jkollhom is-servizzi kollha fil-qrib.

Mit-twaqqif tiegħu grazzi għal-politika imħaddna mill-Kunsill Lokali dejjem fehem wkoll r-rwol ambjentali tiegħu billi fil-bidu qassam qsari lill kull abitazzjoni fir-raħal biex bihom jiżżejnu l-faċċati tad-djar u inizjattivi oħra bħal ma huma tqassim ta’ lampi energy saving lill kull abitazzjoni u dalwaqt dak tas-solar water heater .

Il-Kunsill Lokali temm din l-istqarrija billi qal li dan it-tiġdid huwa stimolu ieħor biex il-Kunsill ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu favur iċ-ċittadin u l-lokalita’ tagħna.

Ta min isemmi li grazzi għal dan it-tiġdid il-Kunsill preżenti ser ikollu estenzjoni ta’ sentejn oħra u l-elezzjoni li jmiss ser tkun fl-2012.


L-Għaqda Drammatika San Lawrenz tirritorna fuq il-Palk
15 April 2009

waqt il-provi tal-bieraħ

Dan l-aħħar reġa twaqqaf kumitat ta’ l-Għaqda Drammatika San Lawrenz, bl-iskop li apparti l-Pageant tal-Milied, jittelgħu rappreżentazzjonijiet teatrali fuq il-palk biex jitrawwem fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna t-talent teatrali.

Bħalissa għaddejja attivita’ ġmielha fuq il-palk. Ta’ kull filgħaxija iċ-ċentru parrokkjali, il-palk, qed ikun iċ-ċentru tal-kommunita’ tagħna, diversi żgħażagħ, u anke kbar qed jinġabbru fuq il-palk sabiex jippreparaw ħalli nhar is-Sibt li ġej itellgħu rapreżżentazzjoni dwar il-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi.

Il-bieraħ filgħaxija aħna żorna waħda minn dawn is-serati waqt waħda mill-provi għal dan id-dramm. L-entużjażmu kien evidenti fost dawk li qed jieħdu sehem u dawk li qed jippreparaw għal din l-attivita’. Aħna ħadna l-kummenti tal-president ta’ l-Għaqda Drammatika San Lawrenz, Angelique Borg li esprimiet ruħha sodisfatta mhux biss li l-Għaqda qed terġa ttella xi ħaġa fuq il-palk, imma għal fatt ukoll li tara żgħażagħ u m’humiex, miġburin fuq il-palk. “F’soċjeta’ li qed ngħixu fiha llum huwa diffiċli li tiġbor ammont ta’ żgħażagħ imma l-palk kapaċi jagħmel dan.” Hekk temmet il-kummenti tagħha Angelique.

Dan id-dramm ser isir nhar is-Sibt li ġej 18 ta’ April fit-20.30. Aħna nawguraw minn qalbna kull suċċess lill-atturi kollha u nħeġġu lill-Lawrenzjani sabiex jissaportja lill-Għaqda Drammatika u jattendu għal dan id-dramm.


Rigal għall-kommunita’ tagħna f’dawn il-Festi ta’ l-Għid
14 April 2009

Il-knisja taghna

L-Ewropa tissaportja finanzjarjament l-Proġett tar-restawr fil-faċċata u fil-Knisja tagħna!

Ftit tal-ġimgħat ilu dan is-sit kien ħabbar li l-parroċċa bis-sapport sħiħ tal-Kunsiull Lokali applikat għall-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tirrestawra l-faċċata tal-Knisja kif ukoll xi opri fil-Knisja. Minn sorsi li għandu dan is-sit, dan il-proġett ġie aċċettat u l-Ewropa ser tiffinanzja parti sostanzjali minn dawn il-proġetti ta’ restawr.

Jidher li l-parroċċa irċiviet l-konferma li dan il-proġett qed jiġi aċċettat u fil-futur qarib irid jingħata bidu għax-xogħol fuq l-offerti ħalli evantwalment jingħata bidu għax-xogħol strutturali li hemm bżonn isir. Dan il-bżonn ilu żmien twil jinħass fil-parroċċa tagħna u ftit tax-xhur ilu kienet ħarġet l-idea li għandha ssir applikazzjoni għall-fondi ta’ l-UE sabiex ix-xogħol isir kif għandu jsir. Għalkemm l-UE (kif jiġri dejjem) mhix ser tħallas il-proġett sħiħ pero il-proġett jista jsir kif ser isir grazzi għal dawn il-fondi għaliex il-parroċċa tagħna peress li hija waħda żgħira ftit li xejn jista jkollha r-riżorsi neċessarji kollha biex jitwettaq proġett bħal dan. Il-Parroċċa għal dan il-proġett ser toħroġ biss persentaġġ żgħir mill-ispiża kollha li ser jiswa l-proġett.

Dan il-proġett jinkorpora fih ir-restawr tal-faċċata, mill-kampnari saz-zuntier, ir-restawr ta’l-orgni tal-Knisja, ir-restawr tal-Pittura li hemm fil-Knisja ta’ Ġużeppi Cali u li tiġi stampata mappa ta’ Għawdex biex jiġi rreklamat dawn l-inħawi ta’ Għawdex biex jitqassmu fost it-turisti.


Hallelujah!! Kristu qam mill-mewt
12 April 2009

Waqt ic-celebrazzjoni tal-bierah bis-salib jiddomi

Il-bierah bil-lejl wara li l-kommunita’ taghna fil-gurnata ta’ qabel u matul il-gurnata tas-Sibt, flimkien mal-Knsija Universali ghexet il-misteru tat-tbatija ta’ Krsitu, iccelebrat il-qawmien tas-sinjur taghna Gesu Kristu permezz tal-velja paskwali.

B’ mod liturgiku ghall-ahhar il-Kappillan flimkien mal-Kunsill Parrokkjali u l-group liturgiku ppreparaw velja sollenni kif kien jixraq ghas-solenita’ ta’ dak il-lejl. Il-mixghela tad-dawl, it-tberik ta’ l-ilma u l-ewkaristija kienu mumenti li kompew jaghtu sens u kulur lill din il-liturgija. Minn fuq il-pulptu id-djaknu Joseph Curmi habbar it-thabbira ta’ l-Ghid filwaqt li l-konkgregazzjoni numeruza ta’ Lawrenzjani migbura pparcipat f’kull waqt ta’ din il-velja. Fl-omelija tieghu l-Kappillan sahaq fuq l-importanza li nghixu l-Ghid bhala esperjenza ta’ hajjitna, esperjenza li trid tibdilna.

Din is-sena l-artal kien wiehed partikolari apparti t-tizjin sabih tal-ward, il-parrocca taghna hasbet sabiex izzanazan is-salib glorjuz ta’ l-Ghid. Salib li huwa marbut u ghandu sinjifikat qawwi f’dawn il-festi. Is-salib huwa tad-deheb imzejjen bil-hagar prezjuz fil-waqt li fin-nofs tieghu tinsab relikwija tas-salib imqaddes ta’ Kristu. Permezz ta’ dan is-salib il-kappillan qal li l-Parrocca taghna trid twassal il-messagg li s-salib ta’ Kristu, s-sinjal tas-salvazzjoni taghna, jekk ikun maghqud ma Kristu huwa salib glorjuz ghaliex Kristu bil-mewt tieghu qered il-mewt taghna. Dan is-salib li huwa rigal ta’ familja Lawrenzjana ser jibqa jiddomina l-Knisja taghna matul il-hamsin gurnata li gejjin. Hamsin gurnata li permezz taghhom il-Knisja Kattolika ticcellebra din il-festa hekk kbira.

Sadanitant dan is-sit jixtieq jawgura l-Ghid it-tajjeb lill-qarrejja kollha tieghu.


Inkunu Insara tal-Fardal.
10 April 2009

Waqt il-hasil tar-riglejn mill-Kappillan

Dan il-messaġġ kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kappillan Injazju Borg fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika ta’ bieraħ. “Huwa mportanti li nitqarbnu kulljum bħala nsara pero fil-ħajja rridu nsiru wkoll ewkaristija għall oħrajn.” Messaġġ imqanqal imnebbaħ mill-liturġija tal-bieraħ meta Kristu ħalla lilu nnifsu fl-ewkaritisja għalina u wkoll għamel wieħed mill-aqwa ġesti ta’ mħabba dak li ħasel saqajn id-dixxippli tiegħu. “Stgħaġbu l-appostli meta raw lil Kristu jaħsel saqajjhom” kompla jgħid il-Kappillan, pero kien propju għal dan il-messaġġ li Alla bgħat lill-Ibnu fid-dinja, biex l-imħabba ta’ Alla għalina tiġi espressa fl-għoti tiegħU għalina. L-istess irridu nagħmlu aħna fil-ħajja tagħna ta’ kulljum, irridu ningħataw għal xulxin u nħobbu lil xulxin.

Messaġġ li jidher li daħħal sewwa lil dawk preżenti fil-qalba ta’ Ħamis ix-Xirka. Dan baqa jiġi esperess matul iċ-ċelebrazzjoni kollha. Ċelebrazzjoni li kienet karetarizzata mis-sens ta’ l-umilta’, mis-sens ta’ l-għotja. Wara l-omelija tal-Kappillan li stajna naqraw fuq wiċċu l-entużjażmu li bih tkellem sar il-ħasil tar-riġlejn. Il-Kappillan niżel fost in-nies u bl-akbar devozzjoni ħasel saqajn 12-il membru tal-kommunita’ tagħna bħala ġest ta’ l-umilita’ u s-sens ta’ qadi li għandna jkollna wieħed lejn l-ieħor. Wara dan il-ġest kien hemm ieħor qawwi u mportanti dak tas-sinjal tal-paċi. Il-kappillan stieden lill-kulħadd sabiex jiftakar fl-aktar persuna li weġġgħatu ma tul is-sena u jagħti l-paċi sinċiera lill-persuna ta’ ma ġenbu.

Dan il-ġest wassal għall-mument tat-tqarbin u aktar tard sabiex tibda l-adorazzjoni fuq l-artal tar-ripożizzjoni. Fid-9.30pm saru l-viżti ta’ l-artal tar-ripożizzjoni kommunitarji u aktar tard iż-żgħażagħ marru f’post imwarrab sabiex jesperjenzaw u jitolbu ma Kristu fl-ort tal-ġetsemani. L-aħħar attivita’ kien r-rakkont ta’ San Mark dwar l-aħħar mument tal-ħajja ta’ Kristu li kien imexxi minn dun Charles.


Illum il-kommunita’ tagħna tinqgħad mal-Knisja Universali u tgħix l-aħħar mumenti ta’ Kristu
10 April 2009

is-sepurklu ta

Bħallissa il-Knisja hija żarmata minn kollox. Hemm biss l-artal tar-ripożizzjoni li jfakkar il-mumenti li Kristu għadda fl-ort tal-ġettsemani waħdu jitlob. Il-Knisja illum tistedinna sabiex ningħaqdu ma’ Kristu fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Aktar tard fit-3.00pm ssir iċ-ċelebrazzjoni li fiha naduraw is-salib, bħala l-mezz li permezz tiegħu Alla ried li ibnu jiġi mislub fuqu sabiex hemm hekk, f’dan il-ġest il-bniedem jara s-salvazzjoni tiegħu.

Din is-sena l-artal tar-ripożizzjoni qed iwassal il-messaġġ ta’ l-imħabba “il-ħabba tal-qamħ li taqa fl-art, tmut imma tagħti l-frott” huwa l-messaġġ li trid twassal il-kommunita’ tagħna li għanda mmutu għall-egoiżmu tagħna biex nagħtu l-frott fil-ħajja tagħna. Dan il-messaġġ huwa esperess fil-qamħ li hemm madwar t-tabernaklu. Il-kuluri kif ukoll l-arranġameti tal-fjuri jwasslu wkoll dan il-messaġġ. F’dawn l-aħħar snin l-artal tar-ripożizzjoni qed ikun wieħed sempliċi imma li jwassal messaġġ. Jidher li kull sena qed jintlaqa tajjeb u jwassal il-messaġġ li jrid iwassal.

Il-Knisja tgħalaq fn-nofs inhar fejn jiġi żarmat l-artal u tiġi ppreparata għaċ-ċelbrazzjoni tat-3.00pm. Aktar tard bil-lejl imbgħad issir il-Via Sagra matul it-toroq tar-raħal tagħna. Din is-sena ser jitilqu minn Triq Nicholas Monsarrat għal Triq il-Wileġ u tispiċċa fil-pjazza ewlenija tar-raħal tagħna, fejn nistennew li jisbaħ is-sibt u fil-qalba tal-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd ngħixu l-qofol tar-reliġjon tagħna, l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.


Mixjietna lejn l-akbar lejl tas-Sena
09 April 2009

L-istatwa tar-Redentur

Il-bieraħ il-kommunita’ tagħna wara l-quddiesa mill-Kappillan Nazju Borġ flimkien ma’ Dun Charles, Dun Ġuzepp u d-djaknu Joseph mxiet wara Ġesu Redentur, fl-itwal purċissjoni li għandha l-parroċċa tagħna.

Din il-purċissjoni jew aħjar pellegrinaġġ oriġinat ruħha wieħed u għoxrin sena ilu meta dak inhar kien beda jsir pellegrinaġġ penitenzjali fl-okkażżjoni tas-sena tar-redenzjoni. L-ewwel pellegrinaġġi saru bil-kurċifiss, fejn kien jiġi merfugħ miż-żgħażagħ tal-parroċċa. Aktar tard kienet saret l-istatwa tar-Redentur li wkoll baqgħet tiġi merfugħa mill-ġuvintur. Matul iż-żmien żdiedu ukoll dawk li b’penitenza jġorru ktajjen wara l-istatwa ta’ Ġesu Redentur. Din il-ġurnata għall-kommunita’ tagħna hija ġurnata oħra mportanti li fiha nkomplu nippreparaw ruħna għat-tlett ijiem imqaddsa li jibdew mill-lejla bil-quddiesa li fiha ngħixu l-mumenti meta Kristu waqqaf l-ewkaristija.

Il-priedka tal-bieraħ waqt il-quddiesa saret mid-djaknu Joseph li enfasizza fuq il-misteru tat-tbatija liema misteru jwassalna aktar sabiex nifhmu x’għamel Kristu għalina.

Waqt il-pellegrinaġġ saret it-talba tal-Via Sagra li kienet immexxija minn dun Charles u d-djanknu Joseph. Il-konklużjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ saret mill-kappillan fejn ħeġġeġ lil dawk li mxew wara Kristu sabiex mhux biss ngħidu l-Via Sagra imma ngħixuha fil-ħajja tagħna biex hekk nifhmu aktar lil Kristu li jrid iwassalna għal glorja.

Sadanitant il-parroċċa qed tkompli tħejji ruħha għal dawn il-ġranet, fil-knisja llum ma sarux quddies pero dalgħodu qed issir l-konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof fil-katidral. Aktar tard illum wara l-quddies ta’ filgħaxija li tibda fis-19.00 tibda ssir l-adorazzjoni quddiem Ġesu fuq l-artal tar-ripożizzjoni li qed jintrema matul il-ġurnata.


Attivita' sportiva fl-iskola tagħna
07 April 2009

Sportsday f

Aktar kmieni dalghodu fil-ground ta' l-iskola tagħna rajna attivita' mhux tas-soltu pero attivita' nteressanti ħafna li kompliet tgħin lit-tfal tagħna fl-edukzzjoni tagħhom. Ħafna drabi naħsbu li t-tfal biex jitgħalmu mportanti li jkunu fil-klassi b'xi ktieb quddiemhom, pero attivita' bħal ta' dalgħodu għenet lit-tfal biex jitgħallmu għall-ħajja, kif jgħixu flimkien u l-aktar importanti li fil-ħajja mhux bilfors tirbaħ dejjem imma xi darba trid titlef ukoll u l-ħajja tkompli miexja 'l quddiem. Kien propju l-iskop ta' din l-attivita' fl-iskola tagħna.

Ma l-istudenti tagħna ingħaqdu l-istudenti ta' l-iskola Primarja ta' Għajnsielem li flimkien magħhom u flimkien ma l-għalliema tagħhom ħadmu fuq logħob sportiv li għenu sabiex t-tfal jitħaltu ma tfal oħrajn. Il-logħobiet kienu diversi u interattivi u dan ħoloq attmosfera tant sabiħa li mhux biss għoġob lit-tfal imma wkoll lill-ġenituri tat-tfal li fl-aħħar ġiet organizzata wkoll attivita' għalihom. L-ispirtu li nħass kien wieħed li ħalla sodisfazzjon fost kulħadd.

Aħna ħadna l-kumment tas-Surmast ta' l-iskola is-Sur Mario Żammit dwar din l-attivita' kif ukoll dwar il-ħidma edukattiva li qed titwettaq fl-iskola tagħna. Huwa qalilna li attivitajiet bħal ma huma dawn jagħtu ħajja lill-iskola u jkomplu jgħinu sabiex it-tfal jiżviluppaw l-abilitajiet kollha tagħhom. Huwa ta' sodisfazzjon ukoll li tara li ma' l-istudenti ingħaqdu wkoll il-ġenituri tat-tfal li huwa messaġġ tassew pożittiv għat-tfal. Is-Sur Żammit għalaq dan il-kumment tiegħu billi rringrazzja lill dawk kollha li taw sehemhom speċjalment lill-għalliem ta' l-isport fl-iskola tagħna li mhux biss f'din l-okkażżjoni imma f'okkażżjonijiet oħra jagħti spinta qawwija lill-isport fl-iskola tagħna.


Saret laqgħa mportanti għal dawk li ser jinstallaw is-solar water heater
07 April 2009

Waqt il-laqgha fejn l-inginier kien qed jaghti l-i

Il-proġett imniedi mill-Kunsill Lokali tagħna dak tas-solar water heater miexi ġmielu. Il-bieraħ saret laqgħa apposta magħhom fejn b’mod tekkniku ġie mfisser kif dan il-prodott jaħdem u wkoll dawk perżenti kellhom l-opportunita’ li jagħmlu mistoqsijiet kemm dwar il-prodott kif ukoll dwar il-proġett fih innifsu.

Din il-laqgħa ġiet indirizzata mis-Sindku Noel Formosa li kompla jisħaq fuq l-importanza tal-proġett u fejn irid jasal il-Kunsill Lokali b’dawn l-inizjattivi li qed jieħu, favur l-ambjent. Huwa qal li dan kollu qed iseħħ u jista’ jseħħ grazzi għar-rispons qawwi li qed jirċievi mingħand ir-residenti nfushom li qed jilqgħu s-sejħiet li qed jagħmel il-Kunsill.

Wara l-inġinier Mark Gullimier, fisser b’mod dettaljat kif jaħdem l-impjant li ser jiġi nstallat u x’inhuma dawk il-miżuri li wieħed għandu jieħu biex jieħu l-aħjar riżultat minn dan il-prodott. Huwa qal li r-raħal ta’ San Lawrenz grazzi għal din l-inizjattiva qed jgħin bil-qawwi biex pajjiżna jiffranka ammont sostanzjali ta’ Co2 fl-arja. Wara din l-ispjegazzjoni kulħadd kellu l-opportunita’ li jagħmel il-mistoqsijiet kemm dwar il-prodott kif ukoll dwar x’għandu jiġi ppreparat sabiex fi żmien qasir tibda ssir l-installazzjoni fuq il-bjut tad-djar tagħna.

Aħna ħadna xi kummenti ta’ dawk li kienu preżenti għal din il-laqgħa li permezz tal-kummenti tagħhom stajna naraw l-entużjażmu li l-Lawrenzjani qed jieħdu bih dan il-proġett. Jidher b’mod ċar li l-kampanja li nieda l-Kunsill dik li jġib il-lokalita’, lokalita’ ekoloġika qed taqbad ġmielha. Dan ħareġ b’mod ċar f’kumment li għaddha s-Sindku meta qal li “dan l-entużjażmu jixpruna lill-Kunsill sabiex ikompli għaddej b’ritmu mgħaġġel fit-triq li qabad.”


Tkompli l-mixja tal-Kommunita’ lejn l-Għid Imqaddes
06 April 2009

Il-purcissjoni

Il-bieraħ Ħadd il-Palm il-kommunita’ tagħna inqagħdet mal-kumplament tal-Knisja Universali fejn hemm hekk iċċelebrat lil Kristu milqugħ bil-friegħi tal-Palm u ż-żebbuġ. Turija ta’ l-aċċetazzjoni ta’ Kristu fil-ħajja tagħna.

Tant hu hekk li din il-Festa bdiet minn tarf ir-raħal, eżattement minn fejn il-mafkar ta’ San Lawrenz. Wara t-tberik tal-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ u wara l-qari ta’ l-Evanġelju li jirrakkonta l-ġrajja ta’ meta Ġesu’ daħal trionfalment Ġerusalem, il-miġemgħa Lawrenzjana mmexxija mill-Kappillan Nazju Borg erħewlha lejn il-Knisja fost il-kant u t-tixjir tal-Palm. It-tfal ġew imlibsa ilbies tipiku ta’ l-epoka biex aktar joħroġ is-sinjifikat ta’ din il-ġrajja.

Mal-wasla ta’ din il-purċissjoni fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja, fuq iz-zuntier, tifla żgħira f’isem it-tfal kollha għamlet messaġġ qasir ta’ merħba lil Ġesu’ u wara il-koppji għarajjes li kienu qed iġorru s-salib, kif titlob il-liturġija ħabbtu l-bieb prinċipali tal-Knisja tlett darbiet u wara nfetaħ il-bieb. B’turija simbolika li huwa Kristu, l-bieb tas-salvazzjoni tagħna.

Wara bdiet il-quddiesa bis-sehem sħiħ taż-żgħażagħ tagħna. F’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, imexxija mill-Kappillan, ħadu sehem ukoll Dun Ġużepp, Dun Charles u d-Djaknu Joseph Curmi. Fl-omelija tiegħu l-Kappillan wara l-qari tal-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, ħeġġeġ lill-ġemgħa sabiex il-kommunita’ tagħna tħalli lil Kristu jmexxiha, “kien propju għalhekk li dalgħodu għamilna manifestazzjoni fit-triq prinċipali tagħna, biex nuru li Kristu huwa ċ-ċentru tar-raħal u l-parroċċa tagħna.” Hekk temm jgħid il-Kappillan.

Matul din il-ġimgħa ser ikomplu għadejjin l-attivitajiet reliġjużi marbuta ma din il-ġimgħa mportanti. Dan is-sit ser ikun hemm sabiex pass pass jimxi mal-kommunita’ f’din il-mixja lejn l-akbar festa’ dik tal-qawmien mill-mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu.


It-terzjarji jerġgħu jibdew jerfgħu l-istatwa tad-Duluri
04 April 2009

Il-grupp mad-Duluri

Il-bieraħ saret it-tifkira tad-Duluri, festa li bi tradizzjoni ġewwa pajjiżna ssir ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-kbira, għaliex propju il-festa tal-Madonna tad-Duluri liturġikament tiġi ċċellebrata fix-xahar ta’ Settembru.

Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika kienet iċċellebrata mill-Kappillan Nazju Borg, akkumpanjat mill-Vigarju Parrokkjali Dun Charles Sultana, Dun Gużepp Piscopo u Dun Joshua Muscat li kien inkarigat ukoll li jagħmel l-omelija ta’ l-okkażżjoni, flimkien magħhom id-djaknu Joseph Curmi. F’ l-omelija tiegħu Dun Joshua tkellem dwar id-dulur li għaddiet minnhom il-Madonna kif ukoll id-dulur li l-bniedem qed jgħix fih illum. Pero meta is-salib ikun meħud fid-dawl ta’ Alla dan id-dulur jeħfief. Wara l-quddiesa saret il-purċissjoni bl-istatwa artistika u devota tal-Madonna tad-duluri, f’ silenzju taqtgħu b’sikkina.

Fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, fil-purċissjoni lejn l-artal flimkien ma l-abbatini u s-saċerdoti inqagħdu wkoll il-membri tat-terz ordni tas-servi ta’ Marija li din is-sena ingħataw importanza kbira f’din il-festa peress li huma marbuta direttament mal-Madonna tad-Duluri. Il-bieraħ ukoll 9 membri ġodda ingħaqdu f’dan it-terz ordni li huwa l-uniku f’ pajjiżna. Tlett irġiel u sitt nisa mill-bieraħ bdew jiffurmaw parti minn dan it-terz ordni. Fl-introduzzjoni tiegħu fil-quddiesa l-Kappillan qal li l-parroċċa tagħna hija xxurtjata li fi ħdanha għandha dan it-terz ordni. Matul il-quddiesa saru diversi mumenti li fihom dawn il-membri pprofessaw l-impenn tagħhom lejn il-kelma t’Alla, l-Knisja u l-ordni li jiffirmaw parti minnha.

Mument sabiħ u nistgħu nsejħulu storiku għalina kien meta it-terzjari wara assenza ta’ diversi snin reġgħu bdew jerfgħu huma l-istatwa tal-Madonna tad-Duluri waqt il-purċissjoni. Kien tassew mument eċitatni għall-Lawrenzjani kollha l-fatt li l-istatwa tad-Duluri, li hija marbuta ma din it-terz ordni rritornat f’idejn il-membri tagħha.


Awguri lill-President il-ġdid u grazzi lill-President uxxenti mill-Kommunita’ ta’ San Lawrenz – Għawdex.
04 April 2009

Il-Kunsill Lokali San Lawrenz dalgħodu ippubblika stqarrija biex biha jifrah lill-President il-ġdid Abela u jirringrazzja lill-President uxxenti Fenech Adami. L-istqarrija li kienet iffirmata mis-Sindku Noel Formosa qed tiġi ppubblikata kelma b'kelma.

Il-Kunsill Lokali San Lawrenz, Għawdex, f’isem il-kommunita’ Lawrenzjana jifraħ lill-President il-ġdid ta’ Malta, Dr George Abela, fl-okkażżjoni ta’ din il-ħatra storika tiegħu li permezz tagħha qed tidher il-maturita’ tal-poplu Malti. Jawgura minn qalbu lill-President u s-Sinjura Abela u li din il-presidenza tiegħu tkun presidenza li tkompli tgħaqqad lill-Poplu Malti.

Jieħu wkoll l-okkażżjoni sabiex jirringrazzja lill-President Eddie Fenech Adami, għas-servizz tiegħu lill-pajjiż u l-poplu Malti matul is-snin tal-ħajja pubblika tiegħu, jawguralu ħajja ta’ mistrieħ flimkien mal-familja tiegħu.


Ningħaqdu ma ħuna Patri Gabriel
03 April 2009

L-40 sena anniversarju ta

Dan l-aħħar ġewwa l-Awstralja Patri Gabriel Micallef, li fir-raħal nafuħ aktar bħala Stiefnu, ċċellebra egħluq l-40 sena tas-saċerdozju tiegħu. Għalkemm fil-bogħod, il-kommunita’ tagħna xorta waħda tħoss rabta ma Patri Gabriel, u tħoss li għandha tingħaqad miegħu f’dan l-anniversarju mportanti; filwaqt li trodd ħajr ‘l Alla għal dak li għamel miegħu ma dawn l-40 sena kif ukoll li nqeda bih sabiex jwassal il-messaġġ tal-Knisja u l-imħabba lejn il-proxxmu.

Preżentament Patri Gabriel qed iwettaq il-missjoni tiegħu ġewwa Adelide l-Awstralja fejn qed iservi ta’ Kappillan tal-Maltin. Kull meta kellna l-okkażżjoni li nitkkelmu miegħu meta jkun għall-vaganzi ġewwa Malta dejjem wera s-sodisfazzjon tiegħu li qed jaqdi din il-missjoni. Missjoni li permezz tagħha l-Maltin fl-Awstralja qed iżommu l-egħruq tagħhom ħajjin, speċjalment fejn tidħol l-prattika tar-reliġjon. Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li fakkret dan l-anniversarju kienet ċċelebrata mill-Isqof ta’ Adelide Fr Philip Wilson, għaliha apparti dawk li qed jaħdem magħhom kien hemm ukoll diversi ħbieb ta’ Patri Gabriel. Oħtu Tonina u żewġha Salvu minn Brisbane marru apposta biex ma ħuhom jroddu ħajr lil Alla. B’sorpriża għalih kien hemm ukoll in-neputija Theresa u żewġha Salvu li bħalissa jinsabu fuq btala ġewwa l-Awstralja.

Aħna bħala kommunita’ ningħaqdu miegħu wkoll u nawgurawlu Ad Multus Annos


Artiklu fuq rivista taljana dwar mawra ta’ group minn San Lawrenz f’ Colle Umberto
25 March 2009

Ir-rivista li fuqu deher l-artiklu

F’Jannar li għadda il-group ta’ l-armar tal-Festa kien għamel esperjenza ġewwa Colle Umberto. Qrib dan il-post jeżisti monasteru tas-servi di Maria, eżattament ġewwa Follina. Post meraviljuż qalb il-muntanji. F’dan il-post ġie skopert li hemm rabta wkoll mal-lokalita’ tagħna ta’ San Lawrenz, dan minħabba l-fatt li l-patrijiet f’dan il-monasteru huma il-patrijiet tas-Servi di Maria u fil-parroċċa tagħna għadha teżisti l-ordni sekolari (t-terz ordni) tas-servi ta’ Marija.

Waqt iż-żjara tal-group tagħna f’dan il-monasteru sabiħ li jmur lura għall-1200, ġie nnotat li l-patrijiet huma lebsin iswed l-istess bħal ma jilbsu dawk l-irġiel mill-parroċċa tagħna waqt xi purċissjoni. Kelma ġġib lil oħra u ġie skopert li l-ordni tagħna hija it-terz ordni ta’ dawn l-istess patrijiet.

Dawn il-patrijiet laqgħu bil-ferħ din l-aħbar u nteressaw ruħhom jistaqsu lill dan il-group li kien akkompanjat mis-Sindku u mill-vigarju Parrokkjali dwar l-oriġini ta’ din it-terz ordni fil-parroċċa tagħna. Dak inhar ħsibna li l-istorja waqfet hemm…pero ma kienx il-każ.

F’ rivista li toħroġ madwar l-Italja kollha mill-Ordni tas-Servi di Maria, bl-isem Servi 2000 f’paġna 43 fl-edizjoni ta’ Marzu 2009, bħala parti mill-aħbarjiet isemmu bi prominenza, l-vista li l-group Lawrenzjan għamel ġewwa Follina fi Treviso l-Italja… “abbiamo vissuto con profonda gioia una sorpersa epifanica…”għexna bi pjaċir kbir sorpriża fil-ġurnata ta’ l-Epifanija, hekk iddiskrivew dawn il-patrijiet l-vista tal-Lawrenzjani ġewwa dan il-monasteru. Filwaqt li l-artiklu jsemmi r-rabta li teżisti bejn San Lawrenz u din l-ordni fl-aħħar ta’ l-artiklu mimli ritratti ta’ pajjiżna, ppubblikaw wkoll l-kumment li ħalla s-sindku tagħna fuq il-ktieb tal-viżitaturi.


Weekend ta’ volontarjat mill-Parroċċa tagħna.
24 March 2009

Il-group wara li spiċċa mix-xogħol fid-dar tal-pro

Matul il-weekend li għadda il-kommunita’ tagħna bħala parti mill-mixja tagħha lejn l-Għid imqaddes, f’ dan ir-Randan organizzat ġurnata ta’ volontarjat fid-Dar tal-Providenza ġewwa s-Siġġiewi Malta.

Nhar is-Sibt li għaddha group sabiħ ta’ Lawrenzjani, filghodu kmieni erħewlha lejn Malta, għalkemm kienet ġurnata kerha xorta waħda dan il-group ma qatgħax qalbu. Mal wasla tagħhom hemm, sabu jistenniehom Fr Martin Micallef li huwa d-direttur ta’ din id-dar li f’ Malta li qed tagħmel xogħol imprezzabbli ma dawk li għandhom diżabilitajiet. Wara li daru d-dar kull wieħed u waħda ġie assenjat lilu l-biċċa xogħol li kien mitlub jagħmel, in-nisa erħewlha lejn il-laundry u l-kċina u l-irġiel iż-żebgħa ta’ ħitan u bibien. Aħna tkellemna ma wħud minn dawk li attendew għal din l-esperjenza li fi ftit kliem wrew il-paċi li ħassew f’qalbhom wara din il-ġurnata.

L-għada mbgħad, (il-Ħadd,) il-group taż-żgħażagħ ħa ħsieb jorganizza festin għall-persuni b’diżabilita’ ta’ Għawdex. Dawn il-persuni flimkien maż-żgħażagħ tagħna attendew għall-quddiesa ta’ l-10.30 li ġiet iċċelebrata mill-Kappillan u wara sar festin fiċ-ċentru għalihom.

Sadanitant il-bieraħ fiċ-Ċentru Parrokkjali ser ingħata bidu għall eżerċiżżi taż-żgħażagħ li ser ikunu mmexxija minn Fr Joe Bajada li huwa l-viċi Rettur tas-Seminarju.


It-tellieqa tat-Tieqa tad-Dwejra biex issir waħda mis-7 meravilji tad-Dinja issib ruħha bi prominenza fuq l-aħbarijiet ta’ l-istazzjoni Nazzjonali
18 March 2009

Il-Gurnalist Keith Demicoli waqt li kien qed itell

Nhar il-Ħadd li għadda bi prominenza kbira il-lokalita’ tagħna reġgħet kienet fuq l-aħbarijiet. Waqt servizz ikkulurit il-ġurnalist tal-PBS, Keith Demicoli bis-solita’ freskezza tiegħu ta sinstensi ta’ dak li ġara s’issa, kif ukoll x’għad irid isir, biex it-Tieqa tad-Dwejra tasal biex tiġi ddikjarata waħda mis-sebgħa meravilji tad-dinja.

Waqt dan is-servizz ġie ntervistat ukoll is-Sindku Noel Formosa li fisser l-ħidma bla ma taqta tal-Kunsill Lokali sabiex jirreklama dan is-sit sabiex kemm jista’ jkun nies jivvutaw. “Mhux faċli imma jekk kullħadd jagħti s-sehem tiegħu nistgħu naslu” hekk temm jgħid is-Sindku.

F’dan is-servizz ukoll ġew intervistati xi turisti li inzertaw quddiem it-tieqa tad-Dwejra li lkoll kemm huma tkellmu dwar is-sbuħija ta' dawn l-inħawi. Mhux biss tat-Tieqa imma tad-Dwejra kollha kemm hi.

Keith Demicoli fis-servizz tiegħu, li jidher li kien segwit ħafna, ta nformazzjoni f’waqtha tal-perkors li dan il-proċess baqgħalu jieħu biex eventwalment t-Tieqa tad-Dwejra tiġi ddikjarata waħda mis-sebgħa meravilji tad-dinja. Biex Malta permezz tat-Tieqa tad-Dwejra tkun tista’ tkompli din it-tellieqa sa Lulju li ġej ta’ l-inqas trid tkun fil-11-il post. Klassifika ftit diffiċċli pero mhux impossibbli. Fl-aħħar imbgħad ħames esperti jridu jagħżlu l-aħjar sebgħa, fil-każ tagħna mill-kategorija li tiġbor fiha dawk il-meravilji li huma forom fil-blat, gherien jew widien.

Għalkemm huwa diffiċċli pero tajjeb li nfakkru kumment li jħobb jgħid is-sindku li anke jekk ma nintagħżlux pero l-fatt li ninsabu hemm diġa huwa reklam tajjeb għall pajjiżna u tabilħaq għaliex dan is-sit www.new7wonders.com ta’ kuljum, jattira eluf ta’ nies biex jissotomettu l-vot tagħhom.

Fl-aħħar ta’ dan is-servizz isemma wkoll l-istat ħażin tat-triq li twassal għal din il-bajja. Stat li kemm il-darba l-Kunsill tagħna u dan is-sit ġibdu l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet dwaru. Aħna ħadna l-okkażżjoni u rajna fejn wasal il-proċess ta' din it-triq u minn informazzjoni li ksibna jidher li l-proċess tat-tendering minn naħħa tal-Ministeru għal Għawdex, li huwa responsabbli biex issir din it-triq jinsab fi stadju avanzat.


Il-Parroċċa tagħti bidu għall-eżerċiżżi tar-Randan
17 March 2009

Randan

Il-bieraħ fis-7.00 il-parroċċa tagħna bdiet ġimgħa ta’ kors ta’ laqgħat għal kulħadd bħala parti mill-attivitajiet tar-randan. Dan il-kors ta’ eżerċizzi qed jiġu mmexxija minn Dun Anton Thewma.

Bi knisja ppakkjata bin-nies Dun Anton għamel l-ewwel ħsibijiet tiegħu bi preparazzojoni għal-Għid imqaddes. Huwa tkellem dwar il-valur tat-tbatija u kif aħna bħala nsara nistgħu nħarsu lejn it-tbatija bħala valur li jgħinna ngħixu aħjar. “Kristu sar bniedem bħalna, aċċetta l-mewt anzi l-mewt tas-salib biex jagħti valur lit-tbatija, lis-salib ta’ kulljum tal-ħajja tagħna” dan kien il-messaġġ ċentrali li l-ex rettur tas-Seminarju wassal il-bieraħ.

Sadanitant il-parroċċa tagħna għadha tintensifika l-attivitajiet tagħha f’dan ir-randan. Dan l-aħħar saru pellegrinaġġi għas-santwarju ta’ Pinu u ta’ kull filgħodu kmieni l-kommunita’ qed tiltaqa fil-Knisja biex titlob permezz tat-tifħir ta’ sbieħ il-Jum. Il-kappillan qed jistieden lill-kommunita’ sabiex ninvestu aktar ħin fit-talb.

Issa nhar is-Sibt li ġej xi nies mill-kommunita’ser jerħulha lejn d-Dar tal-Providenza f’ Malta sabiex hemm hekk issir ġurnata ta’ volontarjat.

L-eżerċiżżi ta’ dan ir-Randan Imqaddes jiġu fi tmiemhom nhar il-Ġimgħa li ġej.


Il-Kunsill jirċievi €5000 f’għajnuna finanzjarja għall-attivita’ kulturali
10 March 2009

Għall-attivita’ internazzjonali li Kunsill bi ħsiebu jtella’ f’Ottubru 2009 f’San Lawrenz, bl-isem “Bringing People Together’ il-Kunsill irċieva €5,000 mingħand is-Segretarjat Parlamentari għal Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni. Dan sar wara li l-Kunsill lokali tagħna applika taħt il-Fond imniedi apposta mis-Segretarjat għal Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni biex jgħin fl-organizazzjoni ta’ attivitajiet kulturali f’pajjiżna.

‘Bringing People Together’ ser tkun attivita’ mifruxa mar-raħal ta’ San Lawrenz kollu bil-parteċipazzjoni ta’ diversi pajjiżi Ewropej. L-attivita’ hija mistennija li tkun waħda ta’ livell għoli mimlija tradizzjoni, kultura kif ukoll innovita’.

Is-Sindku Noel Formosa rċieva din l-għotja mingħand is-Segretarju Parlamentari Dr. Chris Said waqt konferenza stampa li saret nhar il-Ħadd 8 ta’ Marzu ġewwa l-Banca Giuratale, Rabat, Għawdex.

Hekk kif tlabna l-kummenti tas-Sindku Noel Formosa, appena huwa rċieva din is-somma, huwa esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu għal dawn l-opportunitajiet li qed jirfdu l-Kunsilli Lokali fit-twettiq ta’ għemilhom u jimlewhom b’enerġija biex ikomplu jtejjbu l-livell tal-komunitajiet tagħhom. Dan ikompli wkoll jassigura żvilupp sostenibbli f’kull qasam tal-lokalita’ kemm f’dak soċjali, kulturali, ekonomiku u anke ambjentali.

Aktar dettalji dwar din l-attivita’ jingħatawlkom aktar ‘l quddiem pero nħeġġukom biex tippreparaw ruħkom għal attivita’ unika li bħala jaf jorganizza l-Kunsill Lokali San Lawrenz!


It-Tieqa tad-Dwejra titla fl-20 post fit-tellieqa għas-seba' meravilji tad-Dinja
07 March 2009

It-Tieqa tad-Dwejra

Skond is-sit eletroniku li jieħu ħsieb il-kompetizzjoni mondjali new7wonders.com, it-Tieqa tad-Dwejra mis-27 post li minnu telqet din it-tellieqa issa tinsab fl-20 post. Dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-Malta li sit minn tagħha mhux biss ġie nnominat imma wkoll qed jiġbed daqshekk l-attenzjoni tal-miljuni ta’ nies li jidħlu fuq dan is-sit eletroniku.

New7wonders.com huwa sit magħruf mad-dinja kollha li permezz tiegħu wieħed jista’ jagħmel l-għażla tiegħu sabiex jiġu ddikjarati is-sebgħa meravilji ġodda tad-dinja. Xhur ilu l-Kunsill Lokali San Lawrenz bis-sapport tal-Gvern Malti daħal responsabbli minn din in-nominazzjoni u minn dak inhar ‘l hawn waqqaf kampanja pubbliċitarja mhux biss f’Malta imma wkoll madwar id-dinja. Din il-kampanja qed tħalli l-frott tagħha. Esperti f’dawn it-tipi ta’ kompetizzjonijiet jgħidu li għall-pajjiż bħal ma huwa Malta mhux faċli li ssib postha fl-ewwel għoxrin peress li Malta qed tikkompetti ma pajjiżi bil-wisq akbar minnha.

Pero f’dan il-każ s’issa l-affarijiet qed juru li t-Tieqa tad-Dwejra qed tħabbatha lil pajjiżi wisq akbar minn Malta. Dan huwa dovut l-ewwel net għas-sbuħija li joffri dan is-sit uniku imma wkoll għal kampanja pubbliċitarja tajba li qed jagħmel il-Kunsill Lokali San Lawrenz, fosthom intervisti fuq Radios fl-Awstralja u l-Italja. Il-Kunsill Lokali waqqaf ukoll Facebook group biex iħeġġeġ lil nies jivvutaw għat-tieqa tad-Dwejra. Dan il-group kien wieħed suċċess, f’inqas minn xahar issieħbu aktar minn ħamest elef ruħ.

Il-Kunsill Lokali San Lawrenz qed iħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha mhux biss biex jivvutaw huma imma wkoll sabiex iħajru qraba u ħbieb tagħhom barra minn Malta biex jivvutaw huma wkoll. Il-link biex wieħed ikun jista jivvota huwa http://www.new7wonders.com/nature/en/nominees/europe/c/AzureWindow/

Dan huwa mezz ieħor ta’ kif nistgħu nirreklamaw lill-Pajjiżna barra minn xtutna, l-messaġġi li qed jiriċievi l-Kunsill Lokali San Lawrenz minn barranin dwar din in-nomina huma sodisfaċenti ħafna, dan juri li l-messaġġ qed jasal u l-Kunsill Lokali San Lawrenz anke miċ-ċokon tiegħu għal darb’ oħra qed jikkontribwixxi fil-kamp Nazzjonali.


Is-sindku tagħna maħtur mill-Unjoni Ewropea sabiex isegwi l-andament tal-FYROM (Macedonia) fi triqtha lejn s-sħubija fl-Ewropa.
06 March 2009

Is-Sindku f

Is-sindku Noel Formosa ilu minn kemm ilha Malta li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea jirrappreżenta l-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin fil-Kumitat tar-Reġjuni. Dan il-Kumitat li huwa kumitat importanti ħafna huwa magħmul minn diversi Sindki u Presidenti tar-reġjuni mxerdin madwar l-Ewropa u b’mod volontarju jsegwu d-dokumenti li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ikunu qed jgħaddu. L-iskop ta’ dan ix-xogħol huwa sabiex peress li s-Sindki huma l-aktar qrib taċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jipproponu bidliet fil-politika Ewropea aktar qrib iċ-ċittadin.

F’dawn l-erbgħa (kważi ħames) snin li s-Sindku tagħna ilu jwettaq din il-ħidma rajnieħ jipparteċipa f’diversi diskussjonijiet kif ukoll jippreżenta amendi għall-dokumenti biex jiriflettu aktar l-politika Maltija speċjalement fejn jidħlu l-Gżejjer. Rajnieħ ukoll li jokkupa diversi karigi fi ħdan assoċjazzjonijiet Ewropej, fosthom dik ta’ Viċi President tal-Group Popolari Ewropew u dik ta’ chairman tal-group intern tal-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem l-Assoċċjazzjoni tal-Gżejjer ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan L-aħħar s-Sindku bħala parti mix-xogħol tiegħu fil-kamp Ewropew ġie magħżul sabiex flimkien ma sitta oħra mill-istess Kumitat tar-Reġjuni jsegwi l-andament li qed jimxu bih Kunsill Lokali mill-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonia fi triqithom lejn l-Ewropa. Bħalaissa s-Sindku jinsab f’dan il-pajjiż sabiex aktar mill-qrib ikun jsegwi dan li qed jiġri.

Aħna tkellemna miegħu permezz tat-telephone dwar din l-esperjenza, huwa qalilna li din hija avventura tassew eċitanti, “hija xi ħaġa interessanti tara pajjiż jersaq lejn ewropa magħquda, l-istess triq li għamilna aħna ħames snin ilu”. Huwa qal li dan il-pajjiż baqalu ħafna u ħafna x’jimxi mill-lat demokratiku, soċjali u ekonomiku, pero ammira l-ħeġġa li għandhom sabiex fl-inqas żmien possibbli jissieħbu membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Mill-Maċedonia s-Sindku għandu jmur dirett lejn Praga fejn ser jieħu sehem fis-summit tal-Kumitat tar-Reġjuni u jkun lura Malta s-Sibt wara nofsinhar.


Il-Kleru u l-parroċċa tagħna jilqa miegħu lid-Djaknu Joseph Curmi
05 March 2009

Id-Djaknu Joseph Curmi

Xi ġranet ilu fil-presbiterju tal-parroċċa tagħna rajna żieda. Id-Djaknu Joseph Curmi li għal dawn l-aħħar sentejn serva fil-parroċċa tagħna kemm bħala seminarista kif ukoll bħala djaknu, issa fi tmiem il-ġimgħa qed jgħix fid-dar parrokkjali mal-kappillan u l-viċi.

Din kienet aħbar sabiħa ħafna għall-Parroċċa tagħna speċjalment għall-istudenti li Joseph kien u għadu responsabbli tagħhom kemm ilu magħna fil-parroċċa. Aħbar li ntlqagħet tajjeb ukoll għaliex qed naraw fenominu ġdid li qed iseħħ fil-parroċċa tagħna, dik li s-saċerdoti jgħixu flimkien fid-dar parrokkjali. Dan il-fattur huwa wieħed mill-ftit jekk mhux l-uniku fid-djoċesi ta’ Għawdex.

Id-Djaknu Joseph Curmi jinsab fl-aħħar xhur tal-preparazzjoni tiegħu sabiex jekk il-bambin irid fis-sajf li ġej huwa jsir saċerdot. Jidher li l-amminstrazzjoni tas-seminarju tixtieq li bħala parti mit-taħriġ tagħhom dawn iż-żgħażagħ jitħarġu b’mod partikolari fil-ħidma pastorali fil-parroċċi għaliex wara kollox dan ser ikun ix-xogħol prinċipali tagħhom wara li jirċievu s-sagrament ta’ l-ordni sagra

Apparti l-ħidma fost l-istudenti u l-group tal-vokazzjonijiet matul dawn l-aħħar xhur rajna lil Joseph imexxi in-novena tal-Milied bħalissa bħala preparazzjoni għall-Għid kull nhar ta’ Ħamis qegħdin narawh jipprepara lit-tfal u l-istudenti fil-quddiesa speċjali li l-parroċċa tagħna qed torganizza għalihom.

Dan is-sit jawguraw lil Joseph aktar ħidma fostna u wkoll nieħdu l-okkażżjoni biex nifirħu lill-Kappillan u lill-parroċċa għall-inizjattivi li qed jieħu sabiex il-parroċċa tagħna tinżamm ħajja u n-nisrani jagħraf aktar l-post tiegħu fil-kommunita’ parrokkjali tagħna.


Jiġu ppreżentati l-applikazzjoniet għas-sussidju tal-Gvern.
03 March 2009

Wara li saret kampanja ta’ nformazzjoni u edukattiva fost il-kommunita’ mill-Kunsill Lokali dwar l-importanza ta’ l-użu ta’ l-enerġija mix-xemx, kif ukoll wara li l-Kunsill fittex l-aħjar prodotti fis-suq ta’ appart li jsaħħan l-ilma bl-enerġija tax-xemx, kif ukoll l-aħjar prezzijiet, matul il-ġimgħa li għaddiet l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tagħna kien miżgħud b’Lawrenzjani sabiex jimlew l-applikazzjoni sabiex apparti l-prezz tajjeb u anke s-sussidju li ser jagħti l-kunsill timtela wkoll l-applikazzjoni sabiex dawk kollha li daħlu fl-iskema tal-Kunsill japplikaw wkoll għas-sussidju tal-Gvern. Permezz ta’ dan is-ssussidju l-prezz jkompli jkun wieħed kompettiv għal aħħar. Il-kunsill offra wkoll is-servizz tal-mili ta’ dawn l-applikazzjonijiet mill-uffiċċju u l-uffiċċjali tal-Kunsill Lokali tagħna, xi ħaġa li ntlaqgħet tajjeb ukoll. Minn informazzjoni li ksibna kienu ħafna dawk il-familji Lawrenzjani li kkonkorrew biex jissieħbu f’din l-iskema.

Aħna tkellemna mas-Sindku dwar l-impressjoni tiegħu dwar kif intlaqgħet din l-iskema. B’sodisfazzjoni kbir li kont taqrah fuq wiċċ is-sindku qallina li jħossu sodisfatt li l-Kunsill Lokali San Lawrenz f’temp ta’ sena kien kapaċi joħloq kuxjenza fost il-poplu għall-użu ta’ enerġija alternattiva. Huwa fisser li ma l-edukazzjoni l-Kunsill Lokali kien kapaċi joħloq inċentivi sabiex il-familji jissieħbu fihom. Apparti hekk kien ukoll kapaċi li jinvolvi s-settur privat f’dawn l-iskemi. Huwa fakkar fil-proġett li wettaq il-Kunsill f’ Ġunju li għadda dak tat-tqassim ta’ bozza b’xejn lil kull familja u f’dan li qed isir bħalissa. Huwa qal li din il-mixja li qabad il-Kunsill ser tkompli miexja għaliex irid li San Lawrenz ikun vera r-raħal ekoloġiku.

Ħadna l-okkażżjoni li nitkellmu wkoll mas-segretarja tal-Kunsill Lucienne Haber li kellha f’idejha l-proċess kollu tal-mili ta’ l-applikazzjonijiet. Hija qaltilna li kien ta sodisfazzjon tara lin-nies ta’ San Lawrenz li għal darb oħra laqgħu sfida oħra verament attwali, hija qaltilna li mpressjonat ruħha bir-rispons u l-interess qawwi li wrew in-nies. “Mhux proġett faċli għaliex jirrekjedi ħafna xogħol, pero bid-determinazzjoni u s-sossten ta’ kulħadd naslu” hekk temmet tgħidilna s-segretarja.

Jidher ukoll li l-Kunsill għandu f’ moħħu li fil-futur qarib jorganizza laqgħa ma espert kif ukoll inġinier tal-kumpanija li ġiet magħżula sabiex jagħti aktar informazzjoni dwar is-sistema li ser tiġi nstallata fuq kważi mitt bejt fil-lokalita’ tagħna.


Weekend li fih il-kommunita’ u r-raħal tagħna kienu s-suġġett għal-ġbid ta’ ritratti.
02 March 2009

San Lawrenz in photography

Matul tmiem il-ġimgħa li għada fotografu franċiż għażel lill-lokalita’ tagħna sabiex joħroġ is-sabiħ ta’ kommunita’ kif tgħix il-ħajja ta’ kulljum

Aktar ‘l quddiem matul din is-sena it-taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser ittella wirja fotografika bl-isem 24/7, dan l-isem ħareġ wara li l-Kunsill kien esprima x-xewqa tiegħu li jippubblika ktieb dwar il-ħajja normali u soċjali tal-kommunita’ tagħna jiġfieri kif il-kommunita’ tagħna tgħix il-ħajja fis-sempliċita’ tagħha. Is-Sindku qalilna li huwa jemmen li l-mod sempliċi li bih ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kulljum jista’ jkun ta’ attrazzjoni għall-turiżmu għaliex dan l-istil ta’ ħajja jesprimi t-trakwillita’ li l-lokalita’ tagħna toffri. Apparti dan, kompla jgħid is-Sindku permezz tal-fotografija aħna ta’ San Lawrenz nistgħu napprezzaw aktar dak li forsi neħduh “for granted” u napprezzaw aktar dak li ngħixu fih.

Tkellemna wkoll mal-fotografu Luc Arden li fisser is-sodisfazzjon tiegħu li ġie mqabbad mid-Dipartiment tal-Kultura sabiex joħroġ permezz tal-fotografija l-potenzjal u s-sbuħija tal-kommunita’ tagħna. Huwa qalilna li r-raħal ta’ San Lawrenz huwa miżgħud bis-sbuħija naturali pero din is-sbuħija tista’ toħroġ biss għaliex il-kommunita’, n-nies ta’ San Lawrenz bis-sempliċita’, t-tbissima u l-okkoljenza tagħhom qed jagħtu ruħ lil din is-sbuħija naturali.

Jakkumpanjaw lil dan il-fotografu kien hemm is-Sur Kevin Sciberras li huwa l-kap tad-Dipartiment tal-Kultura li ħadem bis-sħiħ sabiex jara dan il-proġett jirnexxi. Huwa qalilna li jinsab sodisfatt ħafna b’dak li ħareġ matul dawn il-ġranet għaliex “San Lawrenz għalkemm żgħir għandu l-potenzjal li joffri ħafna għall-kultura u l-ħajja soċjali ta’ Għawdex.” Dr Ray Debono Roberts antropoloġista akkompanja wkoll lil dan il-fotografu u ħa l-okkażżjoni li jinterevista lin-nies li ġew fotografati.

Kollox ma kollox din il-wirja ser tipprova turi nies li mingħajr ma jafu llkoll kemm huma sawru u nisġu l-ħajja soċjali tal-lokalita’ tagħna u ħażżu l-istorja li jkun għajn li tkun storja miktuba u ma tibqax tiġi mgħixa.

Intemmu dan l-aġġornament tagħna b’sentenza li qalilna s-Sindku pero għandha sinjifikat importani ħafna “l-kuntentezza ħafna drabi tinsab fis-sempliċita’ tal-ħajja, dan ippruvajna nagħmluh u ssiġillajnieh fl-arti tal-fotografija.”


Il-mixja lejn l-akbar festa tal-Knisja
26 February 2009

Randan

Wara t-tbaħrid tal-karnival, il-bieraħ il-Knisja Kattolika bdiet il-mixja tagħha lejn l-akbar festa li tiċċelbra dik ta’ l-Għid Imqaddes li fih Kristu rebaħ il-mewt u qam mill-Imwiet. Tant hija kbira din il-festa li l-Knsija tipprepara l-membri tagħha b’erbgħin jum ta’ penitenza, talb u karita’ biex permezz tagħhom in-nisrani jħossu aktar ppreparat biex jiċċelbra l-Għid.

Il-Parroċċa tagħna wkoll il-bieraħ l-Erbgħa, msejjaħ ukoll l-Erbgħa t’ rmied inqagħdet mal-Knisja universali sabiex tagħti bidu għal din il-mixja. Peress li kienet ix-xita l-pellegrinaġġ li kellu jsir minn Triq il-Ġebla tal-Ġeneral ma sarx u l-funzjoni bdiet mall-ewwel fil-Knisja bil-kant tal-litanija tal-Qaddisin kantata mid-Djaknu Joseph Curmi. Wara bdiet iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristija li fiha sar it-tqiegħed ta’ l-irmied fuq l-irjus fuq permezz ta’ dan il-ġest tfakkar lill-bniedem biex jindem għaliex “trab kien u trab irid jerġa jsir” Fl-omelija tiegħu l-Kappillan Nazju Borġ fakkar kemm hu mportanti li fil-ħajja tagħna nsibu l-ħin għal Alla huwa qal li fid-dinja tallum qed jinsterqilna l-ħin li huwa dovut għal Alla. Qal li dan ir-randan irid jgħinna sabiex nerġgħu nsibu dan il-ħin għal Alla, b’hekk inkunu nistgħu verament niċċellebraw kif inhu xieraq l-Għid il-Kbir.

Matul dan ir-Randan il-parroċċa ppublikat programm dettaljat ta’ attivitajiet li ser jiġu organizzati fosthom iritiri, eżerċizzi, mumenti speċjali ta’ talb, mumenti ta’ karita’ fid-dar Arka u fid-dar tal-providenza u attivitajiet oħrajn li jilħqu lil kull kategorija.

Il-parroċċa ħasebet ukoll biex tqassam kalendarju f’kull familja biex permezz tiegħu tgħin lil familji jgħixu b’mod tajjeb u kommunitarju din il-mixija.

Aħna ser inkomplu nżommukom aġġornati ma dak li l-parroċċa tkun qed torganizza matul dan iż-żmien sabieħ tas-sena mhux biss għall-kommunita’ tagħna imma wkoll għall-Knisja Kattolika.


Tal-Folk group protagonisti waqt il-Karnival li sar fl-isplash and Fun
21 February 2009

Il-folk fl-Isplash and Fun

Il-Folk group ta Cangura illum sar wieħed mill-aktar folk groups imfittxin ta’ pajjiżna. Dan huwa ta’ sodisfazzjoni kbir mhux biss għalihom imma wkoll għar-raħal tagħna, għaliex huma qed iservu ta’ ambaxxaturi denji tar-raħal tagħna.

Lil dan il-group qed narawh wkoll jiġi mistieden ġewwa Malta xi ħaġa li qed tistomla aktar liż-żeffiena u lill-kumitat li huma tassew dedikati għaż-żfin u anke għall-group li jiffurmaw parti minnhom. Għal karnival ta’ din is-sena dan il-group ġie mistieden ġewwa l-kumpless ta’ l-isplash and fun ġewwa Malta li mistenni jagħti żewġ serati waħda llum is-Sibt u l-oħra nhar it-Tlieta li ġej l-aħħar Jum tal-Karnival. Minn informazzjoni li ksibna jidher li dan il-group aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ikabbar ir-reportorju tiegħu kif ukoll jidher li qed jippreparaw sabiex dan il-group ikollu l-orkestrina tiegħu. B’hekk ikun komplut u jkompli jagħti spettaklu aktar attraenti.

Sadanitant il-bieraħ ir-raħal tagħna ċċellebra wkoll din il-festa ta’ bluha. Għalkemm kien bard ixoqq l-għadam pero is-serata saret xorta waħda. Serata sempliċi pero serata li tagħti ċ-ċans lit-tfal tagħna li jesprimu b’mod tassew kreattiv it-talenti tagħhom. Xi ħaġa li spikkat fil-karnival tal-bieraħ kien propju is-sessjoni tal-kompetizzjoni hilarius li fiha t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jivvintaw xi makkjetta tad-daħq li bis-sempliċita’ tagħhom jifqgħu lil kulħadd bid-daħq. Parti oħra minn din is-serata kienet tinkludi wkoll group ta’ żeffiena min-Nadur li taw żifna li ppreparaw għal dan il-karnival ta’ din is-sena li qed jiġi organizzat fuq bażi reġjonali.


Wasal iż-żmien mistenni minn kullħadd.
20 February 2009

It-tfal dalghodu waqt l-assembly

Illum beda r-renju tal-Karnival, renju mistenni l aktar mit-tfal. Ir-raħal tagħna permezz tal-Kunsill ser jiċċellebra dawn il-ġranet propju llum, il-lejla fil-pjazza tar-raħal.

Xi ġranet ilu l-Kunsill ħabbar il-kompetizzjonijiet li nistgħu ngħidu li r-rispons bħas-soltu kien wieħed tajjeb ħafna. Issa l-lejla jekk it-temp jippremetti wara li jkun hemm danza minn kumpanija tal-Karnival minn Nadur, isiru l-kompetizzjonijiet.

Sadanitant dalgħodu it-tfal ta’ l-iskola diġa jinsabu fir-ritmu tal-karnival. L-amministrazzjoni ta’ l-iskola ddeċidiet li matul din il-ġurnata t-tfal jistgħu jiġu lebsin bil-kostum tal-Karnival u vera huwa sabiħ tara lill-iskola mżejna bil-kuluri li ġabu magħhom dawn it-tfal permezz tal-kostumi li lebsin.

Tajjeb li nfakkru li r-raħal tagħna fl-antik kien wieħed mill-uniċi li kien joffri Karnival folkloristiku permezz tal-kumettiva. Din il-kumettiva kienet tkun speċi ta’ żifna li tieħu ħin twil sabiex tinżifen u li fiha l-irġiel kienu jilbsu ta’ nisa. Ġo San Lawrenz marbuta ma din it-tradizzjoni għadhom jissemmew xi laqmijiet bħal ma huwa tal-Parent jew tal-Budi li isimhom huwa marbut tajjeb ma din it-tradizzjoni. Is-sena l-oħra l-Kunsill fl-okkażżjoni tal-karnival kien stieden group mix-Xagħra sabiex jippreżentaw din il-kumettiva fir-raħal tagħna.

Il-lejla s-serata tal-Karnival tibda fit-8.00pm


Premju Nazzarenu Vassallo...il-Kunsill tagħna jinnomina'
19 February 2009

Il-group kollu flimkien ma dawk li nnominaw

Għall dawn l-aħħar snin il-kumpanija Care Malta li tieħu ħsieb tmexxi d-djar ta’ l-anzjani kif ukoll servizzi marbuta mal-kura ta’ l-anzjani f’ Malta ħasbu sabiex jorganizzaw premju annwali fost dawk l-għaqdiet jew individwi li jkun jaħdmu f’dan il-qasam.

Din is-sena dan il-premju ġie ppreżentat mill-E. T. Il-president ta’ Malta Dr Eddie Fenech Adami nhar it-Tnejn 9 ta’ Frar 2009, ġewwa d-dar ta’ l-Anzjani tal-Mellieħa.

F'din l-okkażżjoni l-Kunsill Lokali tagħna nnomina lid-Day Care Centre li twaqqaf f’ Għawdex għaxar snin ilu, u dan sabiex f’isem il-Kunsilli Lokali oħra Għawdxin juri apprezzament lil dawn in-nies li jieħdu ħsieb dan id-day centre, b’imħabba kbira.

Għalkemm il-premju ma ntrebaħx mid-day centre li qed jopera minn Għajnsielem xorta waħda d-diriġenti tiegħu wrew apprezzament lejn il-Kunsill Lokali tagħna għal dan il-ġest li jinnominawhom għal dan il-premju.

Kien propju għaxar snin ilu li twaqqaf dan id-day centre u l-anzjani tagħna huma wħud mill-aktar li gawdew minn dan is-servizz li qed jagħtu dawk li jieħdu ħsiebu, fosthom tajjeb li nsemmu lill-Luiġia Grima kunsilliera li tagħti wkoll flimkien ma sħabha servizz mpekkabbli.

Dan il-proġett kien sar bi sħab bejn il-Gvern, il-Knisja u l-Kunsilli Lokali. Is-sindku Noel Formosa kien wieħed mill-membri fundaturi li ppreparaw it-triq sabiex twaqqaf dan l-ewwel Day Centre għall-anzjani f’ Għawdex.


Nitilgħu tlett punti
16 February 2009

New 7 Wonders of Nature

Skond is-sit mondjali www.new7wonders.com it-Tieqa tad-Dwejra li kienet nominata minn dan l-istess sit sabiex wara proċess twil ta’ votazzjoni, jekk tiġi vvutata, tiġi dikkjarata bħala waħda mis-7 meravilji, issa ninsabu fl-24 post.

Meta l-Kunsill daħal responsabbli minn dan is-sit, xi ġimgħat ilu it-Tieqa tad-Dwejra kienet fis-27 post, issa wara kampanja tajba li saret minn naħħa tal-Kunsill, bdejna naraw ir-riżultat. Mis-27 post tlajna għall-24 post.

Il-Kunsill Lokali għamel użu minn diversi sistemi ta’ propoganda fosthom mis-sit popolari Facebook. Il-group li twaqqaf bl-isem “Let us put the Azzure Window one of the seven wonders of the world” f’inqas minn xahar kien kapaċi jiġbor fih ma l-4000 membru li permezz tagħhom xterdet mad-dinja kollha dan li beda l-Kunsill tagħna.

Is-Sindku qalilna li jinsab sodisfatt ħafna mil-mod ta kif inhi miexja din il-kampanja. Huwa qal li jeħtieġ li nkomplu dan il-momentum, “it-Triq hija twila” pero kompla s-Sindku “jekk naħdmu bil-għaqal għandna mnejn naslu”. Huwa kompla jfissrilna li mill-kummenti li jirċievi permezz ta’ facebook jidher li diġa din il-kampanja qed tgħin ħafna sabiex isir reklamar lil Malta. “Naslu jew ma naslux il-ġid diġa qed isir” hekk temm jgħidilna s-Sindku.

Minn informazzjoni li ksibna sirna nafu wkoll li dan l-aħħar id-direzzjoni tas-sit new7wonders li jieħdu ħsieb din il-kampanja bagħtu jifirħu lill-Kunsill għall-mod ta’ kif qed imexxi din il-kampanja.

sanlawrenz.gov.mt ukoll ikompli jħeġġeġ lil-qarrejja kollha sabiex ikomplu jwasslu din il-kelma fost qrabtahom u ħbiebhom imsefrin.


Il-proġett tar-restawr tal-Faċċata tal-Knisja.
13 February 2009

Il-faccata tal-knisja

Xi ftit taż-żmien ilu dan is-sit kien ħabbar li l-Knisja bis-sapport tal-Kunsill Lokali issottomew talba sabiex jiġu akkwistati fondi sabiex isir ir-restawr bżonjuż tal-faċċata tal-Knisja. Minn informazzjoni miksuba minn dan is-sit din l-applikazzjoni, dan l-aħħar, ħadet żvolta pożittiva ħafna. Filwaqt li għad ma hemm xejn uffiċċjali pero minn laqgħat li l-Kappillan flimkien mas-sindku u l-perit tal-faċċata, il-Perit Ivana Farruġia, kellhom ma l-uffiċċju responsabbli mill-għażla ta’ dawn il-proġetti, jidher li kien hemm laqgħat pożittivi ħafna li wasslu sabiex dan il-proġett ikun proġett aktar ħolistiku.

L-iskop ta’ dan il-proġett kbir, apparti li huwa ntiż sabiex isir restawr, ser joħoloq ukoll aktar opportunitajiet ta’ turiżmu lejn dawn in-naħħat ta’ Għawdex. Tant hu hekk li huwa fil-ħsieb tal-Kunsill kif ukoll tal-Knisja li dan il-proġett ikun wieħed komplementari mal-proġett tal-pjazza, kif ukoll ma proġetti oħra simili li l-Kunsilli qed jipproġetta sabiex jinħaddmu fil-futur b’risq ir-raħal tagħna.

Ix-xogħol tar-restawr tal-faċċata ser jinkopora fih ukoll ir-rijabilitazzjoni taz-zuntier tal-Knisja. Minn ritratt li nstab dan l-aħħar, jagħti prova ċara li z-zuntier fl-antik kien bil-balavostri u kien jagħti aktar dinjita’ lid-disinn tal-Knsija tagħna, il-proġett tar-restawr qed jaħseb sabiex iz-zuntier jerġa lura għall-isplendur tiegħu dak li jerġa jsir kif kien oriġinarjament bil-balavostri. Il-Perit Ivana Farruġia li ilha kważi fuq sena taħdem biex tipprepara l-pjanti, għaqdet attenta sabiex tkun leali għal dak li l-ewlenin Lawrenzjani kellhom f’moħħhom meta b’imħabba kbira bnew dan it-tempju.

Dan is-sit ser iżommkom aġġornati ma dak kollu li jkun qed jiġri fil-proċess ta’ din l-applikazzjoni. Kollox jidher li jinsab ippreparat, jidher ukoll li l-Knisja għandha f’idejja il-permessi kollha neċessarji sabiex malli, jekk il-bambin irid tasal l-aħbar li wasslu l-flus mill-Ewropa jkun jista’ jibda x-xogħol.


Proġetti fil-lokalita’ tagħna li jattiraw l-media internazzjonali
11 February 2009

Radio Rai 2

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar 2009 is-Sindku Noel Formosa kien intervistat fuq Radio Taljan li għandu udjenza kbira ħafna. Rai Radio Due, stazzjon tar-Radju tar-RAI ġewwa l-Italja talab sabiex jitkellem mas-Sindku dwar attivitajiet li ġew imwettqa mill-Kunsill Lokali tagħna biex jippromwovu l-enerġija alternattiva.

Din l-intervista’ saret waqt il-programm “Catterpillar” li huwa programm segwit ħafna. Is-Sindku ġie mistoqsi miż-żewġ preżentaturi li jippreżentaw dan il-programm dwar il-ħidma li qed iwettaq il-Kunsill tagħna. Huma aċċennaw għall-attivita’ li saret f’ Ġunju li għadda fejn il-Kunsill tefa it-toroq id-dawl kollu tat-toroq għal siegħa u wkoll l-inizjattiva kbira li qed jieħu l-Kunsill Lokali tagħna bħalissa dik tas-solar water heater. Is-Sindku semma li huwa dmir ta’ kulħadd li jagħmel l-almu tiegħu sabiex flimkien nippruvaw insalvaw id-dinja. Huwa qal li għalkemm aħna zgħar xorta waħda nħossu d-dmir li noħolqu attivitajiet marbutin mal-fenominu tal-global warming.

Wara din l-intervista aħna tkellemna mas-Sindku dwar l-importanza ta’ intervisti simili, huwa qalilna li l-Kunsill Lokali San Lawrenz, dejjem emmen li għandu jħares –il barra mill-konfini tiegħu għaliex b’hekk ikun jista’ jikber fil-ħsieb u ma jingħalaqx ġewwa l-konfini tiegħu. Kompla jgħdilna li llum grazzi għal dawn il-kuntatti ir-raħal tagħna kompla jsib postu fuq il-mappa ta’ pajjiżna u ta’ l-Ewropa. Huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ b’mod partikolari biex filwaqt li ma jinsew qatt mnejn telqu pero għandhom iħarsu ‘l barra sabiex jilħqu kull opportunita’ li l-mod ta’ għixien li qed ngħixu fih illum qed joffrilhom.

Meta tkellmna mas-segretarjat tal-Kunsill Lokali qalulna li kienu diversi l-messaġġ li ġew mibgħuta mill-lokalita’ ta’ Colle Umberto fejn urew s-sodisfazzjon tagħhom li kellhom l-opportunita’ li jsegwu lis-Sindku fuq radju taljan.


Il-Kunsill Lokali tagħna jiġi rikonoxxut bħala l-organizzazzjoni biex tissapportja n-nominazzjoni tat-Tieqa tad-Dwejra.
28 January 2009

It-Tieqa tad-Dwejra

Dalgħodu l-aġenzija li tieħu ħsieb din il-kompetizzjoni mondjali infurmat lill-Kunsill Lokali tagħna li issa ufficcjalment is-sit tat-Tieqa tad-Dwejra dahal jifforma parti minn din il-kompetizzjoni li tista twassal sabiex it-Tieqa tad-Dwejra tigi ddikjarata bhala wahda mis-7 meravilji tad-dinja.

Dan ikun iffisser aktar reklamar turistiku lejn pajjiżna. F’kummenti li ta s-Sindku Noel Formosa lil media nazzjonali qal li dan l-avveniment ma huwiex biss ta’ mportanza għall-lokalita’ tagħna imma wkoll għall-pajjiżna. Huwa ħeġġeġ sabiex ilkoll bħala pajjiż għandna nagħmlu l-almu kollu tagħna sabiex nħeġġu nies sabiex jivvutaw għal dan is-sit.

Biex wieħed ikun jista jivvota għal għat-tieqa tad-Dwejra għandu jmur fuq dan il-link http://www.new7wonders.com/nature/en/nominees/europe/c/AzureWindow/ u jaghti l-vot hawn hekk. Il-Kunsill Lokali qed iħeġġeġ sabiex kull minn għandu indirizz email jivvota u wkoll ixerred kemm jista’ l-kelma lil ħbiebu u lil qrabtu biex din in-nominazzjoni timxi ‘l quddiem. Permezz t’hekk inkunu qed ngħinu sabiex aktar nies ikunu jafu bil-meravilji li għandna ġewwa pajjiżna.

Dwar din in-nomina il-Kunsill taghna qed jigi ssaportajat mis-Segretarju Parlamentari ghall-Konsultazzjoni Pubbliku u Informazzjoni fl-ufficcju tal-Prim Ministru, mill-Ministeru ghal Ghawdex, mill-MTA kif ukoll minn diversi ghaqdiet ohrajn.


Il-Kunsill Lokali preokupat bis-sitwazzjoni ħażina ta’ Triq San Lawrenz
26 January 2009

Triq San Lawrenz

Il-Kunsill Lokali ilu għal dawn l-aħħar xhur jilmenta dwar l-istat ħażin ta’ Triq San Lawrenz u jitlob lill-awtoritajiet sabiex it-triq titkompla mill-aktar fiss possibbli. Pero dawn l-aħħar ġimgħat wara x-xita kważi ta’ kulljum din is-sitwazzjoni kompliet sejra għall-agħar. Fi staqrrija l-Kunsill Lokali wera l-preokupazzjoni tiegħu għal dan l-istat u fakkar li għalkemm parti minn din it-triq ma taqax fil-konfini tiegħu kif ukoll din it-triq ma tifformax parti mir-responsabilita’ tiegħu, xorta waħda jħossu fid-dmir u qed jagħmel il-parti tiegħu kollha sabiex din it-triq tieħu dak li ġustament għandha tieħu.

Il-Kunsill Lokali fakkar li għalih l-istat tat-toroq dejjem ingħataw priorita’, tant hu hekk li l-ewwel xogħol li wettaq il-Kunsill kien propju l-manutenzjoni tat-toroq u illum il-lokalita’ tagħna tinsab fi stat li kull triq fir-responsabilita’ tal-Kunsill hija fi stat tajjeb.

Il-Kunsill fakkar ukoll li Triq San Lawrenz hija fil-ħsieb tal-Gvern u ħeġġeġ lill-Gvern sabiex malajr kemm jista’ jkun iwettaq ix-xogħol urġenti li jeħtieġ li jsir.


It-tieqa tad-Dwejra għandha mnejn issib postha waħda mis-sebgħa meravilji tad-Dinja.
13 January 2009

It-Tieqa tad-Dwejra

Id-Dwejra hija kumpless sħiħ ta’ mervalji, u mhux ta’ b’xejn li din il-Bajja ġibdet l-ammirazzjoni ta’ ħafna għas-sbuħija naturali tagħha. It-Tieqa tad-Dwejra hija landmark naturali spettakulari fil-gżejjer Maltin. Hija spettakklu f’kull ġurnata tas-sena, pero bla dubju ta’ xejn f’baħar Maltemp dan il-fenominu naturali jibrilla aktar f’dak li huwa spettaklu.

Dan l-aħħar sirna nafu li fuq is-sit uffiċċjali fejn qed jiġu nominati s-sebgħa meravilji l-ġodda tad-dinja it-tieqa tad-Dwejra tinsab waħda minnhom. Huwa ta’ unur kbir għalina li parti mill-lokalita’ tagħna issib postha propju waħda minn dawn in-nominazzjonijiet.

Bħalissa l-Kunsill Lokali tagħna jinsab f’diskussjonijiet mad-diriġenti li jieħdu ħsieb dan il-proċess sabiex jissaportja din in-nomina u b’hekk b’mod uffiċċjali it-Tieqa tad-Dwejra tkun tista’ tiġi vvotata sabiex uffiċċjalment tkun tista’ tissejjaħ waħda mis-sebgħa meravilji tad-Dinja.

Li tkun waħda mis-sebgħa mervalji tad-dinja ikun ifisser li dan il-post jiġi reklamat mad-dinja kollha bħala sit li jkun jistħolqu li ssirlu żjara. Fi kliem ieħor opportunita’ kbira ta’ turiżmu lejn pajjiżna.

sanlawrenz.gov.mt ħa jżommkom infurmati b’dak kollu li jkun qed jiġri, sabiex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu ħalli timxi l-kelma dwar din in-nominazzjoni.


Minħabba l-Maltemp wara l-konċelebrazzjoni ssir biss purċissjoni fil-Knisja
12 January 2009

Kwaranturi 2009

Il-bieraħ wara nofsinhar saret l-ewkaristija li permezz tagħha sar l-egħluq tal-tlett ijiem ta’ adorazzjoni, msejjħa bħala l-Kwaranturi Mqaddsa li għalina ta’ San Lawrenz din il-Festa titqies bħala l-Festa tax-Xitwa. Minħabba li kontinwament baqgħet nieżla x-xita, il-purċissjoni li soltu ssir fit-toroq prinċipali tagħna saret biss waħda qasira fil-Knisja Parrokkjali filwaqt li l-kor “Levita Laurentius” kanta innijiet Ewkaristiċi flimkien mal-miġemgħa miġbura. Din il-funzjoni flimkien mal-Kwaranturi ġew fi tmiemhom permezz tal-barka Sagramentali.

Fl-omelija tiegħu Mons Pawlu Cardona, kompla jisħaq fuq l-importanza ta’ l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna daħal fid-dettal ta’ tlett mumenti li l-kommunita’ tagħna kienet qed tgħix f’dik fl-okkażżjoni, jiġifieri l-adorazzjoni, l-quddiesa u wara l-purċissjoni, huwa sejħilhom bħala mumenti mportanti ħafna li jkomplu jgħinuna biex nimxu wara Kristu fuq il-passi tiegħu.

Fl-aħħar tal-quddiesa l-Kappillan Injazju Borġ filwaqt li rringrazzja lil Mons Cardona u wkoll lil dawk kollha li ħadu sehem f’dawn il-funzjonijiet. Fakkar li l-festi tal-Milied fil-parroċċa tagħna jgħaqlu l-lejla permezz tal-Festa tas-Santa Nfanzja liema festa t-tfal tagħna joffru xi ħaġa għal dawk it-tfal tal-missjonijiet.

Huwa rringrazzja wkoll lis-Sur Charlie Farrugia li volontarjament ħadem aspejjeż tiegħu ir-raġġiera l-ġdida ta’ fuq l-artal, kif ukoll lil dak il-benefattur li ser iħallas għall-induratura ta’ l-istess raġġiera.


Illum jilħqu l-qofol tagħhom il-Kwarturi Mqaddsa.
11 January 2009

Waqt is-Siegha tal-Paggi

Wara li nhar il-ġimgħa l-kommunita’ tagħna tat bidu għall-Festi Sollenni tal-Kwaranturi Mqaddsa permezz ta’ l-adorazzjoni illum il-Parroċċa qed tasal fi tmiem dawn il-Festi sollenni.

Matul il-lejl tal-bieraħ sar lejl adorazzjoni li għal dan il-lejl kienu diversi dawk il-lawrenzjani li għażlu li jgħadduh ma Ġesu fl-Ewkaristija.

Dalgħodu fid-9.00saret ukoll is-siegħa tal-Paġġi liema siegħa għal dawn l-aħħar mija u sena kienet mmexxija mit-tfal. Aħna attendejna wkoll għal din l-okkażżjoni li fiha stajna naraw l-mod sabiħ kif ukoll nitpaxxew bil-kliem profound u sabiħ li mitt sena ilu ta’ qabilna kitbu sabiex it-tfal tagħna jesprimu l-imħabba tagħhom lejn Ġesu’ fl-Ewkaristija.

Tant hu hekk li l-Kappillan fil-kelmtejn qosra li għamel apprezza ħafna, dan il-ġest kif ukoll il-ġesti l-oħra fil-parroċċa tagħna marbuta ma l-Ewkaristija. Huwa ħeġġeġ sabiex il-familji Lawrenzjani jkunu familji marbuta ma l-Ewkaristija u li l-ħajja fil-kommunita’ tagħna għandha tkun madwar l-Ewkaristija.

Issa l-lejla jekk it-temp jippermetti ssir il-Purċissjoni b’ Ġesu Ewkaristiku mmexxija minn Mons Pawlu Cardona li mexxa dawn il-ġranet f’dawn il-jiem tal-Kwaranturi.


Għall-festi tal-Kwaranturi ta’ din is-sena, l-artal prinċipali jieħu dehra isbaħ.
10 January 2009

L-artal kif ġie armat din is-sena

Kull minn xiref sal-Knisja f’ dawn il-jumejn li fihom qed issir l-adorazzjoni sollenni tal-Kwaranturi Mqaddsa seta jinnota li din is-sena fuq l-artal maġġur wara il-ġirandola (l-post fejn tinżamm l-Ewkaristija) hemm raġġiera kbira ta’ l-injam li saret din is-sena kopja eżatta ta’ dik l-istess raġġiera li kienet tintrama fl-antik fil-Knisja tagħna, propju f’ dawn il-festi. Meta tkellemna ma esperti fl-armar tal-Knisja kollha qallulna li din ir-raġġiera hija raġġiera partikolari u ftit kien hawn bħala fil-knejjes Għawdxin, dan għaliex l-istil tagħha huwa still barrokk li jirrapreżenta tlett stili ta’ raġġieri.

Ma din ir-raġġiera reġa sab postu anġlu antik xogħol ta’ l-artist Wistin Camilleri Cauchi li reġa ġie restawrat minn ibnu Mario Camilleri Cauchi. Permezz ta’ dawn iż-żewġ opri l-artal tal-Kwaranturi reġa lura (anke jekk mhux kollox) għal isplendur artistiku kif kien jintrama fl-antik.

Sa dan it-tant il-bieraħ filgħaxija saret l-ewwel ewkaristija bil-priedka minn Mons Cardona. Fiha filwaqt li ta deskrizzjoni qasira ta’ kif bdiet din id-devozzjoni fl-ewkaristija ħeġġeġ sabiex inħallu lil Ġesu fl-ewkaristija jibdlilna ħajjitna. Huwa ħeġġeġ sabiex inkun aktar insara ta’ l-Ewkaristija.

Issa l-lejla wara l-quddiesa jingħata bidu għall-lejl sħiħ ta’ adorazzjoni.


Il-Kwaranturi Mqaddsa, ġimgħa wara li s-soltu jsiru
09 January 2009

Il-Kappillan jesponi l-Ewkaristija

Illum il-ġimgħa wara l-Quddiesa tas-sebgħa, ingħata bidu għall-Kwaranturi Mqaddsa. Din il-Festa li għalina ta’ San Lawrenz hija l-Festa tax-xitwa din is-sena qed tiġi ċċelebrata ġimgħa wara. Dan għaliex minħabba li fl-ewwel Ħadd tas-sena il-Festa ta’ l-Epifanija tal-Mulej, id-Djoċesi f’ Għawdex fetħet il-Missjoni l-Kbira li qed issir fid-djoċesi tagħna. Għal dan il-għan l-isqof xtaq li Għawdex kollu f’ dak il-Ħadd jinġabar fil-Katidral sabiex issir il-quddiesa tal-ftuħ ta’din il-Missjoni.

Għal dawn it-tlett ijiem issa il-kappella ta’ l-Ewkaristija ser tkun magħluqa sabiex kullħadd b’mod aktar sollenni jinġabar fil-knsija sabiex jadura lill-Ġesu fl-Ewkaristija.

Aktar tard il-lejla Mons Pawlu Cardona, Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ ser imexxi l-ewkaristija ta’ filgħaxija u jibqa jagħmel hekk għal dawn it-tlett ijiem. Bejn is-Sibt u l-Ħadd imbgħad isir lejl sħiħ ta’ adorazzjoni u l-Ħadd filgħodu ssir is-siegħa tal-Paġġi u filgħaxija ssir il-purċissjoni b’Ġesu Ewkaristija. Hija tradizzjoni sabiħa li minn fejn tgħaddi l-purċissjoni diversi joħorġu qsari u twapet quddiem id-djar tagħhom bħala espressjoni pubblika ta’ l-imħabba tagħhom “lejn dan is-sagrament hekk ta’ l-għaġeb.”


Jirritorna l-grupp li kien Colle Umberto...mirżuħ bil-bard!!
08 January 2009

Il-Grupp tal-Festa f

Il-lejla rritornaw lura l-grupp tal-kumitat tal-festa li mar ġewwa Colle Umberto. Is-sodisfazzjon kien evidenti fuq wiċċ is-17-il parteċipant li ħa sehem f’dan l-iskambju pero l-istess kien evidenti li dawn l-irġiel għexu esperjenza ta’ ksieħ li f’pajjiżna qatt ma ħassejna

Pero kif qalulna huma stess dan il-ksieħ patta għalih l-akkoljenza li t-taljani ta’ Colle Umberto għal darb’oħra reġgħu wrew, kif ukoll ix-xenarju sabiħ li setgħu jgawdu dawn il-Lawrenzjani. Din il-mawra apparti l-okkażżjonijiet diversi li fihom iltaqgħu ma nies minn Colle Umberto, kellhom iċ-ċans li jżuru bliet mill-isbaħ li Colle Umberto huwa mdawwar bihom, fosthom, Cortina, Misurina, Auronzo, Venezia, Vittorio Veneto, Verono, Lago di Garda, Padova u oħrajn li żgur ser jibqgħu fil-memorja tagħhom lkoll.

Nhar is-6 ta’ Jannar, festa mportanti ħafna għat-taljani dik ta’ l-Epifanija, il-parteċipanti Lawrenzjani attendew għall-Quddiesa sollenni mmexxija mill-Kappillan ta’ Colle, don Angelo bil-parteċipazzjoni ta’ dun Charles il-Vigarju Parrokkjali tagħna. Fl-aħħar tal-quddiesa Dun Charles ppreżenta l-Bambin tal-Milied li l-kommunita’ tagħna rregalat lil Colle Umberto. Fl-istess waqt is-Sindku Noel Formosa ppreżenta donazzjoni ta’ 500 euro miġbura mill-kommunita’ ta’ San Lawrenz sabiex tgħin lill-Kommunita’ ta’ Colle Umberto fil-missjoni li qed imexxu ġewwa l-Indja. Dawn il-ġesti ġew apprezzati ħafna mis-Sindku s-Sur Eduardo Scarpis, l-Kappillan don Angelo u mis-Sur Angelo Altoe (president ta’ l-Assocjazzjoni tal-Gemellaġġ) kif ukoll mill-kommunita’ kollha ta’ Colle Umberto. F’messaġġ qasir li għamel is-Sindku tagħna saħaq fuq l-aspett importanti ħafna għall-Ewropa dak tas-solidarjeta’ huwa qal li dan il-ġemellaġġ huwa xhieda ħajja ta’ din is-solidarjeta’ li ż-żewġ kommunitajiet huma fid-dmir li jwasslu (anke fiċ-ċokon tagħhom) lil bqija ta’ l-Ewropa.


Jitlaq il-group tal-Festa lejn Colle Umberto
04 January 2009

Colle Umberto fis-silg

Il-Ġemellaġġ tagħna huwa wieħed ħaj għaliex il-parteċipazzjoni ta’ kull Lawrenzjan hija ħajja fih. Dan stajna nkomplu narawh tajjeb il-bieraħ meta rajna grupp ta’ 17-il raġel mmexxija mis-Sindku Noel Formosa li jħallu l-lokalita’ tagħna sabiex flimkien imorru jgħaddu ftit jiem mal-ħbieb tagħna ta’ Colle Umberto, jakkumpanja dan il-grupp kien hemm ukoll il-Vigarju Parrokkjali Dun Charles Sultana.

Din il-mawra ser tkun għalihom esperjenza totalment differenti minn tas-soltu minħabba l-fatt li l-panorami miksija bil-ħaxix li soltu naraw sejrin jidhru differenti minħabba li din id-darba post dan il-ħaxix ħaditu l-borra li din is-sena niżlet b’mod abbundanti aktar mis-soltu.

Il-grupp li telaq il-bieraħ huwa l-grupp organizzat mill-Kumitat tal-Festa liema kumitat fil-jiem tas-sajf ikun impenjat li jorganizza l-Festa ta’ San Lawrenz. Il-president tal-Kumitat is-Sur Michael Grima fisser ruħu sodisfatt ħafna li għall-ewwel darba il-maġġoranzza ta’ dawk li jmiddu jdejhom għall-festa ser ikollhom l-okkażżjoni li jgħixu flimkien u jkomplu jkabbru l-ħbiberiji mhux biss bejniethom imma wkoll mat-taljani.

Dan il-grupp huwa mistenni wkoll li jieħu sehem f’festa tradizzjonali li tiġi organizzata ta’ kull sena ġewwa Colle Umberto dik imsejħa ta’ Pane Vin, liema festa ssir lejliet il-festa ta’ l-Epifanija.


Sena ġdida sena mimlija bi sfidi ġodda b’risq ir-raħal tagħna
01 January 2009

2009

Illum bdejna sena ġdida! Dan is-sit jixtieq lill-qarrejja tiegħu sena ġdida mimlija risq u barka. Aħna tlabna lis-Sindku Noel Formosa biex f’ din l-okkażżjoni permezz ta’ dan is-sit iwassal l-awguri tiegħu, kif ukoll l-aspettativi li l-Kunsill Lokali qed iħares lejhom li minhom tgawdi l-kommunita’ tagħna. “Hija sena li permezz tagħhom l-lokalita’ tagħna ser tkompli timxi ‘l quddiem” hekk beda l-kummenti tiegħu Noel li saħaq li bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd kif sar fil-passat, raħalna jista’ jkompli jirbaħ l-isfidi li jiltaqa maggħom. L-ewwel biċċa xogħol li ser iwettaq il-Kunsill hija dik li jkompli jsaħħaħ il-ġemellaġġ kif ser jiġri minn hawn u ftit ieħor bil-mawra ta’ group ta’ irġiel ġewwa Colle Umberto, din il-mawra trid twassal sabiex matul din is-sena jsiru aktar skambji bejn iż-żewġ lokalitajiet, din id-darba bl-involviment dirett taż-żewġ parroċċi.

Proġett ambizzjuż li l-Kunsill tagħna qed jimmira u li issa wasal kważi sabiex iwettqu huwa dak tat-tqassim bi prezz tajjeb ħafna ta’ solar water heater lil kull abitazzjoni ġewwa San Lawrenz. Huwa qal li dan il-proġett qed jiġi milqugħ tajjeb mir-residenti tagħna u dan ikompli jistimola lil Kunsill sabiex jinvesti aktar fl-ambjent u fl-enerġija rinovabbli.

Is-Sindku semma wkoll li l-Kunsill ser ikompli jimbarka fuq proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea bħala ma huma opportunitajiet għaż-żgħażagħ, proġetti infrastrutturali bħal ma huma dawk tal-pjazza u l-isqaqien u ser ikompli jissaportja lil Knisja sabiex hija wkoll timbarka fuq proġetti ta’ l-EU kif qed jagħmel f’dak tal-faċċata tal-Knisja.

Fuq kollox temm jgħid is-Sindku li l-Kunsill ser jibqa qrib il-poplu mil-aspett soċjali u anke permezz ta’ servizzi li joffri liċ-ċittadini tiegħu


Għaddiet il-ġurnata tal-Milied u għal 14-il sena konsekuttiva l-Kunsill Lokali taħna jaħseb f'dawk li jgħixu waħedhom.
26 December 2008

Is-Sindku u l-kunsilliera waqt it-tqassim tal-meal

Wara li flimkien il-lejl ta' qabel iċċelebrajna bħal kommunita' waħda il-lejl qaddis tal-Milied, permezz tal-Pageant (li kif kien deskrit minn ħafna din is-sena kien wieħed suċċess)u wara bil-kant tas-salmi, l-Quddiesa ta' nofs il-lejl u l-agape, kien imiss li l-Kunsill Lokali bħas-soltu jaħseb fl-anzjani u dawk li jgħixu waħedhom.

IL-Milied huwa festa fejn kulħadd jixtieq il-paċi u l-hena f’qalbu u f’qalb dawk kollha li jħobb. Pero fis-soċjeta’ li ngħixu fiha ħafna drabi jkun hawn min għalkemm jixtieq li jaqsm ma ħaddieħor dan il-ferħ u l-paċi, ċ-ċirkustazzjoni ġabuħ jħossu waħdu.

Bil-ħsieb f’moħħu li jagħti prijorita' lil kull persuna fil-kommunita' kif ukoll grazzi għal politika mħaddna mill-Kunsill Lokali tagħna, dik tad-dinjita’ tal-persuna umana ,14-il sena ilu ħaseb sabiex joħloq inizattiva li joffri ikla sħuna fl-aktar jumejn sensittivi tas-sena, dik tal-Milied u wkoll l-festa titulari ta’ San Lawrenz, lil dawk li jgħixu waħedhom. L-iskop ta’ din l-attivita’ hija li s-Sindku flimkien mal-kunsilliera personalment iżuru lil dawk li jgħixu waħdehom u joffrulhom ikla sħuna, sabiex kulħadd iħossu li fil-ġurnata tal-Milied u dik tal-festa titulari xi ħadd ikun qed jaħseb fihom.

Din is-sena din l-inizjattiva ma naqsitx. 36 persuna mir-raħal fil-ġurnata tal-Milied irċivew żjara mis-Sindku u l-Kunsilliera u filwaqt li xtaqu lil xulxin l-isbaħ xewqat offrewlhom platt sħun. Is-sodisfazzjon kien evidenti fuq dawk kollha li irċivew dan il-ġest li aktar mill-ikla apprezzew il-ġest li f’dan il-jum xi ħadd ftakar fihom.


Il-lejla titella id-39 edizzjoni tal-Pageant tal-Milied.
24 December 2008

Silta mill-Pageant tas-Sena l-ohra

Il-lejla il-lokalita’ tagħna, titrasforma ruħha f’Bibbja miftuħa li tinqara u tinfthiem minn kulħadd. Għal dawn l-aħħar 39 sena il-kommunita’ tagħna ippreżentat il-Pageant tal-Milied, liema pageant jirrakkonta l-istorja tas-salvazzjoni. Storja li minn Adam u Eva, (l-ħolqien tad-dinja) twassal għat-twelid ta’ l-Imwiegħed, it-twelid tal-Messija. Bi storja tassew mexxejja u attrenti din il-ġrajja, l-akbar ġrajja ta’ l-umanita’ tidħol fil-qalb ta’ dawk kollha li f’dak il-lejl xitwi jiddeċiedu li jqattugħ fir-tagħna

Dan il-pageant jinvolvi wkoll kważi nofs il-popolazzjoni tal-lokalita’ ta’ San Lawrenz li minn ġimgħat qabel tinvolvi ruħha sabiex f’dan il-lejl twassal il-messaġġ li wasslu l-anġli elfejn sena ilu ġewwa Betlehem. Il-palk, l-iscript kif ukoll l-ilbies bibbliku jgħinu ħafna biex dawk preżenti jidħlu aktar fl-ispirtu tal-Milied u ta din il-ġrajja.

Il-Pageant li jibda fit-8.30pm, jiġi fi tmiemu bil-priedka tradizzjonali tat-tifel. Il-priedka tal-Milied

Wara din il-preżentazzjoni il-kommunita' kollha ser tinġabar fil-knisja tagħna fejn hemm hekk fil-11.30 jibda l-kant tal-matutin u wara tibda l-quddiesa hekk imsejħa ta' nofs il-lejl fejn il-kommunita' tagħna tingħaqad mal-Knisja universali sabiex terġa tgħix l-akbar ġrajja ta' l-Umanita'. It-twelid ta' Ġesu Bambin minn Omm xebba magħżula mill-Missier Alla.


Il-Presepju u l-Christmas Tree jiddominaw il-pjazza.
21 December 2008

Waqt it-Tberik min Mons Isqof

Dalgħodu wara l-quddiesa ta’ l-10.30am, il-quddiesa tan-Novena, Monsinjur Isqof Mario Grech, bierek il-presepju l-ġdid kif ukoll il-Christmas tree u talab il-barka t’ Alla u li Ġesu Bambin jkun iċ-ċentru tal-kommunita’ tagħna. Kien is-sodisfazzjoni taż-żgħażagħ tagħna speċjalment ta’ dawk kollha li ħadmu li jaraw biċċa xogħol kbira li għamlu huma b’tant imħabba tara t-tmiem tagħha.

Permezz ta’ dan il-prespepju kif ukoll permezz tal-Christmas Tree, issa raħalna huwa liebes il-libsa tal-Festa, il-Festa tal-Milied.

Il-Presepju fuq disinn ta’ l-artist Għawdxi Joseph Cauchi, jirrappreżenta xena ikonografika tal-ġrajja tal-Milied, liema ġrajja tgħaqqad id-divin ma l-uman. Dan huwa propju l-messaġġ ta’ dan il-prespju. Il-pasturi life size kif ukoll il-grotta jwasslu dan il-messaġġ. Messaġġ ta’ tama, li ġab Ġesu Bambin permezz tat-Twelid tiegħu.

L-inizjattiva ta’ l-armar tal-Milied ta’ din is-sena hija inizjattiva meħuda konġutment bejn il-parroċċa kif ukoll il-Kunsill Lokali, li t-tnejn ħadmu sabiex jagħtu dehra sabiħa u unika lil raħalna f’dawn il-Festi. Il-Christmas Tree kbira ġiet regalata lill-Kommunita’ ta’ San Lawrenz mill-kommunita’ ġemella mar-raħal tagħna Colle Umberto. Il-bieraħ iż-żewġ kommunitajiet għamlu tentattivi bejniethom sabiex permezz ta’ video konferenza jagħtu l-awguri tal-Milied lil xulxin.

Issa l-kommunita’ tagħna hija ffukata fuq id-39 preżentazzjoni tal-Pageant tal-Milied liema pageant jirrankkonta b’mod tassew attarenti l-istorja tas-salvazzjoni.


Tintrama l-Christmas Tree kbira fil-pjazza tagħna.
20 December 2008

Waqt li qed tintrama s-sigra

Wara stennija il-bieraħ fil-pjazza bi crane kbir ittellgħet u sabet postha il-Christmas Tree rigal minn Colle Umberto. L-aspettativa tan-nies tagħna għal din is-Siġra tal-Milied kienet waħda kbira, pero din l-aspettativa ma ġietx nieqsa hekk kif il-bieraħ għal-ħabta tal-5.00pm rajna din is-siġra toħrog minn ġewwa l-container u ssib postha fil-pjazza x-xogħol fuqha baqa għaddej sa tard bil-lejl. Pero is-sodisfazzjon ma naqax anzi kull min għadda mill-pjazza ammira s-sbuħija ta’ din is-siġra naturali li ser tkun mhux biss għat-tgawdija tal-Lawrenzjani imma wkoll ta’ kull Għawdxi, Malti jew turist li jgħaddi minn ġol-pjazza tagħna.

Aktar tard beda jintrama wkoll l-presepju ikonografiku li ħadu ħsieb joħolqu ż-żgħażagħ tagħna. Presepju li flimkien mas-Siġra ser ikompli jżejjen lil raħalna.

Il-lejla ser issir l-inawgurazzjoni ta’ dan il-Presepju u s-siġra. Din l-inawgurazzjoni ser tkun waħda sinjifikanti wkoll. Il-lejla ser isir kollegament dirett permezz ta’ l-internet ma Colle Umberto l-Italja kif ukoll ma La Ballme de Sillangy. Permezz ta’ dan il-kollegament ser jingħataw l-awguri lil xulxin u b’hekk dawn il-festi jagħtuna opportunita’ li bħala kommunita’ ninfetħu aktar u lil dawn il-ħbieb tagħna nħossuhom aktar qrib tagħna permezz ta’ din it-teknoloġija.

L-attvita’ tal-lejla ser tibda fit-8.00pm u mistennija ddum sad-9.00pm


Tajna bidu għan-novena tal-Milied
17 December 2008

Waqt l-prezentazzjoni ta

Nhar it-Tnejn li għaddiet il-kommunita’ tagħna mal-bqija tal-Knisja Universali bdiet l-aħħar tħejjijiet għal-waħda mill-akbar festi tal-Knisja Kattolika, il-Festa tal-Milied, festa li fiha jiġi mfakkar it-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Nhar it-Tnejn bdiet in-Novena, disat ijiem qabel il-Festa tal-Milied bħala preparazzjoni spiritwali għal dan il-jum.

Dawn id-disat ijiem qed jiġu animati mid-Djaknu Joseph Curmi li qed jinvolvi kemm jista’ t-tfal kif ukoll lil kbar.

Qabel il-quddiesa qed jingħad l-għasar mexxi mill-Kappillan u wara tingħata l-barka sagramentali. Novita’ ta’ din is-sena hija li reġgħet bdiet titkanta, l-Alma Redemptoris Mater innu lil Madonna li fl-antik kien jimla l-knisja u l-qlub ta’ dawk preżenti b’waħda mill-isbaħ melodiji tal-Milied.

Sadanitant l-entużjażmu għal dawn il-festi qed kull ma jmur qed jikber. Saqsejna lil Kunsill Lokali fejn waslet is-siġra tal-Milied, mis-segretarjat tal-Kunsill sirna nafu li jidher li jekk ma jinqala xejn illum is-siġra tkun fostna. L-istess il-prespju l-kbir li qed jinħadem miż-żgħażagħ tagħna. Xrifna ftit sal-maħżen ta’ l-armar tal-Festa, anke hawn jidher li l-Ħamis jekk ma jinqala xejn dan il-presepju jkun f’ postu taħt is-siġra, hekk qalulna ż-żgħażagħ b’entużjażmu kbir li stajna naqrawħ f’ għajnejhom u fil-ħeġġa tagħhom.


Titlaq is-siġra enormi li flimkien mal-presepju ser tiddomina l-pjazza tagħna għal dawn il-Festi tal-Milied.
11 December 2008

Waqt li kienet qed titghabba s-sigra

Il-bieraħ 10 ta’ Diċembru minn ġewwa l-foresta li hemm qrib Colle Umberto telqet is-siġra li l-kommunita’ ġemellata magħna sejra tibgħatilna bħala rigal sabiex tintrama fil-pjazza tagħna għal festi tal-Milied ta’ din is-sena.

L-eċitament għal din is-siġra qiegħed kull ma jmur jikber fil-lokalita’ tagħna kif ukoll qed tinħoloq aspettativa kbira f’ Għawdex għal din is-siġra li hija l-ewwel waħda tal-kobor u n-natural tagħha li ser tintrama għall-Festi tal-Milied.

Din is-siġra qed tiġi trasportata permezz tal-baħar f’container ta’ erbgħin pied li mistenni li jasal fil-pjazza tagħna nhar it-Tnejn li ġej.

Aħna tkellemna mas-Sindku Noel Formosa dwar dan l-avveniment li fisser s-sodisfazzjon tiegħu li l-lokalita’ tagħna qed terġa tkun innovattiva anke sabiex tara li jiżżejjen ir-raħal u tinħoloq atmosfera sabiħa f’ dawn il-Festi. Imma l-akbar sinjifikat, kompla s-Sindku, huwa l-ġest marbut ma din is-siġra għax permezz tagħha qed tkompli tinħoloq l-għaqda bejn iż-żewġ lokalitajiet. Huwa rringrazzja lill-amministrazzjoni ta’ Colle Umberto b’mod partikolari lis-Sur Romano Volpato li ħadem kemm felaħ biex din il-ħolma ssir realta’.

Ma din is-siġra ser jintrama presepju li nħadem miż-żgħażagħ tagħna matul dawn l-aħħar ġimgħat li jirrappreżenta xena oriġinali ħafna ta’ presepju, ikona. Dan il-presepju jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u mistenni li jintrama taħt din is-siġra tal-Milied.


Raħalna jipprepara għall-festi tal-Milied
02 December 2008

Waqt il-preparamenti ghall-Milied

Il-bieraħ beda x-xahar ta’ Diċembru xahar li fih bla dubju ta’ xejn l-atmosfera tinbidel b’tali mod u manjiera li kuħadd jinduna li xi festa kbira ser tiġi ċċelebrata. Dan l-ispirtu ma jonqosx ukoll li jolqot lil-lokalita’ tagħna. Ta’ kull sena r-raħal jara x’jivvinta biex dan l-ispirtu jinħass fostna u joħloq atmosfera sabiħa għall-abitanti tiegħu u għal dawk li jiġu jżuruh.

San Lawrenz huwa magħruf għall-Pageant Tradizzjonali tal-Milied liema pageant ilu jsir għal dawn l-aħħar sebgħa u tletin sena. Pageant li jinvolvi fih nofs il-popolazzjoni tar-raħal li maż-żmien baqa jikber u jittrasforma ruħu għal dak li nistgħu naraw illum.

Pero apparti l-pageant din is-sena l-Kunsill u l-Parroċċa qed jerġgħu jinghaqdu flimkien sabiex f’dawn il-ġranet ir-raħal ikun armat kif jixraq kif ukoll b’mod oriġinali u uniku. Il-Christmas tree oriġinali bil-ponsjetti, li kienet tintrema fil-pjazza għal dawn l-aħħar snin ser tagħmel wisgha għal Christmas Tree kbira ta’ 33 pied, naturali li ser tintbgħat bħala rigal mir-raħal ġemellat tagħna Colle Umberto, u taħt din il-Christmas Tree ser jintrama presepju ġdid u oriġinali disinn ta’ Joseph Cauchi, li jirrappreżenta l-ikona tal-Milied. F’dawn l-aħħar ġimgħat kienu diversi dawk iż-żgħażagħ li ltaqgħu fil-maħżen ta’ l-armar tal-festa sabiex jippreparaw dan il-presepju li flimkien mas-siġra tal-Milied ser ikunu waħda mill-attrazzjonijet oriġinali tal-Milied f’ Għawdex.

Kemm meta tkellemna mas-Sindku kif ukoll mal-Kappillan, iż-żewġ istituzzjonijiet tar-raħal urew is-sodisfazzjon tagħhom mhux biss għal mod oriġinali li ser ikun armat bih ir-raħal tagħna imma b’mod partikolari għall-involviment taż-żgħażagħ f’dan il-proġett ta’ din is-sena.


Isir għal-ewwel darba żwieġ ċivili ppresedut minn Sindku
30 November 2008

Waqt li kien qed isir iz-zwieg

Fl-1975 kien daħal fil-liġi ta’ Malta ż-żwieġ ċivili, liema żwieġ sa sentejn ilu kien jista’ jsir biss minn Reġistratur apposta taż-żwieġ. Wara diskussjoni li kienet saret fil-pajjiż din il-liġi kienet ġiet emendata u minn dak inhar ingħata l-fakulta’ li koppja tista’ tagħżel li ż-żwieġ tagħha jista’ jsir fil-Kunsill Lokali u li jkun presedut minn Sindku.

Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna illum il-Ħadd 30 ta’ Novembru is-Sindku Noel Formosa fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali San Lawrenz, ippresieda żwieġ ċivili bejn Marlene Formosa u Yamen Bakri.

Fil-preżenza tal-mistednin u ħbieb tal-koppja, Marlene u Yamen taw kelma lil xulxin li ser iħobbu lil xulxin għal dejjem. Kienet ċerimonja qasira u ħelwa imma ċerimonja denja kif jitlob il-formolarju ta’ ċerimonja bħal din.

Marlene u Yamen ilhom jafu lil xulxin għal dawn l-aħħar sentejn u ppreparaw ruħuhom tajjeb sabiex waslu għal din il-ġurnata u anke jinsabu fi triqthom sabiex aktar tard jiżżewġu wkoll bi żwieġ nisrani.

Peress li dan kien l-ewwel żwieġ presedut minn Sindku f’uffiċċju tal-Kunsill Lokali ġibed ukoll l-attenzjoni tal-media li dalgħodu kienu qed isegwu din iċ-ċerimonja.


Is-Sindku jinsab Brussell, pero...
27 November 2008

Is-Sindku flimkien ma

Nhar it-Tnejn li għadda s-sindku tagħna Noel Formosa telaq lejn Brussell bħala parti mix-xogħol tiegħu dak ta’ rappreżentant tal-Kunsilli Lokali Maltin fil-Kumitat tar-Reġjuni, pero din id-darba s-Sindku ma kienx waħdu. Fuq inizjattiva tal-Grupp Popolari Ewropew li Noel huwa Viċi President tiegħu, Francine Caruana studenta minn San Lawrenz li qed issegwi kors fl-istudji Ewropej kienet invitata sabiex flimkien ma’ żgħażagħ oħra Ewropej segwew ix-xogħol li qed jitwettaq minn diversi Sindki, u Presidenti tar-Reġjuni fil-Kumitat tar-Reġjuni.

Francine iffurmat parti minn 30 parteċipant ieħor u kienet l-unika Maltija li pparteċipat. Huma kellhom programm intensiv ħafna u fl-istess ħin interessanti li tahom l-opportunita’ li apparti li jaraw ix-xogħol interessanti tal-Kumitat tar-Reġjuni li wkoll jiltaqgħu mal-politiċi Ewropej. Fosthom huma ltaqgħu mal-President tal-Grupp Popolari Ewropew is-Sur Isodoro Gotardo, li laqa’ dan il-group u ħeġġiġhom sabiex jkomplu juru l-interess fil-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ewropa.

L-isbaħ okkażżjoni għal Francine kienet bla dubju ta’ xejn is-sessjoni tal-Grupp Popolari Ewropew li fiha Francine ġiet magħżula sabiex f’isem sħabha ż-żgħażagħ tindirizza l-membri ta’ dan il-group. Fid-diskors tagħha Francine semmiet l-pjaċir tagħhom li jkunu parti mid-diskussjonijiet interessanti li qed issir u esprimiet l-interess tagħhom li huma wkoll fil-futur jiffurmaw parti minn din l-istituzzjoni.

Fost dawk li tkellmu biex jagħtu merħba lil dawn iż-żgħażagħ tkellem ukoll is-sindku tagħna li feraħ lil dawn iż-żgħażagħ u ħeġġiġhom ikomplu juru l-interess fl-ewropa, huwa sejħilhom dawk li jridu jkunu l-mexxejja ta’ l-Ewropa fil-futur. Noel irringrazzja wkoll lill-Presidenza tal-EPP kif ukoll lis-segretarjat għal din l-inizjattiva.


Il-Kunsill jiffirma l-Karta ta’ Aalborg
24 November 2008

Waqt l-iffirmar tal-Karta ta

Il-bierah filghodu, l-Kunsill Lokali San Lawrenz flimkien mal-Kunsilli Lokali Għawdxin iffirmaw ftehim storiku li permezz tiegħu se jintrabtu li jkomplu jaħdmu favur żvilupp sostenibbli. Il-Kunsilli Lokali irratifikaw il-Ftehim ta' Aalborg.

Il-Kunsilli Lokali kollha ta' Għawdex iffirmaw il-Ftehim ta' Aalborg li jimbotta l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli fil-lokalitajiet. Ir-ratifika ta' dan it-Trattat saret il-Ħadd filgħodu fiċ-Ċittadella. B'dan il-ftehim, Għawdex bħala reġjun qed jintrabat aktar minn qatt qabel li jkompli jiżviluppa b'ħarsien sħiħ lejn l-ambjent, li hu karaterristika ewlenija ta' din il-gżira.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari Chris Said. Dan iċ-charter ġie iffirmat minn numru kbir ta' lokalitajiet fl-aħħar snin, mifruxa f'pajjiżi differenti bħall-Eġittu, Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit. B'kollox il-firmatarji jaqbżu l-elfejn lokalita' u reġjun differenti, mifruxa f'34 pajjiż u issa magħhom żdied ukoll ir-reġjun ta' Għawdex.

Il-ftehim iġib l-isem ta' Aalborg minħabba l-fatt li kien f'din il-belt Daniża li twieldet l-idea ta' Lokalitajiet sostenibbli wara li tlaqqat l-ewwel konferenza Ewropea li ddiskutiet l-istess suġġett. Il-Ftehim ilu fis-seħħ mill-1994.

L-iffirmar ta’ din il-karta li sar mis-Sindku Noel Formosa u s-Segretarja Eżekuttiva Lucienne Haber, qed ikompli jikkumplimenta l-inizjattivi li qed jieħu l-Kunsill Lokali San Lawrenz favur l-ambjent.


Il-kunsill iħabbar inċentiv ieħor ambjentali u ekonomiku għar-residenti tiegħu.
22 November 2008

Mudel ta

Il-bieraħ il-Kunsill Lokali tagħna ħabbar inizjattiva oriġinali ħafna li minnha ser igawdu r-residenti kif ukoll l-ambjent.

Meta f’ Ġunju li għadda l-Kunsill kien qassam bozza li taħli inqas, b’xejn f’kull dar, s-Sindku Noel Formosa, kien ħabbar li l-Kunsill irid li joħloq opportunitajiet sabiex r-residenti tagħna jgawdu minn opportunitajiet ambjentali li permezz tagħhom jgħin lill-familji u r-residenti, kif ukoll ikunu opprotunitajiet li jħarsu l-ambjent.

Ftit xhur biss wara l-Kunsill qed jerġa jimbarka fuq proġett bil-wisq ikbar. Proġett li permezz tiegħu r-residenti lawrenzjani ser ikollkom l-opportunita’ li jakkwistaw Solar Water Heater ta’ livell għoli, b’garanzija ta’ ħames snin, bi prezz verament tajjeb li jintlaħaq minn kulħadd.

F’dawn l-aħħar xhur il-Kunsill kien impenjat bi sħiħ sabiex jakkwista l-aħjar prezzijiet kif ukoll opportunitajiet biex fuq kull bejt jiġi nstallat solar water heater, li jieħu post il-geazer fid-djar tagħna u b’hekk il-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma jiġu bil-wisq inqas minn dawk li kienu jiġu s’issa u ser jiġu bit-tariffi l-ġodda.

Meta tkellmna mas-Sindku Noel Formosa dwar din l-inzjattiva huwa qal li l-Kunsill huwa sodisfatt li għal darb’ ohra l-Kunsill Lokali San Lawrenz qed ikun pijunier u uniku f’inizjattiva bħal din favur ir-raħal kif ukoll favur l-ambjent , huwa qal li permezz ta’ din l-inzjattiva barra li ċ-ċittadini qed igawdu sostanzjalment, qed tittieħed inizjattiva favur l-ambjent kif ukoll sabiex joħloq mill-lokalita’ tagħna, lokalita’ aktar sostenibbli.

Huwa ħeġġeġ lill-Lawrenzjani kollha sabiex jipparteċipaw f’din l-inizjattiva għaliex dan il-proġett jista jirnexxi biss jekk il-kommunita’ tagħna tippartiċipa fiha.


Tiziana Vella minn San Lawrenz tidħol finalista għal Miss World Malta
20 November 2008

Tiziana Vella waqt is-sezzjoni ta

Nhar il-Ħadd li għadda fi stabilment tad-divertiment f’ Għawdex saret is-serata tal-Gozo beauties immtellgħa minn Modelle International.

Għal din is-serata kien hemm tmien kontestanti li fosthom kien hemm tfajla min San Lawrenz, Tiziana Vella, li kkwalifikat fost l-ewwel erbgħa, b’hekk daħlet biċ-ċans li tista tirrapreżenta lil Malta fil-Miss World li ġej.

L-attivita’ li kienet ippreżentata minn Charles Saliba kienet tikkonsisti fi spettakklu li inkluda fashion show ta’ diversi ditti u stabilimenti kemm Maltin kif ukoll Għawdxin.

Tiziana Vella li għandha 16-il sena bħalissa qed tagħmel il-kors fis-sixth form li għandu jwasslha sabiex aktar tard tibda kors fl-Universita’ ta’ Malta fil-qasam tal-mediċina. Hija jintersaha ħafna l-mmudellar kien propju għalhekk li tħajret sabiex tieħu sehem f’ dan il-konkors.

F’Ġunju li ġej Tiziana ser tkun qed tikkompeti flimkien ma erbgħa oħra Għawdxin li ser jingħaqdu ma diversi oħra minn Malta. Aħna minn naħħa tagħna nawguraw lill Tiziana kull suċċess u nwegħdu s-sapport kollu tagħna għal Gunju.


Il-bieraħ fis-sala ta’ l-Iskola tagħna saret laqgħa ta’ nformazzjoni dwar il-proġett Eco Għawdex
18 November 2008

Waqt sezzjoni mill-laqgha

Kulħadd sema bil-ħsieb li għandu l-Gvern dwar il-futur tal-Gżira tagħna dak li jagħmel minn Għawdex Gżira Ekoloġika fis-sens wiesgħa li dan is-suġġett iġib miegħu. Proġett bħal dan bla dubju jrid edukazzjoni ma kull settur tal-ħajja.

Pero bla dubju ta’ xejn jekk verament irridu li l-edukazzjoni tasal f’kull sfera tas-soċjeta’ rridu nibdew fost it-tfal u l-istudenti tagħna. Biex jintlaħaq l-iskop l-għalliema għandhom rwol importanti ħafna u kien propju għalhekk li r-rappreżentant tal-Ministeru għal Għawdex il-bieraħ laqqa lill-għalliema kollha ta’ l-iskejjel primarji ta’ Għawdex biex iwassal il-messaġġ tal-Gvern fejn irid jieħu lill-Għawdex.

Kienet tassew okkażżjoni oħra sabiħa li l-iskola tagħna reġgħet serviet ta’ platform sabiex dan il-proġett li bħalissa qed jiffoka fuq l-istudenti jitlaq propju minn ġewwa l-iskola tagħna. Is-Sur Anthony Żammit kelliem għal Ministeru għal Għawdex fuq l-Eco Għawdex fisser b’mod intensiv x’inhu l-iskop ta’ dan il-proġett. Proġett li jħares lejn Għawdex b’mod ħolistiku li jrid iwassal lill-Gżira tagħna gżira eżempju kif bi ftit aktar attenzjoni l-popolazzjoni fuq il-Gżira tkun qed tgħix b’mod sostenibbli li fil-waqt li tħares u tgħix f’ambjent b’saħtu, tkun qed tipprepara u tħares dan l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Sadanitant, minn informazzjoni ta min joqgħod fuqha l-Kunsill Lokali tagħna bħalissa huwa mpenjat sabiex fil-futur qarib iħabbar proġett kbir li għandu x’jaqsam ma dan is-suġġett li minnu ser igawdu r-residenti kollha kif ukoll l-ambjent.


Inkomplu ninvestu f’saħħitkom
10 November 2008

Tilqima ta

Nhar il-Ġimgħa, fiċ-Ċentru tal-Komunita tagħna, ingħata bidu għall-kampanja oħra ta’ nvestiment f’saħħitna, dik tat-tilqima ta’ l-influenza. Dan is-servizz li qed jingħata b’xejn lil kull minn għandu ‘l fuq minn 55 sena, ġie maqsum fuq jumejn minħabba l-konkorrenza qawwija li kellna. Fil-fatt l-ewwel grupp ingħatatlu t-tilqima nhar il-Ġimgħa li għaddiet u għada t-Tlieta, ser jiġi mlaqqam it-tieni grupp.

L-anzjani tagħna laqgħu tajjeb ħafna dan is-servizz li għalih il-Kunsill jieħu ħsieb li jipprovdilhom tabib li qabel ma’ jtihom t-tilqima jagħmlilhom vista medika ndividwalment.

Meta kkuntatjajna lil xi anzjani fi triqithom lura wara t-tilqima, lkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħha għal mod ta’ kif il-Kunsill ta’ kull sena qed jorganizza t-tilqima tal-influenza b’mod hekk impressjonanti u professjonali. Huma lkoll irringrazzjaw lil Kunsill ta’ l-interess li jieħu f’saħħithom u għal mod kif jiffaċilitalhom ħajjithom.


Issir il-laqgħa ġenerali anwali tal-Group Folkloristiku ta’ Ċangura
07 November 2008

Waqt il-laqgha

Kif isir kull Novembru il-Kumitat ħabbrieki tal-Group Folkloristiku ta’ Ċangura – San Lawrenz, il-bieraħ 7 ta’ Novembru organizza l-laqgħa ġenerali annwali, li fiha ingħata rapport ta’ ħidma kif ukoll saret diskussjoni dwar l-andament ta’ dan il-group.

L-istedina għal din il-laqgħa kienet miftuħa għal kulħadd u dawk kollha nteressati setgħu jattendu. Spikkat l-attendenza taż-żeffiena kollha kif ukoll tal-ġenituri tat-tfal.

“Mir-rapport ta’ ħidma wieħed jista’ jinnota l-volum kbir ta’ xogħol li jwettaq dan il-kumitat kif ukoll aspett soċjali tiegħu fil-lokalita’ tagħna,” dan il-kien il-kumment tas-Sindku Noel Formosa li kif jitlob l-istatut ta’ dan il-kumitat il-laqgħa ġenerali anwali għandha tiġi mexxija minn rappreżentant tal-Kunsill Lokali. Brian Sultana s-segretarju qara r-rapport ta’ ħidma, filwaqt li Carmen Cilia it-teżoriera qrat ir-rapport finanzjarju ta’ dan il-group. Diskors qasir ieħor sar mill-għalliema Dr Simone Grech li rringrazzjat liż-żeffiena għas-sehem kbir li jagħtu. Annie Formosa l-president ta’ dan il-kumitat peress li kienet marida ma setgħetx tattendi bgħatet il-messaġġ tagħha li fih irringrazzjat lil dawk kollha li jagħtu sehmhom.

F’din il-laqgħa ġie deċiż li fl-okkażżjoni tal-ħames sena tat-twaqqif ta’ dan il-group jittieħdu inizjattivi sabiex dan il-group jibqa wieħed dinamiku u biex jibqa jżomm ruħu bħala wieħed mill-aktar folk groups tajbin fil-gżira Għawdxija.


Is-sala ż-żgħira taċ-Ċentru tal-Kommunita’ tilqa fiha lill-kapijiet ta’ l-iskejjel kollha Għawdxin.
06 November 2008

Qabel ma bdiet is-sessjoni

Is-sala li soltu tilqa fiha lit-tfal iż-żgħar fiċ-Child care Centre rat attivita’ mhux tas-soltu. Is-soltu f’din is-sala it-tfal jirċievu l-edukazzjoni pero llum kien hemm dawk li jippreparaw l-edukazzjoni għat-tfal kollha Għawdxin.

B’aġenda ppreparata mill-prinċipal ħabbrieki tal-kulleġġ ta’ Għawdex il-Kav Frank Gatt, il-kapijiet ta’ l-iskejjel kollha Għawdxin, kemm dawk statali u anke dawk tal-knisja, iltaqgħu flimkien sabiex jiddiskutu l-andament ta’ l-edukazzjoni f’ Għawdex. Ta’ minn isemmi li għall-ewwel darba għal f’dan il-kunsill ingħaqdu wkoll l-kapijiet ta’ l-iskejjel privati.

Fost l-oħrajn dawn il-kapijiet qasmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom kif ukoll best practises li permezz tagħhom jitgħalmu minn xulxin. Bħala kelliema indirizzaw dan il-kunsill, il-persuna nkarigata mill-lezzjonijiet tal-mużika fi ħdan il-kulleġġ kif ukoll il-president tal-Kumitat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Aħna ħadna il-kumment tal-Prinċipal il-Kavallier Gatt dwar din il-ġurnata, huwa qalilna li din il-ġurnata kienet waħda storika għaliex ipparteċipaw l-kapijiet ta’ l-iskejjel privati, “hija xi ħaġa li mhux biss ġrat l-ewwel darba f’ Għawdex imma wkoll qed tiġri l-ewwel darba fil-politika tal-kulleġġi ta’ Malta u Għawdex.” Huwa kompla li waqt din il-laqgħa ittieħdu deċiżjonijiet importanti bħal ma huma modi ġodda ta’ assessjar kif ukoll modi ġodda ta’ kif ser jiġu ċċelebrati u ppremjati b’mod ħolistiku u inklussiv l-istudenti tal-kulleġġ mill-primarja sas-sekondarja.


Il-Ħarġa għal Malta; kompliet tikber il-kultura fil-kommunita’ tagħna.
05 November 2008

Waqt id-dawra fil-palazz Verdala

Il-bieraħ 4 ta’ Novembru 2008, saret il-ħarġa annwali għal Malta madwar 70 parteċipant attendew għal din il-ħarġa li fiha spikka ħafna l-element kulturali u edukattiv.

Il-ġurnata bdiet b’quddiesa ġewwa l-kappella tal-Palazz tal-Verdala u wara bi gwida tassew interessanti dawk preżenti kellhom l-okkażżjoni li jduru dawra tajba ma da il-palazz. Waqt din id-dawra “it-turisti” Lawrenzjani kellhom l-okkażżjoni li jsiru jafu aktar dwar il-Granmastru Verdala li bena dan il-pallazz u wkoll dwar l-arkittetura ta’ l-epoka. Din l-informazzjoni xegħlet l-interess fost dawk preżenti mnejn seta’ orġina l-isem ta’ area fir-raħal tagħna li ġġib l-isem tal-Verdala. Minnjaf, forsi hawn hekk kien jappartjeni għal dan il-GranMastru?!

Wara din il-mawra tassew interessanti erħewlha lejn ir-restaurant fil-qalba ta’ l-unika foresta li għandna f’pajjiżna dik tal-buskett. Apparti l-ambjent tassew sabiħ li toffri din iz-zona l-ikel kien wieħed bnin u tajjeb.

L-aħħar attivita’ kienet tikkonsisti f’dawra bit-train madwar l-irħula tar-Rabat, Imtarfa u s-swar ta’ l-Imdina. Kienet dawra tassew ħelwa li filwaqt li kien hemm informazzjoni storika dwar dawn l-inħawi, l-fatt li qed iddur permezz ta’ train kienet xi ħaġa tassew interessanti, mhux biss għat-tfal li kien hemm preżenti imma wkoll għal kbar.


Il-bieraħ il-Kommunita’ tagħna flimkien mal-bqija tal-Knisja Universali fakkret dawk marru qabilna.
03 November 2008

Fic-cimiterju

Għall-Knisja Kattolika il-bieraħ kienet ġurnata mportanti, ġurnata li fiha mad-dinja kollha tfakkru dawk li daħħlu jistrieħu fis-sliem ta’ dejjem. Il-parroċċa tagħna wkoll fakkret dan il-jum b’quddies speċjali u wkoll b’pellegrinaġġ lejn iċ-ċimiterju.

Matul il-ġurnata d-daqq tal-qniepen kien wieħed differenti minn tas-soltu u meta tkellemna ma dawk li jdoqqu l-qniepen, qalulna li matul il-ġranet li ġejjin dan it-tip ta’ daqq li jindaqq meta xi parroċċan iħalli din id-dinja, ser ikompli jikser is-silenzju tal-lokalita’ tagħna. Fl-4,00pm il-kommunita’ nġabbret fil-Knisja parrokkjali fejn hemm hekk tkanta l-għasar sollenni marbut ma din il-festa. Wara dawk preżenti telqu lejn iċ-ċimterju fejn hemm hekk aktar nies kienu miġbura u flimkien pparteċipaw fl-ewkaristija ppreseduta mill-Kappillan Injazju Borġ mgħejjun mill-kleru tal-paroċċa Dun Ġużepp u Dun Charles. Dawk il-qraba ta’ dawk li matul din is-sena daħlu jistrieħu fil-mistrieħ ta’ dejjem ħadu ħsieb jaqraw il-qari fil-quddiesa u wkoll tellgħu l-offerti.

Fl-omelija tiegħu l-Kappillan saħaq li ċ-ċimterju għandu jkun skola għalina li għadna f’din id-dinja, saħaq li l-messaġġ li jwassluna ħutna li l-fdalijiet tagħhom jinsabu fiċ-ċimterju huwa sabiex nagħtu ħin u priorita’ lil Alla fil-ħajja tagħna meta għadna hawn. Wara l-quddiesa l-Kappillan bierek l-oqbra bħala sinjal ta’ rispett lejn dawk midfuna fiċ-ċimterju tagħna u fl-aħħar dawk kollha preżenti poġġew xema fuq l-oqbra bħala sinjal ta’ ħajja li dawn qed jgħixu, “il-ħajja li ma tintemm qatt.”


Il-Kunsill Lokali San Lawrenz “ambaxxatur dehen tal-Proġett Ċittadinanza attiva Ewropea”
30 October 2008

Waqt il-konferenza tat-Town for Citizen

Il-bieraħ s-Sindku Noel Formosa kien mistieden mill-MEUSAC sabiex jagħti l-esperjenza tal-Kunsill tagħna fil-proġett ta’ l-Unjoni Ewropea bl-isem Ċittadinanza attiva Ewropea. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li ċ-ċittadini ewropej jersqu aktar lejn xulxin. Minn dan il-proġett iċ-ċittadini tagħna gawdew tlett darbiet.

Din il-konferenza tal-bieraħ kienet miftuħa għall-Kunsilli kollha ta’ Malta u Għawdex kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi ta’ pajjiżna. Il-konferenza kienet indirizzata minn Dr Gabriella Pace kap tal-unit ta’ l-Informazzjoni tal-MEUSAC u Dr Vanni Xuereb kap tal-MEUSAC, kif ukoll mis-Sindku tagħna u anke Natasha Jovicic mill-Kummissjoni Ewropea li tifforma parti mis-setup ta’ l-amministrazzjoni dan il-proġett ġewwa Brussels. Kienet propja hija li wara l-preżentazzjoni tas-Sindku esprimiet li l-Kunsill ta’ San Lawrenz huwa ambaxxatur dehen ta’ dan il-proġett.

Il-proġetti li l-lokalita’ tagħna gawdiet minnhom taħt dan l-azzjoni “Ċittadinanza attiva Ewropea” kienu il-ġemellaġġ li sar fl-2005 f’ San Lawrenz kif ukoll dak li sar ġewwa Colle Umberto fl-istess sena. Fl-2007 il-Kunsill tagħna kien applika b’suċċess għal aktar fondi taħt din l-azzjoni biex permezz tagħha organizza l-event kbir li sar fid-Dwejra bl-isem 3D.

Din il-konferenza mportanti ġiet fi tmiemha b’diskors mis-Segretarju Parlamentari Dr Chris Said li fisser l-impenn tal-Gvern sabiex ikompli jghin il-Kunsilli Lokali jgawdu aktar mill-fondi ewropej.


Il-Ħarġa annwali għal Malta
28 October 2008

Il-palazz tal-Verdala

Il-ħarga annwali li jmiss għal Malta ser tiġi organizzata nhar it-Tnejn 3 ta’ Novembru 2008. L-attrazzjoni prinċipali ta’ din il-ħarġa ser tkun żjara lill-Palazz tal-Verdala. Ser tinżamm ukoll quddiesa fil-kapella ta’ l-istess palazz.

Wara dawk kollha li ser jattendu ser ikollhom ftit ħin liberu fil-buskett fejn wara ser jieklu ikla buffet tajba flimkien. Wara lkoll flimkien sejrin jesperjenzaw esperjenza oħra mhix tas-soltu, dik ta’ dawra bit-tren ma’ l-inħawi tar-Rabat u l-Imdina. Intemmu din il-mawra tagħna bi żjara qasira fil-belt antika ta’ l-Imdina u nirritornaw bil-kwiet lejn Għawdex.

Dawk interessati li jakkumpanjawna f’din il-ħarġa edukattiva għandhom jinkitbu fl-uffiċju tal-Kunsill sa mhux aktar tard minn nhar il-Ħamis.


Id-Dwejra issib ruħha fi żmien il-Vikingi
22 October 2008

Ix-xena tax-xini li qed jintuza waqt il-gbid

Kull min jinżel fil-Bajja tad-Dwejra max-xena impekkabbli li toffri din il-Bajja ġawhra ta’ raħalna u ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar ġimgħat seta’ jara xeni li ma humiex “normali”. Bħalissa id-Dwejra qed isservi ta’ backdrop għall-film ġermaniż li qed jinħadem ġewwa raħalna.

Id-Dwejra mhux l-ewwel darba li attirat l-attenzjoni ta’ diversi reġisti ta’ films biex tintuża għal waqt il-ġbid ta’ films magħrufa mad-dinja kollha. Din id-darba wkoll direttur magħruf sewwa fil-Ġermanja għażel il-lokalita’ tagħna. L-atturi li qed jieħdu sehem huma atturi żgħażagħ ġermaniżi popolari ħafna fil-qasam tal-films. Il-film huwa inidirzzat lejn iż-żgħażgħ u l-familja u ser jixxandar fiċ-Ċinima Ġermaniżi, Awstriaċi u Svizzeri fil-bidu ta’ l-2009.

Apparti l-bajja tad-Dwejra din il-kumpanija qed tuża siti oħrajn għall-ġbid ta’ dan il-film fosthom ġewwa Munich u fil-Mediterranean Film Studios fil-Kalkara.

Minn informazzjoni li akkwistajna dwar kemm dan il-film qed iħaddem nies jirriżulta li 35% tal-crew huwa magħmul minn Maltin u Għawdxin. Dan ikompli jikkonferma li dan is-settur qed ikompli jgħin lil ekonomija ta’ pajjiżna. Saqsejna wkoll x’ser ikun jismu dan il-film imma jidher li l-produtturi qed iħallu l-isem tiegħu misterjuż, li nafu biss huwa bħalissa l-film qed jissejjaħ “The Arrow”.

Kumment interessanti li għaddewlna dwar għaliex l-għażla waqgħet fuq il-bajja tagħna kien li d-Dwejra toffri sbuħija unika u rridu nistennew u naraw il-parti interessanti li trid tilgħab din il-bajja f’ dan il-film...Nistennew u naraw!!


Il-Parroċċa tagħna tospita lil San Pawl
21 October 2008

Waqt il-Purcissjoni lejn il-Knisja

Il-bieraħ it-Tnejn il-kommunita’ tagħna laqgħet fi ħdanha lir-relikwija tad-driegħ ta’ San Pawl. Fis-6.00 il-kommunita’ inġabbret fil-pjazza fejn hemm hekk laqgħet din ir-relikwija importanti għall-ġżejjer tagħna. Minn dak il-ħin bdiet maratona ta’ attivitajiet marbuta ma dan l-avveniment.

Wara purċissjoni qasira mexxija mill-Kappillan Nazju Borg sar talb u ingħatat il-barka sagramentali. Fis-7.00 ġiet kkonċelebrata l-ewkaristija mill-kleru kollu tal-parroċċa u wkoll inzerta kien hawn fosta l-Arċipriet tal-Birgu li ingħqad magħna f’din l-okkażżjoni sabiħa. Fl-omelija tiegħu l-Kappillan fisser din l-okkażżjoni bħala waħda unika, kif ukoll mument ieħor ta’ konverżjoni permezz tal-kelma t’Alla. Huwa ħeġġeġ li bħal San Pawl għandna nieqfu mir-rutina tal-ħajja u ngħarfu aktar lil Kristu f’ħajjitna. B’hekk inkunu nistgħu aħna wkoll inxandru lil Kristu kif għamel Pawlu. Huwa fakkar li d-djoċesi ta’ Għawdex matul din is-sena qed tagħtina opportunita’ permezz tal-Missjoni Djoċesana.

Wara l-quddiesa sar il-bews tar-relikwija. L-aħħar appuntament tal-bieraħ kien mal-gruppi tal-Lectio Divina fejn Dun Charles mexxa laqgħa ta’ talb għalihom u fl-aħħar huwa bierek lil dawk preżenti bid-driegħ ta’ San Pawl, l-istess driegħ li bierek lill-Maltin fis-sena 60 wara Kristu meta l-istess Appostlu kien fostna jxandrilna l-fidi.

Aktar tard illum il-Kappillan u l-Kleru jwasslu din ir-relikwija fil-Parroċċa ta’ Kerċem.


San Lawrenz jara l-ewwel proġett ta’ Pet Neutering f’Malta u Għawdex
20 October 2008

Waqt it-tqassim tal-vouchers

Nhar is-Sibt li għadda 18 ta’ Ottubru wara tmien xhur ta’ edukazzjoni fil-lokalita’ tagħna, il-Kunsill Lokali organizza l-attivita’ ta’ tqassim ta’ vouchers sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jagħmlu l-operazzjoni tan-neutering għall-klieb u l-qtates tagħhom.

Dan il-proġett huwa grazzi għall-ħidma mwettqa mill-Kunsill Lokali id f’id ma l-SPCA ta’ Għawdex bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Blue Cross ta’ l-Ingilterra, u ITV Grenzelos tal-Ġermanja. Il-preparazzjoni edukattiva fil-lokalita’ kienet waħda intensiva li matulha saru ħafna attivitajiet sabiex il-kommunita’ ta’ San Lawrenz tgħaraf l-importanza ta’ proġett simili li permezz tiegħu titnaqqas ħafna t-tbatija fost l-annimali. Din il-kampanja kienet tinkludi tqassim ta’ materjal edukattiv fost ir-residenti, survejs marbuta ma lotterija, visti fid-djar, kif ukoll reaching out matul il-jiem tal-festa.

L-attivita’ ta’ nhar is-Sibt kienet tinkludi diskors ta’merħba mis-Sindku Noel Formosa li fisser l-għan ta’ din il-kampanja u saħaq fuq il-pjan li għandu l-Kunsill li jkompli għaddej b’din l-inizjattiva sabiex tinħoloq aktar kuxjenza favur l-annimali li huwa fissirhom bħala ħolqien t’ Alla u ħbieb tal-bniedem. Huwa rringrazzja lis-Sinjura Betty Berry u l-SPCA ta’ Għawdex għall-impenn li wrew kif ukoll għall-ħidma mwettqa favur dan il-proġett. F’kelmtejn qosra s-Sinjura Berry rringrazzjat lill-Kunsill kif ukoll lil Blue Cross u l-ITV Grenzelos li qed jissaportjaw finanzjarjament dan il-proġett. Hija fissret l-importanza ta’ Neutering fl-annimali. Is-Sur Joe Camilleri l-president ta’ l-SPCA ta’ Għawdex irringrazzja wkoll lil dawk kollha li taw sehemhom biex dan il-proġett ikun suċċess. Huwa enfasizza fuq l-irwol li għandha l-SPCA fis-soċjeta’ Għawdxija. Qabel ma saru l-preżentazzjonijiet tal-vouchers il-Ministru għal Għawdex l-Onor Ġovanna Debono fissret dwar l-importanza ta’ l-edukazzjoni f’kull settur fil-gżira Għawdxija u fissret l-impenn tal-Ministeru tagħha favur l-animal welfare.

Fl-aħħar ġew imsejjħa dawk r-residenti li applikaw li jkunu parti minn dan il-proġett biex jirċievu l-voucher biex issir l-operazzjoni minn idejn il-Ministru għal Għawdex.


Attivita’ għall-Ġenituri u l-isportivi tar-raħal tagħna.
18 October 2008

Waqt din l-attivita

Il-bieraħ il-ġimgħa 17 ta’ Ottubru il-club tar-raħal tagħna organizza attivita’ żgħira li permezz tagħha laqqa għall-ewwel darba f’dan l-istaġun il-players kollha miż-żgħar sal-kbar.

Għal din l-attivita’ kienu mistiedna wkoll il-ġenituri ta’ dawn it-tfal li bis-sapport tagħhom qed ikun possibbli li l-kumitat ikompli bil-ħidma tiegħu b’risq l-edukazzjoni sportiva fir-raħal tagħna.

Din l-attivita’ li kienet tikkonsisti prinċiparjament minn quddiesa li kienet ċċelebrata mill-Kappillan Nazju Borġ, kienet tikkonsiti wkoll fil-preżentazzjoni tal-gear il-ġdid li qed jiżżanżan għall-kbar kif ukoll għat-tfal.

Fl-omelija tiegħu l-Kappillan irringrazzja lil Alla għal din ir-realta’ li teżisti fil-lokalita’ tagħna u wkoll li dan it-tim jifforma parti wkoll mill-istruttura tal-parroċċa tagħna. Huwa talab ghal players kollha kif ukoll għad-diriġenti.

Fl-aħħar tal-quddiesa is-Sur Patrick Cassar is-segretarju ħabrieki tal-club tagħna rringrazzja lill-kappillan għal din l-okkażżjoni u anke għas-sapport li l-football tagħna jsib minn għandu. Fl-aħħar huwa talab lill-Kappillan sabiex ibierek dawn il-gerijiet il-ġodda.


Erġajna ħriġna lill-anzjani tagħna
17 October 2008

Waqt il-kafe ghand il-patrijiet

Il-bieraħ, il-Kunsill Lokali reġgħa organizza ħarga oħra għall-anzjani. Din id-darba ħadnihom saż-Żebbuġ fejn saret quddiesa fil-kunvent tal-Patrijiet tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl. Wara l-quddiesa l-patrijiet għoġobhom joffrulna kafe’ u biskuttin. Kienet esperjenza sabiħa ħafna għall-anzjani tagħna li lkoll kellhom l-opportunita’ li jilaqgħu u jitkellmu mal-partijiet kif wkoll jaraw l-ambjent li jgħixu fih.

Wara komplejna fi triqitna lejn Marsalforn fejn inġabru lkoll jilgħabu tombla sakemm ir-restaurant fejn kienu jippreparalhom l-ikel. Kielu ikla tajba bħas-soltu u telqu lura lejn San Lawrenz.

“Tassew nieħdu gost f’dawn il-ħarġiet” tismagħhom jgħidu dritt wara “Qis li ma ddumux ma torganizzawlna oħra” dlonk jgħidulna. Dawn il-ħarġiet saru rutina fil-kalendarju tal-Kunsill għax verament qed ikunu mistennija. Il-ħarġa ta’ Novembru ser tkun dik li norganizzaw darba f’sena għal Malta. Id-data hija maħsuba ghat-3 ta’ Novembru. Programm b’aktar dettalji ser jitqassam akar tard.


‘Iż-żernieq’ jesprimi l-arti ispirata mill-gżira ta’ Għawdex
06 October 2008

Emma Borg waqt l-inawgurazzjoni tal-Wirja

Emma Borg, omm minn San Lawrenz reġgħet skopriet it-talent artistiku tagħha permezz tal-paċi u ttrankwillita’li hija sabet f’Għawdex, fejn issa ilha toqgħod għal dawn l-aħħar seba’snin.

Riċentament hija tellgħet l-ewwel esebizzjoni personali tax-xogħol tagħha f’wirja li ġiet inawgurata dan l-aħħar fil-Banca Giuratale, ġewwa Victoria Għawdex, mill- Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna, Debono. Il-Ministru awgurat li din il-wirja verament tirrappreżenta ‘żernieq’ fil-karriera artistika ta’ din l-artista bi prospetti tajbin li l-pinzell u l-immaġinazzjoni tagħha jipprovdu aktar xogħol artistiku fil-futur.

L-artista Lawrenzjana Emma Borg qed tipprepara biex ittellgha t-tieni wirja tagħha fil-bidu tas-sena 2009. Nawgurawlha kull suċċess fil-karriera tagħha u nifirħulha.


3 żgħażagħ jiggradwaw u 2 oħra jidħlu l-universita’
29 September 2008

It-Tfal ta

Ġimgħa ilu bdiet l-iskola primarja u dik sekondarja, t-tfal tagħna bdew wkoll.

Matul is-sajf li għadda propjament waqt il-ġurnata tal-Festival saret iċ-ċerimonja li fiha l-Kunsill u r-raħal irrikonxxew dawk l-istudenti li matul din is-sena temmew l-istudji tagħhom. Dawn kienu Sarah Attard, li ggradwat fl-istudji Ewropej, Michelle Grima fl-accounts u Brian Sultana fl-edukazzjoni.

Sadanitant tnejn oħra nhar il-Erbgħa li ġej ser jibdew l-universita’ filwaqt li oħrajn ser jibdew esperjenza edukattiva oħra fl-MCAST u kulleġġi oħra ta’ l-arti.

L-iskola tal-lokalita’ tagħna wkoll telqet bis-sena skolastika tagħha, sena mpenjattiva li ser tipprepara l-istudenti tagħna mhux biss għall-eżamijiet imma wkoll għall-ħajja. Matul is-sajf il-Kunsill flimkien ma l-iskola għamlu diversi xogħoljiet strutturali fil-klassijiet sabiex it-tfal meta ġew lura sabu klassijiet li jixirqu ż-żmenijiet tallum. Dan ix-xogħol sar kollu mill-ħaddiema tal-Kunsill taħt is-superviżżjoni tas-surmast ta’ l-iskola.


Jinħareġ il-permess biex isir ir-Restawr tal-Faċċata tal-Knisja tagħna.
27 September 2008

Il-faccata tal-Knisja taghna

Dan tħabbar il-bieraħ mill-Kappillan Injazju Borġ waqt il-konċelebrazzjoni li saret sabiex jitfakkar il-mija u ħdax l-anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-Knisja tagħna. Kienu ilu jinħass il-bżonn urġenti li jsir restawr tal-faċċata tal-Knisja tagħna issa l-permess jinsab f’idejn il-parroċċa u x-xogħol għandu jibda malli kollox ikun organizzat tajjeb biex isir dan.

“Mill-kalamiti saz-zuntier” hekk fisser il-proġett il-Kappillan il-bieraħ. Dan il-proġett ser jinkorpora fih ir-restawr tal-kampnari kif ukoll il-kalamiti li jiġbdu s-sajjetti u l-faċċata kollha. Ix-xogħol ser isir b’mod professjonali ħafna taħt is-superviżżjoni tal-perita brava Ivana Farruġia li daħlet b’serjeta’ kbira biex twettaq dan il-proġett kbir u importanti ħafna għall-parroċċa tagħna. Huwa maħsub ukoll li dan il-proġett jinkorpora fih ukoll xogħol ta’ konservazzjoni, kif ukoll li z-zuntier tal-knisja jerġa jirritorna għall-ħsieb oriġinali tiegħu, dak li jerġgħu jiġu ntrodotti l-balavostri li fl-antik kienu jsebbħu dan iz-zuntier. Huwa mistenni wkoll li mal-faċċata tiġi ntrodotta sistema ta lluminazzjoni biex joħroġ aktar il-kapulavur ta’ Dun Ġużepp Diacono, il-perit li ddisinja l-Knisja tagħna.

Minn sorsi ta’ min joqgħod fuqhom sirna nafu li l-Parroċċa bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Kunsill Lokali tagħna applikat sabiex takkwista fondi sabiex ikun jista jsir dan il-proġett ta’ restawr. Nisperaw u nitolbu li din l-applikazzjoni tiġi aċċettata.


Illum b’mod l-aktar solleni il-Knisja tagħna tfakkar id-dedikazzjoni tagħha.
26 September 2008

L-eqdem ritratt tal-knisja ta

Bħal illum mija u ħdax –il sena ilu, il-Lawrenzjani ta’ qabilna laqgħu fosthom lill-Mons Isqof Ġovanni Maria Camilleri u fil-preżenza ta’ l-ewwel Kappillan Dun Salv Portelli, l-ewwel saċerdoti tal-parroċċa u l-ewlenin Lawrenzjani kkonsagra it-tempju lil Alla u ddedikaħ lil San Lawrenz.

Matul din il-ġurnata qed isir talb speċjali fil-Knisja u qed issir adorazzjoni solleni. Aktar tard filgħaxija ser jitkanta l-għasar sollenni u wkoll ser issir konċelebrazzjoni sollenni li fiha l-poplu t’ Alla jrodd ħajr lil Alla għal grazzji kollha li għamel mal-kommunita’ tagħna permezz tat-tempju tiegħu. Din il-quddiesa ser tiġi stremjata live fuq dan is-sit.

Illum il-Knisja hija armata wkoll b’armar speċjali li jkompli jagħti dinjita’ lil din il-ġurnata speċjali. Quddiem is-slaleb ta’ l-irħam, ma kull kollonna (l-istess slaleb li l-Isqof Camilleri dilek biż-żejt 111-il sena ilu) hemm xemgħa mixgħula kif ukoll ward li jkompli jżejjen lil dawn is-slaleb.

Aħna ħadna kumment mingħand il-Kappillan Injazju Borġ dwar l-importanza ta' din il-ġurnata. Huwa qalilna li dan huwa mument fejn il-parroċċa trodd ħajr lil Alla li permezz tat-tempju tiegħu, Ġesu huwa aktar qrib id-djar tagħna. Huwa ħeġġeġ sabiex illejla kulħadd jinġabar fil-Knisja ħalli bħala kommunita’ nġeddu dan ir-radd tal-ħajr tagħna lil Alla.

P.S. Qed nipproduċulkom l-eqdem ritratt li għandna tal-knisja tagħna.


Jirritornaw lura ż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-YOUTH exchange ġewwa Sardegna
25 September 2008

Iz-zghazagh taghna f

Nhar it-Tnejn li għadda sitt żgħażagħ flimkien mas-Sindku rritornaw lura minn Sardegna wara esperjenza oħra li għexu flimkien waqt YOUTH exchange.

Dawn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunita’ li jaqsmu l-esperjenza tagħhom flimkien ma żgħażagħ oħra ewropej, aktar u aktar meta il-parteċipanti l-oħra kienu ġejjin mill-istess realta’ taż-żgħażagħ tagħna jiġifieri mill-gżejjer.

Is-suġġett diskuss waqt din l-exchange kien propju l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ u l-istudenti li ġejjin mill-gżejjer. Il-parteċipanti tagħna apprezzaw il-fatt li diversi problemi huwa simili għal dawk li jħabbtu wiċċhom magħhom u f’ċerti każi s-sitwazzjoni ta’ l-Għawdxin hija aħjar minn dawk tal-parteċipanti l-oħra li ġew minn Corsica, Sardegna, Majorca, Menorca u Ibiza.

Mitlub jikkumenta dwar din l-esperjenza s-Sindku qal li għal darb oħra din kienet esperjenza fejn iż-żgħażagħ tagħna komplew juru maturita’ u wkoll s-sens kbir ta’ apertura , huwa fakkar fl-exchanges preċedenti fejn kull fejn kienu ż-żgħażagħ tagħna ħarġu bl-unuri u f’din l-esperjenza ġara l-istess.

Jonathan Micallef wieħed mill-parteċipanti li ħadu sehem qallilna li din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajtu, esperjenza li kompliet tgħinu sabiex jħossu aktar ewropew.


Is-Sindku Noel Formosa jipparteċipa f’diskussjoni tal-EPP
19 September 2008

Waqt id-diskussjoni

Noel Formosa, Sindku ta’ San Lawrenz u Viċi President ta’ l-EPP Group fil-Committee of the Regions matul din il-gimgha ppartiċipa f’diskussjoni dwar kif nistgħu nagħmlu lill-Ewropa akar sikura u kif ser ittejjeb il-prosperita tagħha. Din id-diskussjoni kienet tifforma parti mill-EPP group fis-17 ta’ Settembru 2008.

Meta ġie ntervistat, is-Sur Formosa stqar li ‘Huwa mportanti ħafna li aħna l-membri tal-Kumitat tar-Regjuni, nkunu parti minn dawn il-working groups għax nifhmu aktar il-valur ta’ dan il-partit u aktar nkunu nistgħu nagħtu perspettiva tajba ta’ dak li qed jiġri fir-regjuni u l-muniċipalitajiet.’

Iż-żewġ dokumenti, kif nagħmlu l-Ewropa post iktar sikur u nikkrejaw prosperita għal kulħadd kienu il-bażi tad-dibatitu u l-parteċipanti kollha qablu fuq dan. Għall-Ewropa, li fi żmien riċenti ra ħafna atti ta’ terrorismu id-dokument dwar is-sikurta hija mportanti ħafna. Is-Sur Formosa qal li l-Ewropa hija post iktar sikur grazzi għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u regjunali li jieħdu ħsieb li l-ambjent huwa wieħed tajjeb biex in-nies jgħixu flimkien.

It-tieni dokument dwar il-prosperita għal kulħadd jiffoka fuq l-ekonomija. Fid-dawl tal-problemi ekonomiċi li l-Ewropa qed tffaċċja bhalissa, l-EPP temmen li hu essenzjali li tingħata attenzjoni lill-edukazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Anke hawn is-Sur Formosa qal li jemmen li l-awtoritajiet lokali u regjunali jistgħu jgħinu billi jinvestu fis-settur edukattiv li jwassal biex jinħoloq xogħol ta’ kwalita ghaċ-ċittadini kollha.


Esperjenza oħra sabiħa ġewwa Colle Umberto
16 September 2008

Waqt il-ftuh tas-sala

Matul il-ġranet li għaddew delegazzjoni minn San Lawrenz magħmula fost l-oħrajn mill-Amministrazzjoni sħiħa tal-Kunsill Lokali tagħna, kienet gewwa Colle Umberto, fejn hemmhekk apparti l-esperjenza li kellhom li permezz tagħha kellhom ic-cans jgħarrfu aktar r-realta' ta dan ir-raħal ġemellat magħna, assistew għall-inawgurazzjoni ta' l-isem li ingħata lil Ċentru Ċiviku li issa beda jġorr l-isem ta' San Lawrenz.

Dan il-ġest intlaqa’ tajjeb ħafna kemm minnha ta' San Lawrenz kif ukoll mill-istess ġemellati tagħna ta' Colle Umberto. Kienu ħafna dawk li attendew għal din iċ-ċerimonja qasira imma sinjifikanti. Dan iċ-Ċentru Ċiviku bl-isem ta' San Lawrenz, jinkorpora fih is-sala tal-Kunsill, il-librerija u tip ta, housing soċjali. Fid-diskors tiegħu is-Sindku ta' Colle Umebrto is-Sur Eduardo Scarpis fisser x'jinkorpora fih dan ic-Centru u wkoll l-proġetti mwettqa relati miegħu kif ukoll progetti oħra t’ nteress li wettaq il-Kunsill ta' Colle Umberto f' dawn l-ahhar xhur, fosthom l-installazzjoni ta' sistema solari biex tinxtghel l-iskola ta' Colle Umberto. Is-Sindku taghna Noel Formosa f'kelmtejn li ghamel bit-taljan, fisser il-gratitudni tar-rahal ta' San Lawrenz għal dan il-gest, huwa qal li dan il-fatt minnu nniffsu jmur oltre minn sempliciment isem imma is-sinjifikat veru huwa li l-isem ta' San Lawrenz illum huwa minqux f'qalb il-Colle Umbertesi u vice versa. Huwa qal li dan il-ġest ikompli jsaħħaħ il-valur ta' l-Unjoni Ewropea li jressaq il-popli lejn xulxin, huwa qal li iż-żewġ lokalitajiet għadna nkomplu naħdmu biex permezz ta' għemilna nwasslu l-valur tas-solidarjeta' mhux biss bejnietna imma wkoll mal-popli kollha ta' l-Unjoni Ewropeja. Huwa aċċenna għall-fatt li l-Unjoni Ewropea ma għandha qatt tiċħad l-egħruq tagħha dak li tirrikonoxxi mnejn telqet jiġifieri il-fidi nisranija li ħaddnu missirijietna u li żammet lill-Ewropa fuq saqajja.

Waqt din iż-żjara din id-delegazzjoni kienet il-mistiedna tal-President tal-Provincja ta' Treviso Leonardo Muraro li għal nofs siegħa kellhom iċ-ċans li jaqqsmu l-esperjenzi pożittivi li ż-żewġ lokalitajiet kellhom flimkien.

Matul iż-żjara tagħhom id-delegazzjoni kellhom ic-cans ukoll li jżuru postijiet u bliet oħra fosthom Verona, Treviso, Cortina, u l-Vajont.


Il-Kunsill Lokali tagħna jakkwista aktar flus mill-Unjoni Ewropea għaż-żgħażagħ
15 September 2008

Bħala parti mill-politka tiegħu ta’ nvestiment fil-futur u fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, il-Kunsill Lokali irnexxielu jerġa għal darb oħra jakkwista fondi sabiex żgħażagħ jippartiċipaw fi proġett ieħor YOUTH.

Għal din is-sena dan huwa it-tliet proġett li minnu qed igawdu ż-żgħażagħ Lawrenzjani, għaliex matul Lulju li għadda żewġ gruppi oħra ħadu sehem fi proġetti simili wieħed ġewwa Madrid fi Spanja u l-ieħor fil-Lake District ġewwa r-Renju Unit.

Din id-darba dan il-proġett sejjer isir ġewwa Cagliari fuq il-gżira ta’ Sardegnia li tifforma parti mill-Italja. Għal din l-okkażżjoni il-Kunsill Lokali San Lawrenz offra din l-opportunita’ mhux biss lil żgħażagħ Lawrenzjani imma wkoll liż-żgħażagħ Għawdxin, minħabba n-natura ta’ suġġet li ser jiġi diskuss. F’dan il-proġett iż-żgħażagħ ser jiddiskutu l-insularita’ doppja u wkoll il-problemi li qed jaffaċċjaw iż-żagħżagħ li jgħixu fuq il-gżejjer. Il-pajjiżi li ser jieħdu sehem f’dan il-proġett apparti l-gżira Għawdxija u dik ta’ Sardegnia, ser jieħdu sehem ukoll, il-gżejjer Baljariċi ta’ Spanja, Corsica fi Franza u żgħażagħ ġejjin mill-gżejjer griegi.

Il-group Għawdxi li ser jieħu sehem ser iħalli Malta nhar il-Ħamis 18 ta’ Settembru u jiritorna lura it-Tnejn 22 ta’ Settembru, l-group ser ikun imexxi mis-Sindku Noel Formosa.


Jiġu fi tmiemhom il-korsijiet tas-Sajf.
13 September 2008

Waqt l-attivita

Il-bieraħ il-Ġimgħa fil-ground ta’ l-iskola primarja saret attivita’ ħelwa li fiha ġew fi tmiemhom il-korsijiet kollha li saru matul is-sajf li għadda.

F’din l-attivita’ spikka aktar minn kull kors ieħor, ir-reading session għaliex l-għalliema tar-reading session, Claire Attard għamlet preżentazzjoni nteressanti ħafna dwar kif il-ġenituri għandhom jgħinu lil uliedhom. Kif ukoll l-importanza tal-qari li joħloq bond bejn il-ġenituri u t-tfal.

Fil-bidu ta’ din l-attivita’ s-Sindku kellem lil dawk preżenti u ħeġġeġ lill-ġenituri jkomplu jaħdmu id f’id mal-Kunsill fil-ħidma tiegħu b’risq ulied dan ir-raħal. Huwa elenka d-diversi korsijiet li l-Kunsill minn żmien għal żmien jorganizza.

Fl-aħħar tal-preżentazzjoni ta’ Claire Attard saret diskussjoni fost il-ġenituri preżenti dwar dak kollu li ntqal. Il-kummenti tal-ġenituri kienu kummenti li wrew sodisfazzjon għal dak kollu li saret mill-għalliema matul is-sajf li għadda u rrikonexxew l-ħidma li jwettaq il-Kunsill favur l-edukazzjoni ta’ uliedhom.

Din l-attivita’ qasira imma ħelwa ġie fi tmiemha bi preżentazzjoni qasira ta’ l-istess tfal tal-proġetti letterarji li huma wettqu kif ukoll b’wirja li fiha ġie esebit ix-xogħol kollu li sar matul is-sajf.


Jasal lura il-pellergrinaġġ mill-Art Imqaddsa.
09 September 2008

Il-group ta

Kienet xewqa tal-Kappillan u l-Kunsill Parrokkjali li l-Festi speċjali ta’ l-1750 mill-Martirju ta’ San Lawrenz jintemmu eżatt fl-art Imqaddsa fil-post fejn għex Kristu dak li għalih San Lawrenz ta ħajtu.

Il-group li kien imexxi mill-Kappillan Nazju Borg wasal lura propju l-bieraħ it-Tnejn 8 ta’ Settembru. Is-sodisfazzjon kien jidher fuq wiċċ dawk kollha li attendew, kif ukoll kien jidher li l-iskop ta’ dan il-pellegrinaġġ kien intlaħaq.

Fi kliem il-kappillan, li tkellemna miegħu dwar dan il-pellegrinaġġ qal li din kienet tassew esperjenza qawwija li permezz tagħha l-parroċċa tagħna kompliet timmatura u timxi l-quddiem spiritwalment. Il-fatt li l-lukanda kienet qrib ħafna il-qabar ta’ Kristu dan il-fatt kompla jgħin sabiex isir aktar talb f’dan il-post qaddis. Il-Kappillan qalilna wkoll li dawk preżenti ħasbu ħafna fil-parroċċa b’talb speċjali li sar għal dan il-għan.

Il-pellegrini li kienu mexxija mill-Patrijiet Franġiskani kellhom l-okkażżjoni wkoll li jżuru diversi postijiet marbuta mal-ħajja ta’Sinjur tagħna Ġesu Kristu, bħal ma huma il-Ġettsemani, Betlehem, Emmaws u oħrajn.


Tmiem b’success ghal Skolasajf 2008
03 September 2008

Waqt it-Talent Show

Skolasajf 2008 waslet fl-ahhar jiem taghha u ghall-istudenti ta’ Skolasajf San Lawrenz kienet ta’ success kbir permezz tat-Talent Show li preparaw huma stess. L-istudenti tant preparaw b’dedikazzjoni u wrew impenn kbir ghal din it-talent show li l-ghalliem tad-drama ghazel proprju t-talent show preparata mit-tfal ta’ San Lawrenz biex taghti nterpretazzjoni f’talent shows ta’ skejjel ohra sahansitra f’attivitajiet barra l-iskola. Waqt dawn it-talent shows, it-tfal taghna taw interpretazzjoni mill-aqwa li verament kienet hierga mill-qalb.

Skolasajf, hekk organizzata mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni toffri mod alternattiv ta’ kif uliedna jqattghu sajf b’differenza. Kien verament sajf mimli u varjat ghal dawn it-tfal li attendew u gew assistiti minn ghalliema ferm dedikati. Ringrazzjament kbir imur lejn l-ghalliema u l-Co-ordinators taghhom, fosthom l-ghalliema mir-rahal taghna Sarah Piscopo u Francine Caruana kif ukoll lill-ghalliema tad-drama, edukazzjoni fizika u tahrig iehor.


Il-Proġetti YOUTH li jiġu organizzati iħallu mpatt pożittiv fuq iż-żgħażagħ tagħna
02 September 2008

Follow-up bbq - Spain Youth Exchange 2008

Matul il-ġimgħa li għaddiet il-grupp li mar ġewwa Madrid fi Spanja reġa ltaqa sabiex iġedded l-esperjenza sabiha li għaddew minnha meta kienu fuq YOUTH exchange oħra barra minn Malta. Il-grupp kollu iltaqa’ ġewwa d-Dwejra fejn hemm hekk f'atmosfera tassew familjari organizzaw BBQ u flimkien reġgħu għexu mumenti partikolari li għexu f' Lulju li għadda.

Aħna tkellemna mal-leader ta' din l-exchange Lawrence Cauchi li fisser is-sodisfazzjon tiegħu u tal-group għal din l-okkazzjoni li qed jingħataw iż-żgħażagħ tagħna, grazzi għal inizjattiva tal-Kunsill Lokali u wkoll grazzi għal fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Huwa qal li din l-esperjenza kompliet tgħin liż-żgħażagħ tagħna sabiex iħossuhom aktar parteċipi ħala ċittadini Ewropew. Tkellemna wkoll maż-żgħażagħ li attendew għal din l-exchange u fissru li din hija esperjenza għall-ħajja. Permezz ta' dawn l-esperjenzi huma jkomplu jitgħallmu u jiftħu l-orrizzonti tagħhom, mhux biss għal mument taz-zgħozija imma wkoll għall meta huma stess ikollhom il-familja tagħhom.

Is-Sindku Noel Formosa attenda huwa wkoll għal dan il-BBQ meta tkellem magħna huwa fisser is-sodisfazzjon kbir tiegħu li jara liż-żgħażagħ miġbura, "mhux biss għax ikunu miġbura imma fuq kollox għaliex qed jirrakkontaw esperjenza sabiħa li permezz tagħha qed igawdu mhux biss huma imma wkoll r-raħal u pajjiżna". Huwa wera l-kuntentezza tiegħu li l-lokalita' tagħna qed isservi ta' xprun sabiex mhux biss isir użu tajjeb mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea imma wkoll li minnhom iċ-ċittadini tagħna qed iħossuhom aktar cittadini Ewropej.

Huwa rringrazzja lill-Leader Lawrence Cauchi u wkoll lill-Leaders kollha li jidħlu responsabbli għal exchanges simili u liż-żgħażagħ kollha li ħadu sehem, huwa sejħilhom ambaxxaturi denji Lawrenzjani u ta' pajjizna. Huwa awgura li l-group li ser jitlaq minn hawn u ftit ieħor fuq exchange oħra ġewwa Sardenja jġib miegħu l-istess esperjenzi li ġab dan il-grupp.


Laqgħa bejn żewġ Sindki
29 August 2008

Fl-ahhar tal-laqgha bejn iz-zewg Sindki

Dalgħodu fl-uffiċċji amministrattivi tal-Kunsill Lokali tagħna saret laqgħa bejn is-Sindku tagħna u s-Sindku l-ġdid tal-Belt Valletta is-Sur Alexei Dingli.

F’din il-laqgħa, li ħadet madwar siegħa, iż-żewġ Sindki tkellmu bejniethom dwar relazzjonijiet aktar fil-qrib bejn il-lokalita’ tagħna ta’ San Lawrenz u l-Belt kapitali ta’ pajjiżna l-Belt Valletta. Għalkemm teżisti differenza kemm fl-istruttura kif ukoll fl-amminstrazzjoni taż-żewġ lokalitajiet, pero ż-żewġ sindki, t-tnejn li huma wrew ruħhom ottimisti f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-lokalitajiet.

Għalkemm ftit li xejn ingħatat informazzjoni dwar din l-ewwel laqgħa pero jidher li l-esperjenzi li nqassmu kienu esperjenzi pożittivi li permezz tagħhom tqiegħdet preparazzjoni biex jibda jinbena l-pedament ta’ relazzjonijiet aktar fil-qrib.

Aħna ħadna l-kummenti tas-Sindku tagħna Noel Formosa li fisser ruħu sodisfatt b’din il-laqgħa u qal li hemm diversi fatturi fejn it-tnejn flimkien nistgħu naħdmu.

Alexei Dingli li għandu 29 sena ilu sindku tal-betl kapitali Valletta minn Lulju li għadda.


Inizjattiva oħra mill-parroċċa tagħna flimkien mal-Kunsill Lokali sabiex jitfakkru dawn il-festi speċjali.
19 August 2008

kopja tal-kartolina

B’tifkira tal-1750 Sena mill-martirju ta’ San Lawrenz il-patrun tagħna, il-MaltaPost p.l.c. ħasbet biex tfakkar dan l-anniversarju b’timbru speċjali.

Dan it-timbru ġie ddisinjat mis-Sur Anthony Grech, membru tal-Gozo Philatelic Society. Uffiċċjal tal-MaltaPost, nhar il-Ħadd, 10 ta’ Awissu , kien fis-sagristija tal-Knisja tagħna u kull min xtaq seta’ jakkwista dan it-timbru ta’ l-okkażjoni.

Għalhekk, il-Parroċċa tagħna flimkien mal-Kunsill Lokali u l-Gozo Philatelic Society ħarġu kartolina ta’ tifkira. Il-kartolina ġiet stampata u nnumerata f’edizzjoni limitata ta’ sitt mitt kopja, li nbiegħu ħafna minnhom fl-istess ġurnata li ngħata t-timbru. Baqa xi kartolini minnhom li huma uniċi u dawk li għadhom ma akkwistax waħda u jixtiequ jagħmlu dan jistgħu jikkuntatjaw lill-Parroċċa jew lill-Kunsill Lokali.

L-istampa ta’ din il-kartolina tirrappreżenta lil San Lawrenz fil-glorja tiegħu bil-palma tar-rebħa u l-gradilja f’idejh. Din il-pittura saret apposta għal dan il-għan mill-Kav. Paul Camilleri Cauchi.


Il-Parroċċa tagħna tippubblika ktieb interessanti dwar San Lawrenz
14 August 2008

Il-faccata tal-ktieb

Matul il-ġimgħa tal-Festa ta’ San Lawrenz u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi speċjali fl-okkażżjoni ta’ l-1750 sena mill-martirju ta’ San Lawrenz, il-parroċċa tagħna ħadet inizjattiva oħra nteressanti ħafna li għandha tinteressa lill dawk kollha li jħobbu l-letteratura, kultura, liturġija u l-kult tal-qaddisin f’ pajjiżna.

Dan il-ktieb bl-isem “Lawrenz: Xhud ta’ Kristu u Qaddej tal-Knisja” bid-daħla tal-President Emeritu Ugo Mifsud Bonniċi huwa ġabra ta’ kitbiet minn diversi awturi esperti f’diversi oqsma relatati mal-ħajja ta’ San Lawrenz, fosthom L-E.T. l-Isqof Emeritu Nikol Cauchi, Dun Daniel Xerri, Dun Ġino Gauci, Dun Joseph Sultana, Dun Injazju Borġ, Lorenzo Zahra, Dun Geoffrey Attard u oħrajn. Fost is-suġġetti li nsibu f’dan il-ktieb (li nistgħu nsejħulu enċiklopedija żgħira dwar San Lawrenz) hemm artikli dwar il-Martri tal-Knisja fit-tagħlim tagħha, Ir-rabta ta’ San Lawrenz mas-suċċessuri ta’ Pietru, San Lawrenz fil-kitbiet tas-Santi Padri, San Lawrenz fil-kult tal-Martri u fil-Liturġija, San Lawrenz fil-letteratura, fil-filatelija u l-ikonografija u anke dwar id-devozzjoni lejn San Lawrenz f’Malta u Għawdex. Dawn il-kitbiet kienu tqassmu matul ix-xhur minn Jannar sa Awissu fi djarna, issa nġabbru u ġew maqgħuda fi ktieb wieħed.

Dan il-ktieb jinkludi fih ukoll biċċiet ta’ l-arti mill-aqwa li nsibu mxerdin mad-dinja kollha li jirrappreżentaw il-figura ta’ San Lawrenz, liema figura tibqa marbuta mhux biss ma l-istorja tal-Knisja imma wkoll ma l-imħabba li dan il-qaddis wera lejn dawk l-aktar fil-bżonn u jibqa mfakkar għall-martirju aħrax li ġarrab fuq il-gradilja.

Minn jixtieq jakkwista dan il-ktieb kollu bil-kulur li jiswa €15 għandu jikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali San Lawrenz Għawdex, fuq in-numru 21556073 jew l-Uffiċċju Parrokkjali tal-kollegjata ta’ San Lawrenz, l-Birgu fuq in-numru 21827057.


Illum jitilqu “t-Tewmin tagħna”
12 August 2008

It-taljani fostna

Mal-mijiet kbar ta’ Għawdxin li ngħaqdu magħna sabiex flimkien niċċelebraw lil San Lawrenz kien hemm group ta’ taljani mexxi mis-Sindku ta’ Colle Umberto Eduardo Scarpis u l-President tal-Ġemellaġġ Angelo Altoe.

Matul dawn il-ġranet li għaddew magħna dawn ħutna kellhom l-okkażżjoni li mhux biss ikomplu jaraw l-kultura u l-identita’ tagħna (xi ħaġa li huma tassew japprezzaw) imma wkoll jifirħu magħna u b’mod dirett jiċċelebraw magħna dawn il-Festi speċjali. Fuq l-artal għal kull attivita’ rajna wkoll lill-Kappillan tagħhom Don Angelo li meta tkellemna miegħu dwar din l-esperjenza huwa wera l-ferħ u s-sodisfazzjon tiegħu li kellu l-okkażżjoni li jieħu sehem fl-attivitajiet tal-Knisja li skond hu jsir bl-aktar mod serju u sollenni.

Kellu kliem ta’ sodisfazzjon ukoll is-Sindku Scarpis li qal li din kienet okkażżjoni oħra li permezz tagħha ż-żewġ kommunitajiet komplew jersqu aktar lejn xulxin. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li qegħdin iżommu ħaj dan il-ġemellaġġ.

Fuq kollox stajna nsewgu t-tbissima ta’ sodisfazzjon tad-delegazzjoni kollha li lkoll kemm huma kellhom kliem ta’ tifħir għal mod ta’ akkoljenza tagħna l-Lawrenzjani.

Minn sorsi li aħna nfurmati minnhom jidher li f’Settembru delegazzjoni tagħna ser ukoll tkun mistiedna sabiex tieħu sehem f’ Attivitajiet li ser jiġu organizzati sabiex sala f’ Colle Umberto tingħata l-isem ta’ SAN LAWRENZ.


Festa mill-aqwa għall-Qaddis tat-Tielet Millenju
11 August 2008

Nhar il-festa

Il-bieraħ b’mod l-aktar solleni ġew fi tmiemhom ċ-ċelebrazzjonijiet li l-parroċċa tagħna għamlet ad unur tal-Patrun tagħna San Lawrenz. Ċelebrazzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar tmien xhur li matulhom saru attivitajiet diversi, li aħna segwejnihom kollha, sabiex jitfakkar l-1750 sena mill-martirju ta’ San Lawrenz.

Il-bieraħ, fakkret dan l-anniversarju anke l-istess Knisja Universali. Fil-velja li saret fil-lejl ta’ qabel, il-Kappillan sejjaħ lil San Lawrenz bħala il-Qaddis tat-tielet millenju, għaliex silet l-kwalitajiet kollha tiegħu li jagħmlu minn San Lawrenz il-qaddis attwali llum. L-istess Knisja f’ Għawdex iddedikat il-bulettin tal-Ħadd in-naħa li hija l-istess għall-Gżira kollha lill-Qaddis tagħna, filwaqt li f’Malta l-Isqof Pawlu Cremona waqt il-pontifikal fil-parroċċa tal-Birgu jgħid espliċitament li din hija l-Festa għall-Knisja Universali kollha.

Il-ġurnata tal-bieraħ kienet waħda mpenjattiva ħafna bħal ma kienu nistgħu ngħidu l-ħmistax il-ġurnata ta’ dawn il-festi kbar. Fid-9.00am sar il-pontifikal minn Mons Isqof Mario Grech li fl-omelija tiegħu huwa wkoll fisser lil San Lawrenz bħala il-Qaddis attwali li għandu messaġġ għalina lkoll illum. Huwa faħħar il-mod li bih il-parroċċa tagħna ċċelebrat dawn il-festi. Huwa qal li l-kommunita’ tagħna għandha tkun ta’ xempju għal mod ta’ kif jistgħu jiġu ċċelebrati l-festi. Wara dan il-pontifikal is-Sindku flimkien mal-Kunsilliera qassmu l-meals on wheels lill dawk li jgħixu waħedhom u fl-istess ħin sar l-marċ tal-11. Fil-għaxija mbgħad sar l-għasar u l-purċissjoni sollenni mexxija mill-Isqof Mario Grech bl-akkumpanjament tal-Kapitlu tal-Bażilika ta’ l-Għarb.

Il-Festa għalqet bil-barka Sagramentali u fl-aħħar il-Kappillan irringrazzja lill-Kumitat tal-Festa u lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex il-festa tkun waħda li tat glorja ‘l Alla u qima lil Qaddis Patrun tagħna San Lawrenz.


Flimkien bħala kommunita’ għaddejna l-Lejl ta’ San Lawrenz
10 August 2008

Silta minn dan il-lejl qaddis

Ma kull minn titkellem dalgħodu kulħadd kelma waħda kemm kien sabiħ l-lejl li għadda, meta flimkien f’sahra ta’ talb fil-ground ta’ l-iskola għaddejna l-lejl ta’ San Lawrenz f’ġabra u talb. Għal din l-okkażżjoni apparti il-ħafna Lawrenzjani u devoti li attendew, attenda wkoll il-Prim Ministru ta’ Malta Dr Lawrence Gonzi li kellu kliem ta’ tifħir għal mod kif għexna din il-festa.

It-Transalzzjoni kienet imexxija minn Dun Ġużepp Piscopo filwaqt li t-talb u l-ewkaristija kienet imexxija mill-Kappillan Injazju Borg, li fl-omelija tiegħu fisser lil San Lawrenz bħala l-Qaddis tat-tielet millenju. Il-Qaddis li jibqa attwali għaliex rebaħ lil Kristu u ma beżax juri t-twemmin tiegħu, “Quddiem l-għażla San Lawrenz għażel lil Kristu” hekk temm l-omelija tiegħu l-Kappillan.

Wara l-Ewkaristija kulħadd bit-torċi f’idejħ imxejna proċessjonalment lejn il-pjazza fejn hemm hekk wara d-daqq tal-“Bħala warda” l-Kappillan talab l-barka ta’ Alla fuq kulħadd permezz ta’ San Lawrenz.

Wara dan kompliet il-Festa normali fejn bħas-soltu jispikka n-nar ta’ l-art liema spettaklu kien wieħed uniku bħal ma jkun dejjem.

Aħna ħadna l-kummenti tal-Kappillan dwar din il-velja fejn wera s-sodisfazzjon tiegħu u rringrazzja ‘l Alla għal din il-grazzja hekk kbira, huwa qalilna li l-parroċċa tagħna għexet mumenti ta’ Festa vera u jħossu sodisfatt li l-poplu laqa din l-isfida li jibdel parti mill-festa ta’ barra f’festa ta’ talb.

Sa dan it-tant llum l-10 ta’ Awissu il-Jum ta’ San Lawrenz, id-dinja kollha qed tiċċelbra b’mod l-aktar dinjituż l-1750 sena mill-martirju tiegħu.


Ir-raħal li tajtu ismek, isellimlek.
09 August 2008

Waqt l-inawgurazzjoni tal-monument

Dan kien is-suġġet prinċipali tal-monument li nkixef il-lejla mill-Prim Ministru ta’ Malta Dr. Lawrence Gonzi.

Dan il-monument li ġie kkummissjonat mill-Kunsill Lokali qed ifakkar l-1750 sena mill-Martirju ta’ San Lawrenz, b’aċċenn prinċipali dak li jorbot l-istorja tar-raħal ta’ San Lawrenz mal-Qaddis San Lawrenz.

Fid-diskors ta’ merħba tiegħu qabel l-inawgurazzjoni s-Sindku Noel Formosa qal li dan il-monument irrid li jissiġilla dak li ta qabilna ħadmu għalih u li permezz tiegħu llum r-raħal tagħna għandu identita’ partikolari. Fl-istess ħin dan il-monument irid juri l-viżżjoni li għandu r-raħal ta’ San Lawrenz.

Il-Monument b’disinnu xogħol ta’ l-artist bravu Għawdxi John Grima jirrappreżenta narrattiva li tissimbolizza l-istorja tar-raħal ta San Lawrenz u r-rabta li dan ir-raħal għandu mal-Qaddis San Lawrenz.

Wara li l-Prim Ministru inawgura dan il-monument fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti, Joe Camilleri kritiku ta’ l-arti ta deskrizzjoni dettaljata ta’ dan il-moument, u fl-aħħar il-Prim Ministru għamel id-diskors tiegħu li fih aċċenna dwar l-importanza li pajjiżna jħares l-valuri tiegħu liema valuri jsawru s-soċjeta’ Maltija. Huwa faħħar lill-Kunsill Lokali San Lawrenz għall-inizjattivi li jieħu sabiex dan ir-raħal anke miċ-ċokon tiegħu joffri lill-pajjiżna l-aħjar.


San Lawrenz jiddomina l-pjazza
09 August 2008

Waqt id-dimostrazzjoni

Kull minn segwa live x’ġara l-bieraħ permezz tal-cameras li hemm installati fil-pjazza u fil-knisja seta jara li l-Festa qed tilħaq verament il-qofol tagħha.

Fil-Knisja l-bieraħ l-E.T L-isqof Emeritu Nikol G Cauchi mexxa l-Ewkaristija li fiha l-kommunita’ tagħna offriet affarijiet ta’ l-ikel għall-missjoni. Fl-omelija tiegħu Mons Isqof fisser n-nar li kellu taħtu San Lawrenz bħala dak in-nar li kellu f’qalbu jħeġġeġ għal Kristu li wasslu sabiex jagħti ħajtu għalih.

Fl-aħħar tal-quddiesa il-Kappillan irringrazzja lil Mons Isqof u sellem ukoll lill-Kappillan ta’ Colle Umberto li kkonċelebra wkoll waqt din l-Ewkaristija. Bħalissa group minn Colle Umberto jinsab fostna sabiex magħna jiċċelebra dawn il-festi speċjali.

Wara l-quddiesa saret id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Lawrenz akkumpanjata mill-Banda Prekursur tax-Xewkija. F’nofs il-lejl fost iċ-ċapċip tagħna l-Lawrenzjani, San Lawrenz ġie mtellgħa fuq il-pedistal fil-Pjazza.

Dalgħodu fir-raħal hawn diversi attivitajiet għaddejjin sabiex jiġu ppreparata t-tlett okkażżjonijiet importanti tas-serata tal-lejla. Fit-tarf tar-raħal qed isiru l-preparazzjonijiet sabiex il-lejla jiġi inawgurat il-monument sabiħ li l-Kunsill ser iwaqqaf fl-okkażżjoni ta’ dawn il-Festi. Dan il-monument ser jiġi inawgurat mill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi fis-6.15 tal-Lejla. Wara fil-ground ta’ l-iskola ser issir it-translazzjoni solleni bir-relikwija ta’ San Lawrenz u velja speċjali ta’ talb sabiex ngħixu ma San Lawrenz l-aħħar mumenti f’din id-dinja. Wara dan it-talb ser jinħaraq il-ġigġifogu fi Triq San Lawrenz, liema ġigġifogu ilu jintrema mill-voluntiera għal matul il-lejl kollu.


Tmiem mill-aqwa għall-25 edizzjoni tal-Festival San Lawrenz
08 August 2008

Waqt s-serata tal-Hamis

Il-bieraħ fil-pjazza ffullata bin-nies ittellgħet l-aħħar serata tal-Festival San Lawrenz. Liema Festival qed jiġi organizzata għall-25 darba. Kien propju fl-1983 meta l-Kumitat tal-Festi Esterni ta dak inhar kien iddeċieda li jorganizza Festival kulturali sabiex ifakkar id-90 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa minn dak inhar il-Kumitat ma ħarix lura imma kompla jżid il-ġranet u jagħti pubbliċita’ lil dan l-event li ta viżżjoni ġdida mhux biss lill-festa tagħna imma wkoll lill-Festa Maltija għaliex kienu ħafna dawk il-festi li imitaw din l-inizjattiva sabiħa.

Il-programm tal-bieraħ kien jinkludi fost l-oħrajn lil Pamela, Aldo Busuttil, Morena, iż-żeffiena @ease Dancers u lis-Sur Gawdenz li lkoll kemm huma offrew maratona ta’ spettaklu u divertiment li kien ippreżentat mill-brava Mary Grech li ta’ kull sena tfakkar il-memorji tat-tfulija tagħha f’San Lawrenz, permezz tal-preżentazzjoni ta dan il-Festival.

Waqt dan il-Festival is-Sindku Noel Formosa qassam ukoll tifkira u ċertifikat lil dawk li ggradwaw matul din is-sena. F’kelmtejn qosra s-Sindku qal li l-lokalita’ tagħna hija dejjem minn ta’ quddiem biex tagħti spazju lil Edukazzjoni u l-Kultura. Fl-istess serata l-Kappillan Dun Injazju Borg ippreżenta l-Palma tad-Deheb lil Stephanie Pavia żgħażugħa Għawdxija li qed tipprometti ħafna fil-qasam mużikali. Xi ħaġa li dan il-Festival jagħti ta’ kull sena biex ikompli jippromwovi dan l-element kulturali mportanti għall-gżira tagħna. Fil-kelmtejn tiegħu l-Kappillan wera s-sodisfazzjon tiegħu għal mod ta’ kif tiġi ċċelebrata l-festa tagħna huwa qal li din hija l-ewwel festa tiegħu fostna u jħossu ħafna kuntent li jinsab fostna.

Sadanitant qabel il-Festival waqt il-quddiesa kkonċelebrata mill-Isqof Emeritu tal-Kuwait L-E.T. Adeodato Micallef saru tlett magħmudijiet ta tlett Lawrenzjani ġodda. Kien mument vera sabiħ li tara l-kommunita’ kollha miġbura madwar dawn it-tlett familji.

Issa l-lejla ser ikolna fostna lill-Isqof Emiritu Nikol Cauchi u wara l-quddiesa ssir id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Lawrenz li aktar tard titella fuq il-pedistal fil-pjazza.


L-Ewwel Jum tat-Tridu u ssir l-ikla tal-Festa
07 August 2008

L-arcisqof Mercieca wara li l-Kappillan ipprezenta

Il-Bieraħ l-Erbgħa żewġ okkażżjonijiet oħra sbieħ li permezz tagħhom komplejna nippreparaw ruħna tajjeb għall-Festa tal-Patrun tagħna.

Il-Konċelebrant prinċipali tal-bieraħ kien l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca li bl-istil ħelu tiegħu ġibed l-attenzjoni ta’ kulħadd minn tfal sa kbar għal dak li seħħ waqt din il-konċelebrazzjoni. Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Mercieca ddiskriva l-kobor ta’ San Lawrenz mill-fatt li huwa imita lil Krist sa fil-mewt tiegħu. Il-ġurnata tal-bieraħ kienet iddedikata lill-Għaqdiet tar-raħal tagħna, f’din il-quddiesa spikkat il-parteċipazzjoni tal-membri ta’ l-għaqdiet.

Wara l-quddiesa mbgħad ġiet organizzata ġurnata oħra tal-Festival, l-bieraħ kien imiss l-ikla tal-Festa. ‘L fuq minn 300 ruħ ibbukkjaw għall din l-ikla u fi spirtu tassew sabiħ ta’ familja dawk preżenti apparti l-ikel tajjeb li ġie pprepart u servut minn helpers Lawrenzjani assistew għal serata ta’ talent, kant u divertiment offrut minn MaryRose Mallia u l-group Spectrum fost l-oħrajn. Spikka wkoll waqt is-serata tal-bieraħ it-talent Lawrenzjan, diversi Lawrenzjani ingħataw l-opportunita' sabiex jesponu t-talenti tagħhom.

Illum huwa jum iddedikat lil Familji, nafu li l-parroċċa qed tipprepara programm tajjeb ħafna li ser jinkludi fih il-magħmudija ta’ tlett trabi Lawrenzjani. Wara ser issir is-serata finali tal-Festival San Lawrenz liema serata ser tkun ippreżentata minn Mary Grech.

Sadanitant huma diversi dawk il-kummenti pożittivi li qed jasslulna dwar il-cameras li ġew installati. Huwa ta’ sodisfazzjon li nisimgħu emigranti juru l-apprezzament tagħhom li ta’ l-inqas jistgħu jsegwu l-festa b’dan il-mod.


L-aħħar jum tan-Novena u t-2 jum tal-Festival
06 August 2008

Il-bieraħ it-Tlieta fil-Knisja ġie ċċelebrat l-aħħar Jum tan-Novena ddedikata lit-tfal, kienet ġurnata partikolari li bla dubju ta’ xejn it-tfal ser jibqgħu jiftakkru għal għomorhom.

Wara mbgħad fil-pjazza ġiet mtellgħa serata oħra tal-Festival San Lawrenz, liema serata kienet ikkaratterizzata mill-Folklor Malti, bis-sehem ta’ diversi għannejja u kittaristi Maltin u Għawdxin u anke bis-sehem li kompla jagħti kulur lil din is-serata tal-Group Folkloristiku Ta’ ċangura Folk group.

Sadanitant il-bieraħ ukoll dan is-sit kompla jkabbar s-servizzi tiegħu. Apparti r-ritratti tal-Festa, l-bieraħ żidna aktar cameras sabiex l-viżitaturi jsegwu il-festa aktar mill-qrib. Fl-ewwel mumenti ta’ dan is-servizz jidher li dan is-sit kompla jintlaqa tajjeb. Nieħdu gost inkomplu nisimgħu aktar suġġerimenti tagħkom, speċjalment tagħkom l-emigranti. Irridu nfakkrukom li l-ktieb tal-viżitaturi huwa miftuħ għall awguri tagħkom lil xulxin.


Il-camera tal-pjazza reġgħet online!
05 August 2008

Dehra tal-cameras mill-pjazza taghna

B’effett mil-lum, il-camera tal-pjazza issa tinsab online. Mill-kumdita ta’ darek u anke minn eluf ta’ mili l-bogħod issa tista ssegwi dak kollu li jkun qed jiġri fil-pjazza ta’ San Lawrenz. Il-camera kienet online għall-ewwel darba fil-festi tas-sena l-oħra u din intlaqgħet tajjeb ħafna speċjalment minn ħutna l-emigranti.

Tant kienet success li għal din is-sena l-Kunsill issa ntroduca wkoll żewġ cameras oħra, waħda minn ġol-knisja u oħra faċċata tal-palk. B’hekk issa kulħadd jista jsegwi kemm l-attivitajiet ta’ barra kif ukoll il-funzjonijiet kollha tal-knisja. Dan kollu kien possibli bil-ghajnuna volontarja ta’ sehibna Laurence Cauchi li pubblikament nixtiequ nirringrazzjawk tal-kontribut tieghu. Nirringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li tawh daqqa t’id biex dan kollu seta’ jkun possibli.

Żgur li permezz ta’ dan is-servizz ser inservu ta’ nostalgija kbira ma’ l-emigranti tagħna u ser natuhom l-opportunita li jgħixu magħna tant qrib dawn il-mumenti glorjuzi!


Jingħata bidu għall-Festival San Lawrenz 2008
05 August 2008

Waqt id-dramm

Il-bieraħ fi pjazza ippakkjata bin-nies, ingħata bidu għal 25 edizzjoni tal-Festival San Lawrenz. Din l-edizzjoni fetħet bl-għaqda drammatika Dwal Ġodda tal-Għargħur Malta li ppreżentaw id-dramm CCLVIII. Dramm dwar l-aħħar snin tal-qaddis tagħna San Lawrenz. B’mod professjonali ħafna din l-għaqda tellgħet dan id-dramm miktub minn Martin Gauci.

Waqt din is-serata il-kumitat tal-Festival San Lawrenz ddeċieda li jagħmel ġabra b’risq il-missjoni ta’ Dun Manwel Cutajar fl-Albanija. Qabel dan id-dramm saret funzjoni oħra fil-Knisja bħala tħejjija għall-Festa. Il-bieraħ kien iddedikat għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti. Il-quddiesa kienet ċċelebrata minn Fr. Mark Demanuele bil-parteċipazzjoni ta’ diversi żgħażagħ. Fl-aħħar tal-quddiesa il-kappillan wera s-sodisfazzjon tiegħu għan-numru kbir ta’ żgħażagħ li attendew.

L-omelija saret mid-Djaknu Joseph Curmi li fiha huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jimlew qalbhom u ħajjithom bi Kristu hekk kif għamel San Lawrenz. F’din l-istess quddiesa l-Kappillan ħabbar li d-Djaknu Joseph Curmi ser jibqa jservi lill-parroċċa tagħna bħala djaknu…S’intendi din l-aħbar intlaqgħet tajjeb ħafna.

Illum huwa jum iddedikat lit-tfal u wara fil-pjazza jkompli għaddej il-Festival bis-serata ta’ l-għana u bil-parteċipazzjoni tal-Folk group ta’ Ċangura.

Bħas-soltu il-Festival jibda fid-9.30pm.


Il-Bieraħ kienet ġurnata dedikata għall-għarajjes u n-nammrati.
04 August 2008

Waqt il-Quddiesa

Il-Knisja l-bieraħ waqt il-Quddiesa ta’ l-10.30am kient mimlija b’diversi koppji li fis-snin li ġejjin sejrin jiffurmaw il-familji ta’ gżiritna. Din l-ewkaristija kienet ċċelebrata minn dun Charles is-saċerdot li matul is-sena li għaddiet flimkien mal-familja ta’ Patrick u Carmen Cassar ħadu ħsieb li jlaqqgħu dawn l-istess koppji biex jippreparwhom għall-ħajja taż-żwieġ.

Fl-omelija tiegħu dun Charles fisser b’mod tajjeb kif dawn il-koppji jistgħu jippreparaw lilhom infushom għal din il-ħajja ġdida li fil-futur qarib iridu jibdew jgħixu flimkien. Huwa enfasizza fuq l-imħabba vera li dawn il-koppji għandhom ikollhom lejn xulxin u xebbaħ l-imħabba li kellu San Lawrenz lejn Kristu ma dik l-imħabba li l-għarajjes għandhom ikollhom lejn Kristu, sabiex ikun Hu stess li jressaqhom lejn xulxin.

Wara l-omelija l-għarrajjes ġeddew flimkien l-impenn lejn xulxin u kif dan l-impenn jistgħu jgħixuh fi spirtu nisrani.

Fl-aħħar tal-quddiesa dawn l-għarajjes ġew mogħtija tifkira ta’ din l-okkażżjoni li jikkosisti f’replika li qed jintuża bħala logo ta’ din is-sena.

Fil-għaxija mbgħad delegazzjoni mir-raħal attendiet għal esekuzzjoni oħra ta’ l-Oratorju grandjuż Laurentius li saret ġewwa l-kolleġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu.

Illum dħalna fil-qalba tal-ġimgħa tal-festa. Il-lejla fil-knisja jiġi ċċelebrat Jum iż-żgħażagħ filwaqt li fuq iz-zuntier tal-Knisja fid-21.30 ser jitella d-dramm kontemporanju dwar San Lawrenz bl-isem Anno Domini XXLVIII.


Żewġ Abbatini ġodda għall-Parroċċa tagħna.
03 August 2008

Iz-zewg itfal li l-bierah saru abbatini

Il-bieraħ kien jum ieħor bi tħeħħija għall-Festa tal-Patrun tagħna San Lawrenz. Wara li fil-ġurnata ta’ qabel il-Knisja tagħna laqgħet fiha l-Oratorju “Laurentius” mill-bieraħ l-Knisja kompliet tara aktar mumenti liturġiċi qawwija li permezz tagħhom qed nidħlu aktar fl-ispirtu tal-festa.

James Grima u Matthew Cilia il-bieraħ bdew jiffurmaw parti mill-group ta’ abbatini li jservu fil-parroċċa tagħna. B’hekk issa dan il-group jitla għal 10 membri. Il-vestizzjoni tagħhom saret mir-Rettur tas-Seminarju dun Daniel Xerri li sa sena ilu kien għadu jservi lill-Parroċċa tagħna bħala Kappillan. Fl-Omeilja tiegħu dun Daniel ħeġġeġ lill-abbatini l-ġodda sabiex ikunu ħbieb ta’ Ġesu’ u kompla jħeġġeġ lil dawk preżenti biex anke huma jkunu ħbieb ta’ Ġesu’. Għal din l-ewkaristija kienet tispikka wkoll il-preżenza qawwija tal-ġenituri ta’ l-abbatini kollha.

Fl-aħħar tal-quddiesa l-Kappillan Injazju Borg rringrazzja lil Dun Daniel mhux biss li għoġbu jaċċeta l-invit li jieħu sehem fil-festa imma wkoll tas-servizz li huwa ta fil-parroċċa fit-3 snin li huwa għamel bħala Kappillan. Bħala tifkira ta’ din l-okkażżjoni l-Kappillan ippreżenta lil dun Daniel replika tal-logo ta’ dawn il-Festi Speċjali kif ukoll l-Ktieb il-ġdid li qed tippubblika l-parroċċa tagħna bl-isem “Lawrenz: Xhud ta’ Kristu u Qaddej tal-Knisja”.

Illum il-Ħadd fil-quddiesa ta’l-10.30 ser issir il-quddiesa speċjali għall-għarajjes.


Esekuzzjoni mill-aqwa għall-Oratorju “Laurentius”
02 August 2008

Waqt l-esekuzzjoni

Il-bieraħ fil-għaxija il-Knisja tagħna rat waħda mill-isbaħ opri li qatt inkitbu dwar il-Patrun tagħna San Lawrenz. Kienet il-parroċċa tagħna li fil-bidu ta’ din is-sena kkommissjonat lill-Isqof Emritu Nikol Cauchi u Mro John Galea sabiex fl-okażżjoni ta’ dawn il-festi speċjali jitella dan l-oratorju. Il-preparazzjonijiet kien ilhom għaddejin fuqu għal dawn l-aħħar xhur. Is-Surmast John Galea daħal għal din il-biċċa xogħol b’serjeta’ kbira u dan l-impenn deher il-bieraħ waqt din l-esekuzzjoni.

Kullħadd hu kelma waħda li dan l-oratorju kien suċċess. Fuq wiċċ kull min attenda għal dan l-Oratatoju kien jidher sodisfazzjon kbir. L-esekuzzjoni ta’ din l-ewwel rappreżentazzjoni taħt id-direzzjoni mużikali tal-bravu Mro John Galea, kienet waħda mpekkabbli.

Il-Knisja tagħna ġiet rranġata sabiex tilqa dan l-oratorju. L-inkwadru li jirrappreżenta lill San Lawrenz xogħol ieħor imprezzabbli ta’ Ġużeppi Cali’ ġie mixgħul b’dawl apposta, filwaqt li l-artal kien mimmli bl-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Chorus Urbanu li esgewixxew dan l-Oratorju.

Għada l-Ħadd dan l-Oratorju ser jiġi esegwit fil-parroċċa tal-Birgu li flimkien mal-parroċċa tagħna ħadmu sabiex tiġi realizzata din il-ħolma Lawrenzjana.


Illum jittella l-Oratorju grandjuż “Laurentius”
01 August 2008

Waqt li l-Kappillan ipprezenta l-imagini ta

Il-lejla fit-8.30 fil-Knisja Parrokkjali tagħna il-Maestro John Galea ser “iħabbat” għall-ewwel darba il-mużika tiegħu stess li permezz tal-librett miktub minn Mons Isqof Emeritu Nikol Cauchi jirrakkonta l-aħħar mumenti tal-qaddis Levita San Lawrenz. Aħna tkellemna mall-Kappillan Injazju Borg dwar din l-inizjattiva, huwa qal li din l-inizjattiva hija mnebbħa mit-tagħlim tal-Knisja li l-Kultura tista’ tgħin sabiex in-nisrani jasallu aktar il-messaġġ Kristjan, huwa enfasizza li din il-biċċa xogħol ma għandniex nieqfu biss fuq dak li huwa sabiħ għal widna imma l-iktar importanti huwa nifhmu li San Lawrenz l-iskop ta’ ħajtu kien biss wieħed dak li jimita’ lil Kristu.

Sadanitant il-bieraħ fil-knisja tagħna Mons Girgor Vella li madwar 55 sena ilu beda jservi l-parroċċa tagħna bħala kappillan ċċelebra quddiesa oħra tan-Novena ddedikata lil Anzjani u morda tal-parroċċa tagħna. Jakkumpanjaw lil Mons Vella kien hemm il-Kappillan Injazju Borg u Kan Ġwann Dimech peress li din l-attivita’ kienet ikkordinata wkoll mill-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Waqt din il-Quddiesa ġie amministrat ukoll is-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Fl-aħħar il-Kappillan rringrazzja lil Mons Vella u ppreżentalu xbieha ta’ l-istatwa ta’ San Lawrenz.

Tajjeb ukoll li naġġornawkom dwar dak li qed jiġri dwar il-monument ta’ San Lawrenz li ser jitwaqqaf mill-Kunsill fil-bidu tar-raħal. Matul din il-ġimgħa ġew approvati l-permessi kollha, u llum għandu jibda x-xogħol fuq is-sit fejn ser isir dan il-monument.


L-istatwa tal-patrun tagħna ssib postha fil-Knisja
31 July 2008

Waqt il-ħruġ ta

Il-bieraħ filgħaxija il-knisja kienet ippakkjata bin-nies. Lawrenzjani, Emigranti, Lawrenzjani li qed jgħixu f’ raħal ieħor ħonqu t-tempju li minn dejjem kien iċ-ċentru tal-lokalita’ tagħna sabiex flimkien assistejna għall-ewkaristija li kienet imexxija minn Dun Manwel Cutajar, saċerdot Lawrenzjan li ilu għal dawn l-aħħar tmien snin jservi bħala missjunarju ġewwa l-Albanija. Dun Manwel kien assistit mill-Kappillan u l-Vigarju, Dun Ġużepp bħalissa jinsab Lourdes, għalhekk ma kienx hemm.

Xi ħaġa li spikkat din is-sena kienet it-talba tal-fidili li din is-sena ma saritx biss mill-emigranti imma wkoll saret minn xi parroċċani ġejjin minn pajjiżi differenti li bħalissa qed jgħixu fir-raħal tagħna, bħal ma huma Indjani u Kroati.

Wara l-Quddiesa Mro John Galea ippreżenta l-librett ta’ l-Oratorju grandjuż li sar din is-sena fuq talba tal-parroċċa tagħna sabiex jitfakkar dan il-Ġublew Lawrenzjan. Dan l-Oratorju ser jiġi esegwit għall-ewwel darba fil-knisja tagħna imbgħad nhar il-Ħadd ser jiġi esegwit ġewwa l-parroċċa ta’ San Lawrenz fil-Birgu Malta.

Fl-aħħar tal-Quddiesa sar il-ħruġ ta’ l-istatwa li tirrappreżenta l-maħbub Patrun tagħna San Lawrenz fost iċ-ċapċip u t-talb ta’ dawk preżenti. L-istatwa sabet postha fil-Knisja biex issa tibqa hemm sa nhar il-10 ta’ Awissu, l-Jum ta’ San Lawrenz.


L-ewwel quddiesa tan-Novena bi tħejjija għall-Festa
30 July 2008

Waqt ic-celebrazzjoni tal-Quddiesa

Din is-sena kif kien diġa mħabbar in-Novena tal-Festa bdiet qabel is-soltu, dan sabiex il-preparazzjoni tagħna tkun aktar intensa. Tant hu hekk li l-bieraħ fil-Knsija saret l-ewwel quddiesa solleni bi preparazzjoni għal Festa.

Għal din l-okkażżjoni ġie misitieden il-Kappillan Emeritu Dun Mikiel Borg li huwa wkoll il-persuna nkarigata mill-Karitas fil-Kurja ta’ Għawdex. Dun Mikiel Borg serva wkoll bħala Kapillan tagħna mill-1975 sa l-2004.

Fl-omelija tiegħu Dun Mikiel silet diversi mument mill-ħajja ta’ San Lawrenz li permezz tagħhom dan il-Qaddis kbir jispikka.

Fl-aħħar tal-Quddiesa Il-Kappillan Nazju Borġ rringrazzja lil Dun Mikiel mhux biss talli għoġbu jaċċetta li jiġi jiftaħ din in-Novena imma wkoll għall-ħidma li wettaq fostna fis-snin li għamel bħala Kappillan. Fl-aħħar Dun Mikiel ġie ppreżentat b’tifkira ta’ l-okkażżjoni u wkoll b’inkwadru ta’ San Lawrenz.

Illum it-Tieni Jum tan-Novena ser isir il-ħruġ minn niċċa ta’ l-istatwa artistika ta’ San Lawrenz. Il-Funzjoni tibda fis-6.45 bir-rużarju u tkompli bil-quddiesa minn Dun Manwel Cutajar fis-7.30pm. Wara jsir il-ħruġ ta’ l-istatwa minn niċċa.


Il-Kunsill Lokali ser iwaqqaf monument f’ ġieħ San Lawrenz.
29 July 2008

Il-Post fejn ser jitpoġġa dan il-monument

Issa saret uffiċċjali! Il-Kunsill Lokali tagħna nhar id-9 ta’ Awissu stieden lil Prim Ministru sabiex jinawgura monument f’ġieħ San Lawrenz. Din l-informazzjoni ħarġet mill-programm tal-Festa li tqassam dan l-aħħar. Minn informazzjoni li ksibna mill-Kunsill Lokali jidher li l-Kunsill kien ilu għal dan l-aħħar xhur jipprepara sabiex iwaqqaf monument fid-daħla tar-raħal sabiex ifakkar l-1750 mill-Martirju ta’ San Lawrenz u wkoll sabiex jirrikonoxxi r-rabta storika li dan ir-raħal għandu ma dan il-qaddis kbir San Lawrenz.

Meta tkellemna mas-Sindku Noel Formosa huwa fissrilna kif l-Kunsill sawwar din l-idea tal-monument. Huwa qalilna li kien ilu jberren f’moħħu xi tip ta’ monument li permezz tiegħu mhux biss l-lokalita’ tissiġilla l-istorja imma wkoll toħroġ fl-apert l-imħabba u d-devozzjoni li l-abitanti ta’ dawn l-inħawi dejjem kellhom lejn San Lawrenz.

L-Kunsill Lokali kkummisjona lil wieħed mill-aktar artisti kontemporanji u bravi li għandna f’pajjizna, John Grima, sabiex jiżvolġi l-idea tal-Kunsill f’dan il-monument. Is-Sindku Formosa kompla jispjegalna li l-Kunsill xtaq li filwaqt li dan il-monument ikun wieħed marbut sewwa ma’ l-istorja fl-istess ħin ikun monument li jirrifletti ż-żmien li fih sar, jiġfieri ikun monument modern li jaqbel ukoll ma l-inħawi fejn ser jitwaqqaf dan il-monument.

Bħalissa għadhom għaddejjin l-aħħar irtokki fuqu u wkoll fi ftit tal-ġranet oħra ser jibda x-xogħol fil-post fejn ser jitwaqqaf dan il-monument.


Tal-Birgu jirreċiprokaw…
28 July 2008

Waqt il-pellgrinagg

Il-bieraħ 27 ta’ Lulju l-kommunita’ tal-Birgu rreċiprokaw l-pellegrinaġġ li aħna għamilna l-ġimgħa li għaddiet. Minn kmieni wara nofs inhar bdejna naraw l-pellegrini Vittorjosani jaslu fir-raħal.

Fis-6.30pm aħna l-Lawrenzjani ta’ Għawdex ilqajna lill-Lawrenzjani tal-Birgu f’ tarf ir-raħal fejn hemm hekk telaq pellegrinaġġ bl-imaġini ta’ San Lawrenz l-antik, l-inkwadru ta’ l-ewwel kappella. Fil-bidu tiegħu l-Kappillan Nazju Borġ li mexxa t-talb waqt dan il-pellegrinaġġ stieden lill-ġemgħa sabiex flimkien nimxu wara Kristu l-vera teżor tagħna, dak it-teżor li San Lawrenz ta ħajtu għalih.

Mal-wasla fil-Knisja saret quddiesa konċelebrata mmexxija minn Mons Ġovanni Bosco Gauci l-arċidjaknu tal-Katidral ta’ Għawdex. Il-Kappillan flimkien ma’ l-arċipriet tal-Birgu u l-presbiterji parrkkjali ta’ żewġ parroċċi ħadu sehem f’din l-ewkaristija. Fl-aħħar tal-quddiesa l-arċipriet flimkien mas-Sindku tal-Birgu offrew xema lil San Lawrenz biex tibqa tixgħel quddiemu matul dawn il-festi.

Wara fi Trejqet l-10 ta’ Awissu fi spirtu veru fratern il-kommunita’ tagħna offriet affarijet ta’ l-ikel u b’hekk flimkien komplejna naqsmu dan il-mument ta’ ferħ.

B’hekk nistgħu ngħidu li l-bieraħ ftaħna dawn il-festi speċjali sabiex issa jwassluna sa nhar San Lawrenz, l-10 ta’ Awissu. L-appuntamenti mportanti għal matul din il-Ġimgħa huma nhar il-Erbgħa li ġej bil-ħruġ ta’ l-istatwa u mbgħad il-Ġimgħa l-1ta’ Awissu bl-ewwel eskuzzjoni ta’ l-Oratorju grandjuż LAURENTIUS.


Illum qed tiġi ċċelebrata l-Festa ta’ Sant Anna fid-Dwejra.
26 July 2008

Il-Kappella ta

Illum fil-kalendarju liturġiku tal-Knsija Kattolika taħbat il-Festa ta’ Sant Anna u San Ġwakkin, liema festa tiġi ċċelebrata wkoll fil-Kappella li hemm fid-Dwejra iddedikata lilha. Kemm ilha mwaqqfa din il-Kappella il-parroċċa tagħna dejjem organizzat din il-ġurnata bħala ġurnata oħra speċjali fil-kalendarju tar-raħal tagħna. Nistgħu ngħidu li fis-snin 80 u 90 din id-devozzjoni ħadet żvolta ‘l quddiem u bit-tħabbrik tal-Kappillan Emeritu Dun Mikiel Borg din id-devozzjoni li toħroġ minn din il-kappella xterdet madwar Malta u Għawdex u anke barra minn xtutna.

Hija kappella li tiġbed mijiet ta’ devoti mhux biss illum f’din il-ġurnata imma wkoll matul is-sena kollha. Tant hu hekk li huma diversi dawk in-nies speċjalment familji li qed jistennew xi wild ġdid fil-familja tagħhom li jirrikorru għall-protezzjoni ta’ din il-qaddisa marbuta b’mod partikolari man nisa tqal.

Fil-programm tal-lum apparti d-diversi quddies marbut mal-ġurnata u l-quddiesa sollenni mexxija minn Dun Charles Sultana, aktar tard il-lejla ser ikun hemm il-preżentazzjoni tat-tfal lill din il-Qaddisa u fl-aħħar tal-ġurnata ser isir talb speċjali animat mill-group kariżmatiku.


Jiġi ppubblikat il-Programm tal-Festa.
25 July 2008

Il-Faccata tal-programm tal-Festa

Il-bieraħ waqt li l-Kappillan kien qed jiġbor l-aħħar ġabra b’risq il-festi ta’ ġewwa qassam il-programm tal-festa. Dan il-programm huwa mimli b’informazzjoni dettaljata dwar dak li ser jiġri fir-raħal tagħna fil-ġranet li ġejjin. Jidher li din is-sena l-programm ser jibda qabel is-soltu. Propju ser jibda minn nhar il-Ħadd li ġej 27 ta’ Awissu, bil-pellegrinaġġ tal-Lawrenzjani tal-Birgu fostna.

Il-Ħruġ ta’ l-istatwa ser isir nhar il-Erbgħa li ġej 30 ta’ Lulju, imbgħad il-Ġimgħa ser isir l-Oratorju Mużikali “Laurentius” li minn informazzjoni li wieħed jista’ joqgħod fuqha ser ikun biċċa xogħol kbira li ser tibqa tisemma.

Jekk wieħed jibqa jdur ma dan il-programm jinnota wkoll li din is-sena apparti li hija sena speċjali minħabba li qed niċċelebraw l-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz, fir-raħal tagħna qed jiġi ċċelebrat ukoll il-25 anniversarju tal-Festival San Lawrenz li jsir ta’ kull sena qabel il-festa. Apparti s-serati tas-soltu jidher li din is-sena wkoll ser jerġa jitella d-dramm sabiħ fuq il-ħajja ta’ San Lawrenz bl-isem Anno Domini CCVLIII. Imbgħad xi ħaġa oħra li ġibtilna l-attenzjoni hija l-ġurnata tas-Sibt lejliet il-Festa fejn dak inhar apparti l-inawgurazzjoni tal-monument f’ġieħ San Lawrenz ser issir ukoll il-Velja tal-lejl ta’ San Lawrenz.

Jidher li huwa programm interessanti ħafna minn irid aktar informazzjoni dwar dan il-programm jista’ jikkuntatja l-Uffiċċju Parrokkjali fuq 21556073.

Tajjeb li nsemmu li fil-faċċata ta’ dan il-programm hemm ritratt sabiħ ta’ l-attivita’ li saret fl-1 ta’ Jannar li għadda fejn f’dik il-ġurnata ġew inawgurati dawn il-festi speċjali li ser iwasslu sa nhar il-Ħadd 10 t’Awissu, il-Jum ta’ San Lawrenz patrun tagħna.


Beda jinħass sewwa d-deni tal-Festa : Il-Bieraħ l-Lawrenzjani ta’ Malta u Għawdex iltaqgħu flimkien biex jagħtu qima lil San Lawrenz
24 July 2008

Il-gemgha Lawrenzjana fil-Knsija tal-Birgu

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nidħlu fil-qofol tal-festa. Kienet ideja tassew sabiħa li l-parroċċa tagħna ħadet li bħala preparazzjoni għal din il-Festa speċjali ta’ l-1750 sena mill-martirju ta’ San Lawrenz iż-żewġ kommunitajiet li bħala patrun tagħhom jħaddnu lil San Lawrenz jingħaqdu flimkien u jitolbu għal akbar suċċess spiritwali tal-Festa.

Hekk ġara l-bieraħ meta numru mdaqqas ta’ Lawrenzjani mill-parroċċa tagħna l-bieraħ irħewlha lejn il-Birgu Malta fejn hemm hekk flimkien mal-Lawrenzjani tal-Birgu ċċelebraw l-Ewkaristja. L-mitt pellegrin minn San Lawrenz li ħadu sehem f’dan il-pellegrinaġġ kienu mexxijja mill-Kappillan Nazju Borg, flimkien mas-saċerdoti tal-parroċċa tagħna, l-Vigaru Dun Charles, Dun Ġużepp u Dun Manwel.

Fl-aħħar tal-quddiesa l-Kappillan f’kelmtejn qossra fisser x’inhu l-iskop li niċċelebraw il-Festa u għaliex San Lawrenz għandu jingħata l-glorja u t-tifħir tagħna. Huwa qal li San Lawrenz imita lil Kristu u tant imitah li ta ħajtu għalih għalhekk San Lawrenz huwa qaddis kbir li jidħol għalina quddiem Alla.

Wara l-Kappillan flimkien mas-Sindku ippreżentaw bukkett u xema rispettivament quddiem ix-xbieha ta’ San Lawrenz. Fl-aħħar l-Lawrenzjani ta’ Għawdex ġew mistiedna mill-Lawrenzjani ta’ Malta għal repo flimkien.

Issa flimkien nistennew lil tal-Birgu jiġu huma nhar il-Ħadd li ġej.


L-ground ta’ l-iskola jerġgħa jospita l-Pasta night li ssir kull sena b’risq il-missjoni ta’ Dun Manwel
22 July 2008

Pasta Night 2008

Dun Manwel Cutajar reġgħa jinsab fostna sabiex bħas soltu jieħu l-vaganzi meritati tiegħu wara sena ta’ ħidma b’risq il-missjoni li jmexxi huwa ġewwa Mamurras l-Albanija. Ta’ kull sena l-parroċċa tagħna torganizza attivita’ sabiex permezz tagħha jinġabbru fondi b’risq din il-missjoni. Il-Kumitat tal-fundraising jaħdem sabiex jakkwista’ prodotti sabiex ma jkunx hemm spejjeż u lill Dun Manwel il-parroċċa tagħna tkun tista’ tagħtih somma sostanzjali li tkompli tgħinu fil-ħidma tiegħu.

Għall din l-attivita’ li saret il-bieraħ fil-ground ta’ l-iskola kien hemm mal-200 persuna li bbukkjaw u matul il-ġurnata ż-żgħażagħ tagħna ppreparaw l-ikel kollu li ġie servut filgħaxija. Kienu ħafna dawk il-Lawrenzjani li mhux biss attendew għal din l-attivita’ imma wkoll dawk iż-żgħażagħ u Lawrenzjani li taw id-daqqa t’id tagħhom.

Fl-aħħar tal-Pasta Night kemm il-Kappillan kif ukoll Dun Manwel irringrazzjaw lill dawk kollha li taw sehemhom kif ukoll lil dawk il-Kumpaniji li taw l-offerti tagħhom b’risq din l-attivita’ li kompliet tgħaqdna flimkien ma ħuna Dun Manwel li jinsab jaqdi l-missjoni tiegħu l-barra minn xtutna.


Jaslu lura iż-żewġ gruppi li kienu fuq YOUTH Projects...is-sodisfazzjoni jinqara fuq wiċċhom.
20 July 2008

Il-group li kien Spanja

Illum il-Ħadd 20 ta’ Lulju fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu u aktar tard filgħaxija, group ta’ 24 żagħżugħ u żagħżugħa mir-raħal wasslu lura f’raħalna pero mibdula f’żgħażagħ aktar ewropej u aktar b’viżżjoni miftuħa. Il-group ta’ l-Ingilterra li qatta 8t’ijiem sħaħ f’wieħed mill-isbaħ postijiet ta’ l-Ingilterra eżattament fil-lake district fejn hemm hekk flimkien ma gruppi oħra ta’ żgħażagħ ġejjin mill-Ingilterra, Ġermajna, Spanja u l-Indja ħadu sehem f’exchange mimlija avventura u attivitajiet li komplew jgħaqdu liż-żgħażagħ tagħna aktar flimkien. Dan il-proġett kien imexxi mill-Viċi Sindku Toni Formosa u l-Kunsillier Joe Sultana.

Aktar tard filgħaxija wasal ukoll il-group minn Spanja li kien imexxi minn Lawrence Cauchi dan il-group kompla fuq l-exchange li kien għamel is-sena ta’ qabel ġewwa l-ġermanja fejn hemm hekk kienu ħadu t-tema ta’ċinema. Din l-attivita’ li saret ġewwa Madrid kienet tikkosisti f’li bl-immaġinazzjoni tagħhom joħolqu film mill-bidu sa l-aħħar.

Aħna tkellemna ma wħud minn dawn iż-żgħażagħ li kollha kemm huma fissru s-sodisfazzjon u l-ferħ tagħhom għal din l-esperjenza li fissruha f’kelma waħda “tal-ġen” ilkoll kemm huma qalu li jħarsu l-quddiem sabiex fl-ewwel ċans li jkollhom jerġgħu jieħdu sehem f’xi exchange simili.


L-ispirtu tal-Festa jaqbad ir-ritmu sewwa.
17 July 2008

L-atturi kollha waqt id-dramm

L-erbgħat huma l-mezz li permezz tagħhom aħna nitħejjew tajjeb u b’mod spiritwali għal Festa tal-patrun tagħna San Lawrenz. Ta’ kull ġimgħa għal dawn l-aħħar ġimgħat il-Kappillan flimkien mal-Kunsill Parrokkjali organizzaw attivitajiet sabiex jagħtu lilna l-kommunita’ l-opportunita’ sabiex nidħlu aktar fl-ispirtu veru tal-Festa.

Il-bieraħ l-erbgħa kienet erbgħa partikolari. Group ta’ studenti ħadmu play qasira imma sabiħa dwar il-ħajja ta’ San Lawrenz. Din il-play li kienet miktuba minn Dun Manwel Cutajar is-saċerdot Lawrenzjan li jinsab missjunarju ġewwa l-Albanija kienet tikkonssisti fl-aħħar ġranet ta’ Lawrenz qabel ħa l-martirju. Bil-mod simpatiku tagħhom dawn it-tfal ppreżentaw xeni mill-ħajja ta’ San Lawrenz, xeni partikolari ħafna li jkomplu jwasslu l-istorja b’mod mill-aktar attrattiv.

Fl-aħħar ta’ din il-play il-Kappillan irringrazzja lil dawn it-tfal kif ukoll lill dawk li ħadu ħsieb jgħallmu din il-play lil dawn it-tfal.


Is-Segretarju Parlamentari Chris Said jiltaqa’ mal-Kunsill Lokali San Lawrenz
16 July 2008

Il-Kunsill jiltaqa mal-Onor Chris Said

Nhar il-Ħamis 10 ta’ Lulju, il-Kunsill Lokali San Lawrenz kellu l-ewwel laqgħa uffiċjali tiegħu mas-Segretarju Parlamentari Chris Said li huwa responsabbli mill-Kunsill Lokali.

Din il-laqgħa tifforma parti mis-sensiela ta’ konsultazzjonijiet li l-Gvern qed iniedi bħala Riforma għal-Kunsilli Lokali. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said, irringrazzja lil Kunsill talli għoġbu jilqa l-istedina tiegħu u fiehem l-iskop ta’ dawn is-sensiela ta’ laqgħat li permezz tagħhom għandna nkomplu nsaħħu l-operat tal-Kunsilli Lokali wara l-esperjenza pożittiva li kisbu f’dawn il-ħmistax il-sena li ilhom imwaqqfin. Laqghat simili ser isiru wkoll mal-pubbliku u setturi oħra fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-Sindku Noel Formmosa rringrazzja li Dr Said talli għoġbu jonorana biż-żjara tiegħu fostna. Huwa f’isem il-Kunsill ressaq pjan ta’ proposti u fisser kif l-għan tal-Kunsill huwa li permezz ta’ dawn il-proposti jsir l-aħjar titjib possibli għal ġid taċ-ċittadini tagħna. Huwa fisser ukoll li permezz ta’ l-għodda u l-poteri ġodda li l-Kunsilli Lokali jistgħu jakkwistaw il-quddiem, ikunu jistgħu jgawdu ġenerazzjoniet futuri. Huwa rrefera għal fatt li l-pubbliku ġie mistieden iressaq l-ideat u s-suġġerimenti tiegħu biex jiġu nklużi fil-pjan tal-proposti li prepara l-Kunsill biex permezz ta’ konsutazzjoni aktar miftuħa naċċertaw li nkunu dejjem ta’ l-aqwa servizz.

Waqt il-laqgħa ġew diskussi l-proposti tal-Kunsill u L-Onor Said faħħar lil Kunsill għal kontenut tal-preżentazzjoni ta’ proposti. Huwa aċċcerta lil Kunsill li kull proposta ser tiġi kkunsidrata fl-aqwa nteress tal-poplu kollu.

Il-laqgħa li kienet waħda pożittiva ħafna, ntemmet fuq nota ħelwa billi Dr Said ġie preżentat kejk peress li dik il-ġurnata kienet taħbat għeluq sninu.


Inċident li ħasad ir-raħal imma spiċċa b’wiċċ il-ġid.
15 July 2008

Waqt l-armar tal-koppla

Il-bieraħ għal ħabta tas-7.30pm fil-pjazza tagħna kien hemm attivita’ mhux tas-soltu li sewdet qalb il-Lawrenzjani speċjalment dawk d-dilettanti li jaħdmu għal festa. Pero tajjeb li ngħidu mall-ewwel li dan l-inċident spiċċa b’wiċċ il-ġid għaliex għal gravita’ tiegħu, ma kienx inċident li ħalla marka sewda fuq ir-raħal tagħna. Anzi nistgħu ngħidu li fuq fomm kulħadd kien hemm kelma waħda li dan kien miraklu ta’ San Lawrenz.

Joe Thewma wieħed minn dawk li jħabirku ta’ kull sena fl-armar tal-festa, waqt li kien fuq l-koppla fil-parti t’isfel spiċċa li b’inċident waqa kważi sular u nofs għal fuq il-bejt tal-Knisja. B’miraklu Joe malli spiċċa fuq il-bejt, waħdu qam bil-wieqfa u pprova jikkalma s-sitwazzjoni. Dak il-ħin kull minn kien qed jgħin, b’xokk qawwi fuqhom, ippruvaw jagħtu l-għajnuna f’waqta tagħhom. Ftit tal-minuti wara waslet l-ambulanza kif ukoll l-membri tal-protezzjoni ċivili li niżżlu lil Joe minn fuq il-bejt permezz ta’ l-apparat apposta.

Għal grazzja ta’ Alla u bl-interċessjoni qawwija ta’ San Lawrenz Joe meta wasal l-isptar ġie ċċertifikat mit-tobba li kien jinsab f’kundizzjoni tajba u kull ma sofra kien ksur f’idu l-leminja.

Bħalissa Joe qed fl-isptar għal aktar kura. Il-Kappillan talab sabiex nitolbu għalih u anke għal dawk il-voluntiera kollha li b’sagrifiċċju qed jagħtu mill-ħin tagħhom għal-festa u r-raħal.


Il-group tal-Lectio Divina jagħmel pellegrinaġġ Pawlin u żjara lis-sorijiet tal-klawsura.
13 July 2008

Il-Lawrenzjani mas-Sorijiet tal-Klawsura

Il-bieraħ is-Sibt għaż-żewġ gruppi tal-lectio divina kienet ġurnata partikolari. Wara li l-laqgħat tagħhom li kienu jsiru t-Tnejn u t-Tlieta ġew aġġornati għaż-żmien tas-sajf, ġie deċiż li f’dan l-istaġun xorta waħda jsiru attivitajiet varji minn żmien għal żmien.

Nhar is-Sibt li għadda kienet l-ewwel attivita’ fis-sensiela ta’ attivitajiet li saru għaż-żewġ gruppi flimkien. Din l-attivita’ kienet tikkonsisti f’ mawra lejn Malta li fiha dan il-group li kien jammonta għal madwar erbgħin ruħ kellu ċ-ċans li jiltaqa personalment mas-sorijiet tal-klawsura f’ San Ġiljan fejn hemm hekk hemm ukoll soru minn San Lawrenz, Suor Marie Celine Cassar . Dan il-group ġie milqugħ mis-Superjura Ġenerali li hija wkoll Għawdxija li fissret il-mod tal-ħajja li jgħixu dawn is-sorijiet. Kienet tassew okkażżjoni sabiħa li fiha l-Lawrenzjani setgħu jesperjenzaw b’mod mill-akatar ħaj mumenti ta’ paċi li propju kunvent bħal dan biss jista’ jagħti.

Wara dan il-group baqa sejjer lejn ir-Rabat fejn hemm fil-grotta ta’ San Pawl, il-Kappillan li mexxa dan il-group qaddes il-quddiesa li fiha flimkien mal-group preżent talab għal Malta u Għawdex.


Tfajla minn San Lawrenz tieħu sehem fil-Miss World Malta
30 June 2008

Deborah Grima

Nhar is-Sibt li ġej tfajla minn San Lawrenz Deborah Grima ser tieħu sehem fl-isfiltata ta Miss World Malta bħala waħda mill-konkorenti biċ-ċans li tkun hija li tirrappreżenta lil Malta fil-kompetizzjoni tal-Miss World li ġejja.

Debohra hija tfajla li minn dejjem ipprestat ruħha f'dan il-qasam u ma hemm l-ebda dubju li l-performance tagħha jkun wieħed li jagħmel unur lilha u lill-lokalita' tagħna.

Fi stqarrija li ħareg il-kunsill filwaqt li feraħ lil din it-tfajla awguralha wkoll suċċess f'dan il-qasam, huwa ħeġġeġ lill-Lawrenzjani kollha sabiex jappoġġjaw lill din it-tfajla speċjalment nhar is-Sibt waqt li jkun qed issir il-konkors. Huwa qal li dan huwa mezz ieħor fejn iż-żgħażagħ tagħna jistgħu juru l-kapaċitajiet tagħhom u jkunu ambaxxaturi denji tal-lokalita'.

Sadanitant dan is-sit ġab aktar informazzjoni dwar kif ahna nistgħu ngħinu lil Deborah. Il-kompetizzjoni ser issir nhar is-Sibt li ġej u ser tixxandar diretta fuq Net Tv. Huwa mportanti li kull min jista' jaghti l-vot tiegħu lil Deborah billi jibgħat sms fuq 50615022 u jikteb Deborah Grima. Dan is-sit minn qalbu wkoll jawgura lil Deborah kull suċċess f' din il-kompetizzjoni u għall-ħajja.


ZEWĠ YOUTH EXCHANGES OĦRA
24 June 2008

glaramara

Fadal biss tliet ġimgħat biex żewġ gruppi oġra ta’ żagħżagħ mil-lokal tagħna iħallu lill-xtutna biex imorru jaqsmu esperjenzi oħra ma’ żgħażagh Ewropej f’Youth Exchanges barra minn Malta.

Proprju fit-12 ta’ Lulju ser ikollna żewġ gruppi fl-ajruport ta’ Malta sejrin għall-istess skop iżda f’żewġ proġetti differenti; wieħed f’Madrid fi Spanja u l-ieħor fil-Lake District, l-Ingilterra.

Il-preparamenti għal dawn l-exchanges għaddejjin ġmielhom u ż-żgħażagħ tagħna jinsabu eċitati jistennew il-ġurnata tat-tluq biex tasal. Fil-jiem li ġejjin ser isiru laqgħat informattivi għall-partecipanti kollha. Dawn il-proġetti qed jigu dejjem organizzati mill-Kunsill Lokali b’fondi li jkun akkwista mill-Unjoni Ewropea.


Il-Kunsill iniedi proġett pilota ieħor
16 June 2008

Waqt l-operazzjoni

Il-Kunsill flimkien ma’ l-SPCA Gozo qiegħed f’diskussjonijiet avvanzati biex jagħti bidu għall-proġett pilota, l-ewwel wiehed tax-xorta tiegħu fost il-Kunsilli Lokaili - dak ta’ Pet Neutering (tiswija tal-klieb u qtates) b’XEJN. Normalment din il-biċċa xogħol tiswa bejn €25 u €35. Bħalissa l-Kunsill qiegħed jiġbor informazzjoni mingħand ir-residenti biex naraw x’interess hawn u dwar in-numru ta’ klieb u qtates li għandhom.

Tajjeb niftakru li l-problema ta’ klieb u qtates jiġġerrew mat-toroq u oħrajn li qed jiġu maqtula hija allarmanti u għalhekk permezz ta’ dan il-proġett inkunu qed nillimitaw in-numru ta’ dawn l-annimali jiġġerrew mat-toroq tagħna.

Għalhekk ġentilment qegħdin nitolbu lir-residenti tagħna biex jgħinuna billi jimlew il-kwestjonarju li qed jitqassam f’kull dar u jiġi rritornat lura fl-uffiċċju tal-Kunsill sa mhux aktar tard minn nhar il-Hamis 19 ta’ Gunju f’nofsinhar fl-Uffiċju tal-Kunsill. Kull min jirrispondi dan il-kwestjonarju ser ikun intitolat li jipparteċipa f’lotterija ta’ €30 f’top-up cards tal-mobile li titla fl-ewwel laqgħa li jmiss tal-Kunsill..


Tiġi fi tmiemha l-Ġurnata għad-Dinja b’ċerimonja tassew suġġestiva
14 June 2008

Waqt ic-cerimonja

Il-bieraħ fit-8.30pm filwaqt li l-lokalita’ ta’ San Lawrenz kienet tinsab fid-dlam il-Kunsill Lokali organizza l-aħħar attivita’ minn sensiela ta’ attivitajiet fl-okkażżjoni tad-Day For the World.

F’din iċ-ċerimonja qasira imma tassew sabiħa saret laqgħa ta’ talb li l-protagonisti tagħha kienu tlett denominazzjonijiet ta’reliġjonijiet li flimkien talbu għall-paċi fid-dinja. Fid-diskors inawgurali tiegħu s-Sindku Noel Formosa wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Kunsill laħaq l-għan tiegħu għal din il-ġurnata, qal li l-Kunsill Lokali San Lawrenz ried iwassal il-messaġġ u joħroġ mill-konfini tiegħu sabiex miċ-ċokon tiegħu jagħmel xi ħaġa għad-Dinja. Qal li l-ġurnata kollha ffukat fuq żewġ elementi mportanti ħafna dak ta’ l-ambjent bl-attvitajiet ekoloġiċi u ambjentali u filgħaxija bil-laqgħa interkulturali fl-okkażżjoni tas-sena interkulturali.

Is-serata kienet imżejna b’mużika u żfin pero l-qofol tagħha kien meta ġew mistiedna r-rappreżentanti tar-reliġjonijiet, dawk Musulmana, Anglikana u l-Knisja Kattolika. Fuq il-palk dawn it-tlieta separatament għamlu talbiet lill-Alla għal paċi fid-Dinja, kienu talbiet tassew kommoventi u ħerġin mill-qalb. Il-ġemgħa miġbura talbet magħhom fis-skiet. Fl-aħħar it-tlett rappreċentanti xegħlu flimkien ix-xemgħa tal-paċi. Dak il-ħin il-ġemgħa infexxet f’ċapċipa ġenwina li kkumplimentat l-atmosfera tassew sabiħa li nħolqot f’dak il-mument partikolari.


Bdejna sewwa!!
13 June 2008

Is-surmast flimkien ma l-ghalliema dehlin bil-mixi

Illum hija l-ġurnata għad-dinja kif stajna nsewgu matul dawn l-aħħar ġimgħat illum il-Kunsill Lokali tagħna qed jorganizza ġurnata speċjali li fiha sejrin aktar minn qabel naħsbu fid-dinja u fl-importanza li għandna nagħtu sabiex nużaw enerġija mill-inqas.

Il-kommunita’ ta’ San Lawrenz tidher li kienet ippreparata tajjeb għal dan il-jum u jidher li kulħadd huwa konxju biex f’din il-ġurnata jagħmel dik ix-xi ħaġa aktar sabiex kemm jista’ jkun inqqas l-impatt negattiv li jista jinħoloq.

Dalgħodu l-karozzi qed jintużaw mill-anqas pereżempju diġa nnutajna li s-surmast u l-għalliema ta’ l-iskola li jiġi minn irħula oħra illum iddeċidew li jużaw karozza waħda. Din hija xi ħaġa pożittiva ħafna u l-messaġġ pożittiv li qed jagħtu lill-istudenti huwa wieħed qawwi ħafna.

Sa danittant fi Trejqet l-10 t’ Awissu qed issiru l-aħħar preparamenti sabiex minn hawn u ftit tal-ħin ieħor jibda l-coffee morning u aktar tard isir it-tħawwil tas-siġar u tal-pjanti f’diversi partijiet tar-raħal tagħna.

Aħna matul din il-ġurnata sejrin nippruvaw ikunu attenti biex ma nħallu xejn jaħarbilna u nkunu magħkom bl-aktar aħbarijiet eskulssivi.


Sar it-tħawwil tas-siġar u l-pjanti.
13 June 2008

Waqt it-thawwil tas-sigar

Fl-10.00 ta dalgħodu t-tfal flimkien ma l-għalliema irħewla lejn Triq ta’ Bieb il-Għar u hemm hekk fir-roundabout fejn hemm il-monument ta’ Dun Ġużepp Cauchi sar it-tħawwil ta’ pjanti tas-sardinell. U fejn hemm il-monument ta’ Nicholas Monsarrat sar tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ.

Iż-żewġ attvitajiet, it-tfal kienu l-protagonisti, pero mhux f’dawn biss għax it-tfal għandhom rwol importanti u nteressanti ħafna matul din il-ġurnata. Bħalissa fil-pjazza hemm wirja li t-tfal tagħna ppreparaw. F’din il-wirja t-tfal bl-imaġinazzjoni tagħhom għamlu crafts li biex għamluhom użaw biss materjal riċiklabbli. Jiġifieri li minn oġġetti diġa użati bħal ma huma flixken tal-plastic, rombli tal-karti u oħrajn huma ħolqu crafts tassew ħelwin.

Aktar tard s-Segretarju Parlamentari għal Gvern Lokali l-Onor Chris Said sejjer iqassam kotba lil dawn it-tfal sabiex jippremjahom ta’ dan l-isforz li għamlu sabiex permezz tiegħu jwasllu messaġġ lillna l-kbar li huwa tajjeb u hemm fejn jista’ jiġi wżat materjal riċeklabbli għal dan il-għan.


Fil-pjazza saret l-attivita’ tat-tqassim tal-bozza
13 June 2008

Waqt id-Diskorsi tal-Ministri

Din il-ġuranta hija tassew impenjattiva imma jidher li l-affarijiet kollha mexjin kif kien ipprogrammat. Għalkemm kien ftit tar-riħ xorta waħda ma qatax qalb il-familji tagħna li jattendu bi ħġarhom għal attivitajiet li qed jiġu organizzati. Bejn l-11.30 u nofs inhar saret iċ-ċerimonja qasira imma tassew ħelwa u sinjifikanti li fiha t-tfal esponew il-prodotti li huma ħolqu minn oġġetti riċiklati.

Fil-11.30am wasal fostna is-Segretarju Parlamentari l-Onor Chris Said li t-tfal mal-ewwel stednuħ biex jara l-‘proġetti’ li wettqu huma bl-imaġinazzjoni tagħhom. F’kelmtejn qosra l-Onor Said fisser lit-tfal l-importanza ta’ dak li wettqu u wkoll ħeġġeġ lill-Kunsill ikompli jmexxi attivitajiet simili ‘l quddiem. Fl-aħħar l-Onor Said qassam kotba lit-tfal li jfakkru dan l-avveniment.

Ftit wara waslu wkoll l-Onor Ministri Ġovanna Debono u George Pullicino li anke hawn l-istess tfal esprimew l-għaxqa tagħhom juru l-esibizzjoni bix-xogħol li wettqu huma.

F’kelmtejn tas-Sindku Noel Formosa qal li bil-preżenza ta’ l-awtoritajiet ta’ pajjiżna f’dik l-okkażżjoni tkompli tagħmel kuraġġ lill-Kunsill li jkompli jinvesti f’edukazzjoni simili.

Il-Ministru ta’ affarijiet Rurali George Pullicino faħħar lir-residenti Lawrenzjani mhux biss ta’ din l-inizjattiva imma wkoll għaliex ir-raħal tagħna jinsab fit-2 post għal dak li huwa separazzjoni ta’ l-iskart. Din l-aħbar intlqagħet b’ċapċipa kbira.

Il-Ministru għal Għawdex Ġovanna Debono qalet li r-raħal ta’ San Lawrenz huwa xempju għal lokalitajiet oħra fl-attivitajiet li jorganizza hija qalet li din l-attivita’ tmur tajjeb ħafna mal-kunċett li qed jaħdem fuqu bħalissa l-Gvern dak li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika.

Issa wara nofs inhar ser issir partita football fil-pjazza organizzata mis-St. Lawrence Spurs FC u wara ser issir il-lejla għal- paċi.


L-ewwel saff ta’ tarmak għal Triq il-Wileġ
12 June 2008

Triq il-Wileg bit-tarmak

Illum l-aħħar parti ta’ Triq il-Wileġ rat l-ewwel kisja tarmak fl-istorja tagħha. B’hekk issa nistgħu ngħidu li t-toroq kollha ta’ San Lawrenz li huma kompetenza tal-Kunsill Lokali issa jinsabu kollu lesti.

Ix-xogħol f’din it-triq miexi ġmielu. Sadanittant qed jiġu rranġati wkoll xi ħitan u wkoll sar tindif u bini mill-ġdid tal-waterculvert li jeżisti. Dan ġie miksi bi gradi biex ma jkunx perikoluż kif kien qabel.

Appena jkun lesti dawn ix-xogħolijiet kollha, it-triq tingħata l-aħar kisja biex tikkumplimenta mal-kumplament tat-toroq. Minkejja li din it-triq mhix fil-qalba tar-raħal, tintuza ħafna peress li tgħaqqad ir-raħal ta’ San Lawrenz ma dak ta’ l-Għarb.


Il-preparamenti għad-Day for the world qed jilħqu l-qofol tagħhom
11 June 2008

Il-logo ta

Smajna ħafna fuq il-Ġurnata għad-Dinja li l-Kunsill Lokali ser jorganizza nhar il-ġimgħa. Matul dawn l-aħħar ġimgħat fi djarna irċivejna diversi informazzjoni li permezz tagħha stajna nippreparaw ruħna aħjar. Jumejn oħra din il-ġurnata tilħaq il-qofol tagħha, filgħodu parti mill-pjazza tingħalaq għat-traffiku u jinżamm Coffee Morning fiha.

Matul il-ħin ta’ filgħodu wkoll, it-tfal ta’ l-iskola jħawwlu siġar u pjanti fl-istess skola u fir-roundabout tal-Monument ta’ Dun Ġuzepp Cauchi. Fil-pjazza ser tiġi mtellgħa wirja ta’ oġġetti magħmula minn materjal recycled kif preparati mill-istess tfal. Wara premjazzjoni ta’ l-aħjar proġett mis-Segretarju Parlamentari l-Onor Chris Said.

F’din il-ġurnata ser tingħata wkoll informazzjoni dwar kif nistgħu niffrankaw l-enerġija billi nużaw bozoz energy saving. Għal-ħabta ta’ nofs inhar il-Ministru George Pullicino u l-Ministru Ġiovanna Debono flimkien mas-Sindku ser iqassmu bozza energy saving lil kull familja minn San Lawrenz.

Imbgħad bejn i-1730 u 1830 il-pjazza terġa tingħalaq għat-traffiku u jinżammu partiti tal-futbol fiha.

L-aħħar attivita’ għal din il-ġurnata partikolari hija fit-2030 fejn fi Triq ta’ Bieb il-Għar ser tinżamm laqgħa ta’ talb għal paċi fid-dinja. Bħala programm ser tinkorpora żifna, mużika, u talb għall-paċi mil-kapijiet ta’ reliġjonijiet differenti li hawn f’Malta. Is-serata tintemm billi tinxtegħel fjamma minn dawn il-mexxejja lokali tar-reliġjonijiet.

Hija drawwa sabiħa tal-Kunsill Lokali li kull darba jorganizza festin sabiex flimkien inħossuna familja waħda.


Il-President tal-Kumitat tar-Reġjun jibgħat jifraħ lill-Kommunit’ ta’ San Lawrenz fl-okkażżjoni tad-Day for the World
10 June 2008

Il-President tal-Kumitat tar-Regjuni Luc Van de Br

Matul din il-ġimgħa fil-Kunsill Lokali waslet ittra mingħand il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni is-Sur Luc Van den Brande. F’din l-ittra il-president ta’ dan il-kumitat importanti fi ħdan l-Unjoni Ewropeja faħħar lir-raħal tagħna għal din l-attivita’ importanti li ser iwettaq nhar il-Ġimgħa li ġej 13 ta’ Ġunju 2008.

Fl-ittra tiegħu il-President Van den Brande fisser din l-attivita’ bħala eżempju tajjeb li għadnu jiġi imitat mhux biss mill-bqija ta’ l-irħula f’ Għawdex u f’ Malta imma wkoll mill-bqija ta’ l-Ewropa. Huwa qal f’dinja mgħaġġla l-Kunsill Lokali ser jieqaf u jiffoka fuq żewġ aspetti mportanti ħafna u wkoll li huma mportanti għall-umanita’. Dawn l-aspetti dak ta’ l-ambjent u dak tal-paċi huma żewġ pilastri importanti li jenħtieġ li l-umanita’ tagħhtihom importanza kbira.

Mitlub jikkumenta dwar din l-ittra s-Sindku Noel Formosa wera s-sodisfazzjon tiegħu li din l-attivita’ mhux biss qed tintlaqa tajjeb minn nies tal-lokal imma wkoll mill-awtorijiet ewropej. Huwa qal li l-Kunsill qed jilħaq l-ikop ta’ din l-okkażżjoni li jwassal il-messaġġ li anke jekk aħna żgħar nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex id-dinja tkun aħjar.

Sadanitant minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li l-Ministru George Pulicino Ministru għal-ambjent u affarijiet rurali ikkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu f’dan l-event, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Ġovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari l-Onor Chris Said.


Saret Press Conference li tħabbar id-Day for the World
06 June 2008

Waqt il-konferenza stampa

Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret f’Lukanda f’ San Pawl il-baħar is-Sindku Noel Formosa ħabbar il-kunċett u l-programm li ġie mfassal mill-Kunsill Lokali għal attvita’ ekoloġika li ser issir f'raħalna bit-tema A Day for the World.

Is-Sindku li kien akkompanjat mill-Kunsilliera u l-manager G. Vella & Sons, importaturi tal-GE f' Malta fisser kif din il-ġurnata hija mmirata sabiex tinħoloq aktar sensibilazzjoni dwar l-użu ta’ l-enerġija alternattiva u wkoll dwar id-djalogu interkulturali. Għal dan il-għan ġew involuti t-tfal, ż-żgħażagħ u familji b’diversi attvitajiet għalihom matul il-ġurnata kollha. Fosthom il-Kunsill Lokali ser iqassam b’xejn bozza energy saving bl-appoġġ ta' General Electric u l-kumpanija G Vella & Sons, lill kull familja Lawrenzjana u filgħaxija ser issir laqgħa sabiħa bejn tlett denominazzjoniet tar-reliġjonijiet li għandna f’pajjiżna, Musulmani, Kattoliċi u Anglikani.

Saħaq ukoll fuq il-punt li għal din l-attivita’ l-Kunsill Lokali San Lawrenz qed isib l-appoġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, tant hu hekk li l-President ta’ dan il-Kumitat Luc Van den Branden bgħat ittra biex jifraħ liċ-ċittadini ta’ din il-lokalita’ u stqar li l-eżempju tagħhom għandu jservi ta’ eżempju tajjeb mhux biss għall-Maltin u l-Għawdxin imma wkoll għall-Ewropa.


L-iskola tagħna tippubblika it-tieni ħarġa tagħha.
03 June 2008

Kopja tal-Harġa

Tiskanta kif anke fi skola żgħira wieħed isib ukoll materjal u ħeġġa sabiex kull sena jiġi ppubblikat fuljett bil-ħidma li wettqet din l-iskola.

Matul il-ġimgħa li għaddiet l-iskola tagħna irnexxielha toħroġ il-perjodiku tagħha għat-tieni sena konsekuttiva. Ma l-ewwel daqqa t’ għajn tinnota bil-ħidma kbira li din l-iskola wettqet favur it-tfal tagħna u dawk it-tfal li jattendu f’din l-iskola. Wieħed jista jinnota l-kwalita’ għolja ta’ edukazzjoni li l-iskola tagħna qed toffri. Il-komponimenti kif ukoll poeżiji biż-żewġ lingwi li jidhru f’ din il-ħarġa huwa xhieda ta’ dawn. Ir-ritratti ta’ l-attivitajiet li jiġu organizzati fl-iskola huma xhieda ħajja ta’ l-inpenn tas-surmast, ta’ l-għalliema, l-istaff u l-Kunsill skolastiku favur l-edukazzjoni ta’ wliedna.

Kollox ma kollox dan il-perjodiku huwa xhieda li fl-iskola tagħna għaddej ħafna u ħafna xogħol. Qed ninvestu sabiex il-ġenerazzjoni ta’ għada tkun ħafna aħjar minn dik tallum. F’kumment li ta l-Kunsill Lokali wara din il-ħarġa qal li jħossu moħħu mistrieħ bil-ħidma li qed twettaq l-iskola tagħna. Huwa qal li fl-edukazzjoni ma nkunu wasalna qatt imma awgura li jkompli jinżamm dan ir-ritmu għaliex wara kollox huma t-tfal tagħna li qed igawdu. F’isem ill-kommunita’ kollha l-Kunsill Lokali rringrazzja lis-Surmast, għalliema, staff u Kunsill skolastiku għal ħidma kbira li jwettqu. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-ġenituri sabiex jaħdmu id f’ id ma’ l-iskola favur l-edukazzjoni ta’ wliedhom.


Il-Bieraħ saret il-Griżma ta’ l-Isqof
02 June 2008

L-erbgha studenti waqt ic-cerimonja

Għal Matthew Cauchi, William Portelli, Roberta Sultana u Jason Theuma, il-bieraħ kienet ġurnata speċjali f’ħajjithom.

Akkompanjati mill-ġenituri tagħhom u l-parini dawn l-istudenti tagħna rċivew is-sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof minn idejn l-Isqof Mario Grech. Wara li rċivew dan is-sagrament il-qniepen tal-Knisja daqqew mota sollenni biex il-kommunita’ kollha tifraħ. Verament il-mod li bih kienet organizzata din l-okkażżjoni kienet festa tal-kommunita’ kollha. Kien jinħass l-ispirtu li l-kommunita’ kellha għalfejn tingħaqad.

Fil-bidu tal-quddiesa il-Kappillan ippreżenta lil dawn l-erbgħa adoloxxenti u l-Isqof saqsa jekk humiex ippreparati tajjeb għal dan is-sagrament. Jidher li saret preparazzjoni tajba, hekk irrisponda l-Kappillan. Fl-omelija tiegħu l-Isqof poġġa diversi sfidi quddiem dawn iż-żgħażagħ tagħna li permezz tagħhom iggwida l-mod ta’ kif in-nisrani matur għandu jimxi fil-ħajja tiegħu.

Wara l-omelija dawn l-erbgħa kandidati għal dan is-sagrament ġeddew il-wegħdiet tal-magħmudija, liema wegħdiet kienu saru mill-ġenituri tagħhom fil-magħmudija. Issa kienu huma stess li ġeddew l-impenn tagħhom fil-ħajja nisranija.

Il-mument tal-Griżma wasal ukoll. B’mod tassew personali l-Isqof amministra dan is-sagrament lil dawn l-erbgħa membri maturi ġodda tal-kommunita’ tagħna.

Minn qalbna dan is-sit jingħad mall-kommunita’ u jifirħilhom!!


Il-Kunsill Lokali jkompli jsosstni lill-iskola tagħna
31 May 2008

Waħda mill-klassijiet wara li sar x-xogħol fuqha

Bħalissa fl-iskola Primarja tagħna għaddej xogħol ta manutenzjoni fuq il-klassijiet kollha. Hija x-xewqa tal-Kap ta’ l-iskola u l-għalliema li l-klassijiet ikunu kollha miżmuma fi stat tajjeb sabiex jinħoloq ambjent san u sabiħ li t-tfal tagħna jieħdu gost jattendu fih.

Din l-istess politika hija mħaddma mill-Kunsill Lokali tagħna li jemmen li qabel kollox lit-tfal għandna noħolqulhom ambjent li fih iħossuhom milqugħa. Dan kollu wassal sabiex il-Kunsill Lokali joffri l-ħaddiema tiegħu b’xejn lill-iskola sabiex minn żmien għall-ieħor l-klassijiet jiġu mantenuti u wara jingħataw dik id-dehra friska li tkompli tagħmel lill-iskola tagħna waħda li tħossok komdu tkun ġo fiha.

Apparti dan, f’dan il-proġett ġew involuti l-istudenti nfushom li bl-immaġinazzjoni tagħhom għamlu disinni li wara li l-klassi tiġi miżbugħa jitwaħħlu fuq il-ħitan u jinħolqu ambjent tassew akkoljenti.

Minn stqarrija maħruġa mill-iskola primarja jidher li dan ix-xogħol miexi ġmielu u wkoll qed jintlaqa tajjeb mhux biss mill-istudenti imma anke mill-ġenituri tagħhom. L-iskola rringrazzjat lill-Kunsill Lokali għal kooperazzjoni anke f’dan il-proġett u ħeġġet sabiex inizjattivi simili jkomplu jiġu mwettqa fil-futur għall-ġid tat-tfal tagħna.


Sit internazzjonali jagħti prominenza lid-Day for the World
30 May 2008

Il-bieraħ fuq is-sit internazzjonali tal-Group Popolari Ewropew (fi ħdan il-kumitat tar-reġjuni) http://www.epp.cor.europa.eu/ il-Kunsill Lokali tagħna ingħata prominenza kbira dwar l-attivita’ li ser tiġi organizzata fit-13 ta’ Ġunju li ġej, fir-raħal tagħna bl-isem “A day for the world” .

Jidher li din l-attivita’ qed tolqot ħafna il-għajn minħabba li għandha suġġett attwali ħafna.

Din il-ġurnat ser titfa dawl fuq il-bżonn li l-ibliet u l-irħula jibdew jikkonsidraw bis-serjeta l-impatt tas-sħana globali u tal-problemi li ġġib magħha kif ukoll l-isfidi tal-bidla fil-klima. Fuq dan is-sit ġie enfasizzat ukoll l-punt li l-Kunsill tagħna qed jisħaq fuqu dak li għalkemm San Lawrenz huwa lokalita’ żgħira pero xorta waħda jista’ jagħti s-sehem tiegħu biex jgħin fil-ġlieda li qed tagħmel id-dinja kontra dan il-fenominu.

Dan is-sit qed jagħti ukoll inoformazzjon tal-programm tal-ġurnata u fost l-oħrajn isemmi bi prominenza l-attivita’ ta’ talb għall-paċi li ser issir propju biex fid-dinja tirrenja wkoll għall-paċi.

L-Kunsill fi stqarrija b’reazzjoni għal din l-aħbar fisser is-sodisfazzjon tiegħu għal din l-okkażżjoni u qal li jħossu ferm sodisfatt li anke l-media internazzjonali qed tirrikonoxxi l-isforz li qed tagħmel il-lokalita’ tagħna anke b’dimensjoni globali.


Jibdew l-Erbgħat ta’ San Lawrenz bil-kbir!
29 May 2008

Il-gemgha waqt ic-cerimonja

Il-bieraħ l-Erbgħa l-kommunita’ taghna bdiet it-triq tagħha lejn il-festa. Din is-sena festa speċjali fejn qed jitfakkar l-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz. U ma setax jonqos li l-erbgħat jibdew wkoll b’xi ħaġa speċjali.

Il-Kappillan stieden lill-kommunita’ kollha sabiex din il-mixja tagħna lejn il-Festa nibdewha mill-post fejn l-ewlenin insara tar-raħal tagħna kienu jinġabbru biex iqimu lil Alla u jagħtu ġieħ lil San Lawrenz.

Peress li kien il-maltemp ma kienx possibbli li din il-Ewkaristija ssir fejn previst pero saret fil-bitħa ta’ l-iskola li wkoll tinsab qrib ħafna l-post fejn jingħad li kienet l-ewwel kappella.

Qabel bdiet il-quddiesa s-Sindku għamel aċċenn għall-istorja ta’ raħalna u fisser għaliex intagħżel dan il-post. Interssanti li mill-istorja joħroġ ċar ħafna li raħalna u l-ewwel kappella jissemmew fl-1545.

Wara nbdiet il-quddiesa mmexxija mill-Kappillan Nazju Borg flimkien mal-Vigarju Fr Charles u Patri Gabriel. Fl-omelija tiegħu l-Kappillan saħaq ħafna kif għandu jkun in-nisrani li għandu jkun bħal San Lawrenz li jagħti kollox lil Alla saħansitra ħajtu. Enfasizza wkoll l-aspett li l-Festa għandha tkun mument qawwi fejn nitqaddsu aktar.

Wara l-quddiesa sar il-pellegrinaġġ lejn il-Knisja bl-inkwadru l-antik li sfortunatament ma teżistix storja dwaru pero nafu fi żgur li dan kien l-inkwadru tal-Kappella l-antika.


Ix-xogħol fuq Triq il-Wileġ miexi u kważi lest
28 May 2008

Waqt li huwa ghaddej ix-xoghol

Kull minn għadda minn Triq il-Wileġ seta jinnota xogħol għaddej fuq l-aħħar parti tagħha. Kif ġie mħabbar kemm il-darba il-Kunsill qed iwettaq proġett ieħor ta’ infrastruttura fuq it-toroq tagħna. B’dan il-Kunsill ser ikun f’pożizzjoni li jlestti l-obbligi tiegħu f’dak li huma toroq kompetenza tiegħu.

Dan ix-xogħol fuq din it-triq jinkorpora fih l-immaniġjar ta’ l-ilma tax-xita u wkoll il-manutenzjoni tal-ħitan, wara li jsir dan ser jingħata wiċċ bit-tarmak. Ta’ min ifakkar ukoll li qabel sar dan ix-xogħol kollu ġie mgħoddi wkoll is-servizz tad-drenaġġ li kien nieqes minn din il-parti tat-triq. B’hekk ukoll issa ir-residenti kollha ta’ San Lawrenz jinsabu moqdija bis-servizz tad-drenaġġ.

Mitlub jikkumenta minn dan is-sit is-Sindku Noel Formosa stqarr il-kuntentizza tal-Kunsill tiegħu li kien kapaċi li jikkonkludi dan ix-xogħol. Fl-istess waqt huwa talab għall-prudenza f’dawn it-toroq speċjalment mit-trakkijiet li ħafna drabi qed ikunu ta’ dannu għal dawn it-toroq kif ukoll is-sewqan bla kontroll li qed joffri periklu għar-residenti tagħna.


Entużjażmu fost l-istudenti ta’ l-iskola tagħna
27 May 2008

l-istudenti waqt il-ħidma tagħhom

Bħala parti mill-attivitajiet li l-Kunsill nieda fl-okażżjoni tad-Day for the World hemm kompetizzjoni fost il-klassijiet ta’ l-iskola tagħna. Din il-kompetizzjoni tinvoldi lill-istudenti tagħna biex joħolqu idea dwar kif jistgħu jużaw affarijiet magħmulha minn materjal riċiklabli.

Il-bieraħ dan is-sit żar uħud mill-klassijiet waqt li kienu qed jaħdmu fuq dawn il-proġetti. Jidher li l-idejat u l-entużjażmu mhux qed jonqos. Bil għajununa ta’ l-għalliema, t-tfal qed joħorġu bl-idejat u fl-istess ħin qed ikunu kreattivi ħafna. “Ir-reazzjoni tat-tfal kienet waħda pożittiva ħafna” hekk staqqret waħda mill-għalliema li ħadna l-kummenti tagħha. Dan huwa pożittiv ħafna għaliex permezz t’hekk it-tfal mhux biss qed jiġu nvoluti mma wkoll qed juru li qed jifhmu s-sinjifikat ta’ din il-ġurnata partikolari.

Sa dan it-tant ħadna wkoll l-opportunita’ u tajna titwila fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali fejn hemm hekk stajna nsegwu l-ħidma li għaddejja għal din il-ġurnata. Bħalissa jidher li qed jiġi finalizzat il-programm tal-ġurnata b’mod partikolari l-attivita’ li ser tagħlaq din il-ġurnata, jiġifieri l-laqgħa ta’ talb għall-paċi bejn id-denominazzjonijiet tar-reliġjonijiet li għandna f’ pajjiżna.


Il-Bieraħ saret il-Festa u l-Purċissjoni tal-Korpus
26 May 2008

Waqt il-Purċissjoni

Fis-6.00 tal-bieraħ filgħaxija il-kommunita’ parrokkjali tagħna inġabbret fil-Knisja sabiex flimkien mas-Saċerdoti tiċċelebra l-ewkaristija fl-okkażżjoni tal-Festa tal-Korpus. Il-Festa li tfakkar il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Din il-Festa kienet tradizzjonalment issir il-Ħamis pero minn meta saret ir-riforma tal-liturġija din il-festa bdiet issir il-Ħadd ta’ wara t-Trinita’ Mqaddsa. Għal din il-quddiesa kienu mistiedna speċjali it-tfal li għamlu l-ewwel Tqarbina nhar il-Ħadd li għadda.

Wara l-quddiesa li fiha l-kappillan kompla jisħaq fuq l-importanza li l-Parroċċa żżomm iċ-ċentru tagħha l-Ewkaristija, saret il-purċissjoni bl-Ġesu Ewkaristija. Fuq quddiem wara li mxew il-fratelli u t-terzjarji mxew it-tfal tal-parroċċa li xeħtu fjuri quddiem Ġesu Ewkaristija sabiex Hu jgħaddi minn fuqhom.

Kif inhi it-tradizzjoni din il-purċissjoni għaddiet minn Trejqt l-10 t’ Awissu, Triq il-Wileġ, Triq Ta’ Ċangura u Triq id-Duluri. Fl-aħħar tal-purċissjoni ingħatat il-barka sagramentali fil-Knisja.

Din il-Festa tal-Korpus fetħet ukoll Ġimgħa Ewkaristika li fiha l-parroċċa ser tenfasizza aktar l-importanza li nkunu Parroċċa Ewkaristika.


GE tisponsorja l-bozza energy saving lil kull familja Lawrenzjana.
21 May 2008

Il-bozza li ser tinghata lil kull familja

Il-Kunsill Lokali wasal fi qbil mal-Kumpanija mondjali GE (General Eletric) sabiex fl-okkażżjoni tad-Day for the World toffri l-bozza energy saving lil kull familja Lawrenzjana.

Din l-attivita’ qed tintlaqa' tajjeb mhux biss mir-residenti ta’ San Lawrenz imma wkoll mill-pubbliku nġenerali. Dan huwa mezz ta’ kif għalkemm aħna żgħar nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex intejbu l-ambjent li fih ngħixu u anke ngħinu sabiex nipprevenju xi diżastru li minnu tbati s-soċjeta kollha kemm hi.

Dwar dan l-akkwist dan is-sit tkellem mas-Sindku Noel Formosa li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kumpanija daqshekk prestiġuża ser tidħol sħab f’din l-attivita’ dan juri li dan l-event huwa event li qed jiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd. Is-Sindku ħeġġeġ lil-Lawrenzjani kollha sabiex jippreparaw u jieħdu sehem fl-attivita’ li ser issir fit-13 ta’ Ġunju, permezz tagħha r-raħal ikun għal darb’ oħra qed joħloq l-eżempju ta’ inizjattivi simli.

Sadanitant it-tfal ta’ l-iskola għaddejjin ukoll b’diversi attivitajiet li permezz tagħhom qedgħdin iħaddmu l-immaġinazzjoni dwar kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu bi skart riċeklabli.


Il-bieraħ saret l-ewwel tqarbina lit-tfal tagħna.
19 May 2008

It-tfal flimkien mal-qassisin

Il-bieraħ il-Ħadd festa tat-Trinita’ Qaddisa l-parroċċa tagħna ferħet ma' sebat itfal mill-parroċċa li rċevew għall-ewwel darba lil Ġesu’ Ewkaristija.

Il-funzjoni bdiet fl-10:30am fejn it-tfal ħarġu flimkien mas-saċerdoti u resqu lejn l-artal. Il-Kappillan fil-bidu tal-quddiesa ħeġġeġ lill-kommunita’ sabiex titlob għal dawn it-tfal u waqt l-omelija tiegħu ħeġġeġ lill-ġenituri sabiex jagħtu lit-tfal lil Kristu u jagħtuhom il-ħin li għandhom jagħtuhom. Wara l-omelija l-ġenituri għaddew lill-uliedhom ix-xemgħa mixgħula mill-blandun l-istess xemgħa li kienu xegħlu huma f’isem uliedhom fil-magħmudija tagħhom.

Fl-aħħar wasal il-mument li kienu qed jistennew dawn it-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom. Il-kappillan sejħilhom wieħed wieħed u stedinhom jirċievu għall-ewwel darba il-ġisem u d-demm ta’ Kristu.

Stajna naraw fuq wiċċ dawn it-tfal is-serenita u l-kuntentezza tagħhom b’tagħlima għalina lkoll li l-paċi vera jista’ jagħtiha biss Kristu.

It-Tfal li rċivew dan is-sagrament huma Elena Attard, Martina Cassar, Lara Farrugia, Justin Grima, Marthese Grima, Gabriella Micallef, Gian Luca Terribile.


Il-ġemllaġġ taghna ikompli jikseb suċċessi u jagħti l-benefiċċji
18 May 2008

Waqt l-inawgurazzjoni

Xi drabi diversi ġemellaġġi jilħqu l-qofol tagħhom mal-firma tal-ġemellaġġ u sfortunatamnet jieqfu biss mal-firma. Mhux hekk qed jiġri pero għall-ġemellaġġ mibdi madwar għaxar snin ilu bejn il-lokalita’ ta’ San Lawrenz u dik ta’ Colle Umberto ġewwa il-provinċja ta’ Treviso Colle Umberto.

Kienet ix-xewqa taż-żewġ amministrazzjonijiet li dan il-ġemellaġġ ma jkunx marbut biss ma l-amminstrazzjonijiet imma fuq kollox maċ-ċittadini tal-lokalitajiet. Kien propju għalhekk li fil-ħames snin ta’ qabel saret preparazzjoni għal dan fost iċ-ċittadini. Wara li ġie ffirmat il-ġemellaġ b’mod uffiċċjali il-kuntatti bejn in-nies issaħħew.

Dan il-ġemellaġġ mhux biss qed ikun ta’ suċċess fuq bażi kulturali u anke ekonomika imma wkoll mill-aspett ta’ pubbliċita’ għal Malta.

Fl-aħħar żjara li saret mill-group tas-St Lawrence Spurs bejn it-8 u t-13 ta’ Mejju 2008 waqt skambju bejn it-tim Għawdxi u dak Taljan, is-Sindku Noel Formosa li akkompanja dan il-group inawgura sala f’Lukanda importanti ġewwa Colle Umberto li ingħatat l-isem ta’ “San Lawrenz”. Dan sar fuq inizjattiva personali tas-sidien ta’ din il-lukanda li tant ħadu mpressjoni pożittiva ta’ San Lawrenz meta żaru l-post li xtaqu li jsemmu din is-sala propju għal San Lawrenz sabiex kull minn jidħol fiha isaqsi għaliex San Lawrenz u jkunu huma stess li jirreklmaw lill San Lawrenz u lil Għawdex.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni apparti il-group ta’ żgħażagħ Lawrenzjani attendew ukoll l-ogħla awtoritajiet tal-lokalita’ ta’ Colle Umberto kif ukoll tar-reġjun. Preżenti wkoll kien hemm s-sid ta’ kumpanija kbira fl-Italja li llum topera b’mod mondjali li grazzi għall-ġemellaġġ ta’ San Lawrenz illum inbdiet ukoll attivita’ ekonomika ma’ kumpanija f’ Għawdex.


Il-Kunsill jorganizza attivita' b'risq id-Dinja...
16 May 2008

Ejjew nagħmlu xi għad-Dinja

Kulħadd xi darba jew oħra semgħa kemm hu importanti li nagħmlu xi ħaġa biex kemm jista’ jkun nużaw materjal li ma jagħmilx ħsara lid-dinja. Nisimgħu b’diversi inizjattivi li jiġu organizzati madwar id-dinja b’dan l-iskop.

Jekk ma ssirx xi ħaġa urġenti inkunu qedgħin inkomplu nipperikolaw xi diżasttru li jħalli danni kbar għal umanita’.

Anke aħna miċ-ċokon nistgħu nagħmlu xi ħaġa.. u ser nagħmlu xi ħaġa!!!

Il-Kunsill Lokali tagħna nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju ser jorganizza ġurnata sħiħa li qed insejħulha għad-dinja. Fiha ser ikun involut kulħadd tfal, żgħażagħ, familji u anzjani. Ser nagħtu bozza li ma taħlix dawl lil kull familja. Aktar tard ser nippubblikaw programm dettaljat dwar l-attivitajiet li ser norganizzaw matul din il-ġurnata.

Sadanitant il-Kunsill jixtieq li kulħadd għandu jieħu inizjattiva personali f’ din il-ġurnata, bħal pereżempju nużaw mill-inqas il-karozza, naħlu mill-inqas dawl u ilma kif ukoll affarijiet oħra żgħar bħal dawn li nkunu qed ngħinu sabiex noħolqu aktar kuxjenza fina nfusna dwar dan l-aspett. Sa dak inhar il-Kunsill qed jistieden lil kulħadd jaħseb ftit u jekk hemm xi ideja il-Kunsill qed jistiednek sabiex tibgħat email fuq sanlawrenz.lc@gov.mt


Il-bieraħ sar il-pellegrinaġġ għal Ta’ Pinu
15 May 2008

Il-Pellegrinaġġ jersaq lejn is-santwarju ta

Il-bieraħ l-Erbgħa it-tieni erbgħa tal-Madonna ta’ Pinu il-kommunita’ tagħna ġiet mistiedna sabiex tagħmel pellegrinaġġ lejn dan is-santwarju li ta’ kull sena jiġbed eluf ta’ nies lejh partikolarment kull nhar ta erbgħa.

Dan il-pellegrinaġġ sar bħala parti mill-attivitajiet li dan is-santwarju qed jorganizza fl-okkażżjoni tal-125 anniversarju mis-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima u Franġisku Portelli.

Il-pellegrinaġġ telaq minn fejn is-siġra ta’ Pinu fejn minn hemm hekk il-Kappillan mexxa t-talb. Fil-bidu ta’ dan il-pellegrinaġġ mxiet bandalora bl-immaġini tal-Madonna ta’ Pinu u wara mxiet il-miġemgħa Lawrenzajna li nġabret għal dan il-mument.

Meta dan il-pellegrinaġġ wasal fis-santwarju ta’ Pinu saret quddiesa mmexxija minn Dun Ġużepp flimkien mal-Kappillan u l-Vigarju dun Charles. Il-vanġelu inqara minn Dun Charles fil-waqt li l-omeilja saret mill-Kappillan Nazju Borg li fiha tkellem dwar ir-rwol tal-Madonna fil-ħajja ta’ Kristu u wkoll fil-ħajja tagħna.

Fl-aħħar tal-Quddiesa dun Gerald Buhagiar ir-Rettur ta’ dan is-santwarju ippreżenta lil Dun Ġużepp b’rigal fl-okkażżjoni tal-ħamsin sena mis-saċerdozju tiegħu. Dun Ġużepp ilu għal dawn l-aħħar snin joffri s-servizzi tiegħu lil dan is-santwarju, partikolarment fil-konfessjonarju.


Suċċess ieħor għall-ġemellaġġ tagħna.
14 May 2008

Il-group taz-zghazagh flimkien mad-dirigenti ta

Il-bieraħ bil-lejl wasal lura il-group ta’ 16-il parteċipant li ħadu sehem fi skambju ieħor mat-tewmin tagħna ta Colle Umberto. Dan il-group li ħalla Malta nhar it-8 ta’ Mejju wasal lura mal-vapur tad-9.15pm.

Aħna li konna preżenti għar-ritorn tagħhom stajna naraw is-sodisfazzjon fuq wiċċ il-parteċipanti, li jikkonferma l-gost li ħadu dawn iż-żgħażagħ.

Il-programm kien wieħed varjat ħafna u wieħed li interessa liż-żgħażagħ tagħna. Iż-żjara ta’ Venezja kienet l-ewwel waħda fil-programm u permezz tagħha ż-żgħażagħ daħlu sewwa fl-istorja tar-Reġjun tal-Veneto. Żjara oħra li nteressathom kienet il-mawra fil-mużew iddedikat lil Cannova u wkoll iż-żjara li saret fil-Vajont fil-provinċja ta’ Belluno fejn hemm hekk ġew imdawra mad-diga li fis-sittinijiet kienet kexkxet lill-Italja u d-dinja bit-traġedja li ħalliet ma l-2000 ruħ mejta wara li nofs muntanja ċediet minħabba l-intervent ta’ din id-diga. Il-muntanji miksija bis-silġ kienu wkoll ta spettaklu u ma naqax it-tfiegħ ta’ silġ lejn xulxin fi spirtu ta’ festa.

Il-parteċipanti iltaqgħu wkoll mas-Sindku ta’ Colle kif ukoll żaru r-realtajiet li jagħmlu lill-lokalita’ ta’ Colle Umberto waħda tassew interessanti. Pero l-isbaħ mument kien meta taħt xita bil-qliel it-tim tagħna kien kappaċi jżomm draw lil wieħed mit-timjiet ta’ Colle Umberto. Kien bil-penalties li t-Taljani rnexxielhom jirbħu lit-tim tagħna.

Aħna ħadna xi kummenti ta’ dawn iż-żgħażagħ mal-wasla tagħhom il-kumment ta’ kull wieħed minnhom kien li kienet esperjenza tal-ġen, pero l-aktar ħaġa li mpressjonathom kienet l-akkoljenza mill-qalb li dan il-group tagħna rċieva ġo Colle Umberto mill-Assoċjazzjoni tal-Ġemellaġġ u n-nies ta’ Colle Umberto.


Tal-Football illum jitilqu lejn Colle Umberto
08 May 2008

Huma ħafna dawk il-Lawrenzajni li matul is-sena fuq inizjattiva personali tagħhom jiddeċiedu li jżuru il-ħbieb tagħhom ġewwa Colle Umberto u viċi versa. Din hija xi ħaġa sabiħa ħafna u dan juri li dan il-ġemellaġġ tagħna qed irabbi l-egħruq. Il-Kunsill Lokali dejjem emmen li biex ġemellaġġ ikun effettiv l-ikbar ħbiberija għandha tkun bejn iċ-ċittadini tal-lokalitajiet differenti. Għall grazzja t’ Alla dan qed iseħħ!!

Pero minn żmien għal żmien il-Kunsill Lokali flimkien ma l-għaqdiet tar-raħal jieħu ħsieb li jorganizza skambji li jinteressaw lill-għaqda partikolari, dan isir sabiex ikomplu jissaħħu r-rabtiet mhux biss bejn l-amministrazzjoniet ta’ l-għaqdiet diversi tagħna imma wkoll sabiex jinbtu aktar ħbiberiji partikolari li jkomplu jsaħħu il-ġemellaġġ li għandna ma Colle Umberto.

Tard illum bil-lejl group ta’ 16-il persuna li jiffurmaw parti minn St Laurence Spurs, it-tim tagħna tal-football, ser iħallu xtutna sabiex jgħaddu ħamest ijiem mat-“tewmin” tagħna ta’ Colle Umberto. Dan l-iskambju ser ikun wieħed interessanti ħafna għaliex l-players u l-kumitat tal-football tagħna ser ikollhom l-opportunita’ li jiltaqgħu mal-players u l-Kumitat taljan. Żgur li din ser tkun esperjenza sabiħa għaliex permezz t’hekk ikunu jistgħu jkabbru l-għarfien tagħhom dwar din il-logħba u jkabbru u jwessgħu aktar il-ħbiberiji li diġa jeżistu.

S-Sindku Noel Formosa ser jakkompanja wkoll din id-delegazzjoni.


Nhar il-Ħadd huwa Jum l-Omm pero...
07 May 2008

Waqt l-attvita

Nhar il-Ħadd li ġej id-dinja kollha ser tiċċellebra l-Jum l-Omm, jum li fih insellemu lill-Ommijietna kemm dawk li għadhom magħna u anke dawk li diġa bdew igawdu frott ħidmithom hawn fuq din l-art.

Pero it-tfal ta’ l-iskola tagħna antiċipaw din il-ġurnata u ċċelebraw dan il-jum għażiż kmieni il-ġimgħa li għaddiet eżattement nhar il- Ġimgħa 2 ta’ Mejju filgħodu. Kienu ħafna dawk l-ommijiet u n-nanniet li attendew għal din il-ġurnata.

It-tfal ippreparaw programm ħelu ħafna li fih sellmu lill-ommjiethom. Din l-okkażżjoni bdiet permezz taċ-ċelebrazzjoni ta’ l-ewkaristija mmexxija minn Patri Gabriel Micallef li bħalissa jinsab fostna fuq btala mill-missjoni tiegħu ġewwa l-Awstralja.

Wara din il-quddiesa it-tfal bdew bil-programm tagħhom li għalkemm kien wieħed qasir pero kien suġġestiv ħafna u dan kien jidher fuq wiċċ l-ommijiet kollha li attendew.

Sadanitant dan is-sit jixtieq jawguraw l-isbaħ xewqat lill-ommijiet kollha.


Illum daħlet fis-seħħ l-iskema tas-separazzjoni ta’ l-iskart mid-djar
06 May 2008

L-iskart wara l-bibien tagħna

Kull min dalgħodu għadda mit-toroq tagħna seta’ jinnota xi ħaġa mhux tas-soltu wara l-bibien tagħna. Illum bdejna niseparaw l-iskart mid-djar tagħna.

Kif tħabbar fl-aħħar ħarġa ta’ l-avviżi tal-Kunsill, pajjiżna beda jgħix esperjenza oħra li permezz tagħha sejrin inkomplu ngħinu biex niddisponu tajjeb mill-iskart tagħna. S’issa konna qed nużaw fil-bring in sites. Issa dan bdejna nagħmluh minn djarna stess.

Matul il-ġimgħa li għaddiet fid-djar tagħna irċevejna kupun biex jinġabru boroż apposta li fihom għandu jintefa biss l-iskart li ser nisseparaw.

Għal dan il-għan il-Kunsill Lokali qer jagħmel ġabra extra kull nhar ta’ Tlieta bejn is-7.30am u t-8.30am. Bdejna millum it-Tlieta 6 ta’ Mejju 2008. Din ser tkun għall-borża l-griża BISS.

Huwa mportanti ħafna li jiġu mħarsa s-suġġerimenti li qed tingħataw biex din is-sistema tkun suċċess.

L-iskart li jingabar fil-boroż il-griżi li qed jinġabbru mill-Kunsill għandu jkun METAL (bottijiet eċċ) KARTA (gazzetti, magazine u karti oħra) u PLASTIK ( flixken ta’ l-ilma tax-shampoo u tal-likwidu tal-ħasil)


Il-Prim Ministru l-Onor Lawrence Gonzi jżur il-Fiera tad-Dwejra
05 May 2008

Il-Prim Ministru flimkien mas-Sindku waqt il-Fiera

Il-bieraħ mijiet ta’ Maltin u Għawdxin għal darb oħra ħonqu il-bajja tad-Dwejra sabiex jieħdu sehem f’ edizzjoni oħra tal-Fiera tad-Dwejra. Fiera li bħas-snin preċedenti kienet waħda suċċess, kemm mill-aspett organizzattiv u anke mill-aspett ta’ attendenza.

Is-Sibt il-ġurnata kollha il-kumitat ħabbrieki tal-Festa ta’ barra kien diġa preżent fl-għalqa fejn issir il-Fiera biex jarma l-armar neċessarju sabiex il-bieraħ il-Ħadd 4 ta’ Mejju dawk li niżlu d-Dwejra sabu kollox lest minn filgħodu kmieni sabiex jieħdu gost f’ġurnata mimmlija divertiment.

It-temp kien wieħed straordinarju, temp sabiħ u xemxi li kompla joffri spettakklu mill-aqwa li qabel tajjeb ma’ l-ambjent uniku li toffri biss il-Bajja tad-Dwejra.

B’sorpriża għal kulħadd għall-ħabta tal-11.00am rajna il-Prim Ministru u s-Sinjura tiegħu li żaru din il-Fiera. Il-Prim Ministru ġie milqugħ mis-Sindku Noel Formosa u l-President tal-Kumitat tal-Festa is-Sur Michael Grima. Il-Prim Minsitru faħħar lill-kommunita’ tagħna għal mod ta’ l-organizazzjoni kif ukoll għas-sehem volontarju li bih il-kommunita’ Lawrenzjana ħadmet. Huwa żar l-istands kollha u ltaqa wkoll ma dawk preżenti. Qabel ħalla d-Dwejra, s-Sinjura Gonzi ġiet ppreżentata qasrija fl-okkażżjoni taż-żjara tagħhom kif ukoll fl-okkażżjoni ta’ Jum l-Omm li ser jaħbat nhar il-Ħadd li ġej.


Nhar il-Ħadd li ġej il-Fiera tad-Dwejra
02 May 2008

Il-Poster ta

Nhar il-Ħadd li ġej 4 ta’ Mejju, il-lokalita’ tagħna għal sena oħra ser terġa tkun impenjata fil-Fiera tad-Dwejra.

Din il-Fiera hija appuntament annwali mhux biss għall-Għawdxin imma wkoll għal Maltin. Din is-sena l-Fiera wkoll qed tifforma parti mill-Gozo 1234 li qed issir ġewwa Għawdex għalhekk huwa maħsub li diversi maltin li f’dan il-weekend jinsabu Għawdex jagħtu titwla lil din il-Fiera tradizzjonali ta’ l-Għawdxin.

Biex jilħqu għad-domanda tal-Maltin li ser ikunu f’ Għawdex l-organizzaturi qed jaħsbu sabiex fost il-lotteriji li ser jittellgħu jkun hemm weekend breaks u ikliet f’ Lukandi u Restoranti mxerdin ma Malta u Għawdex.

Meta tkellemna mal-kumitat li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ din il-Fiera qalulna li kollox jinsab lest, j’alla issa ikun temp sabiħa ħalli din il-ġurnata tkun ġurnata oħra għal familji li jridu jieħdu gost f’ambjent mill-aqwa, dak tal-bajja tad-Dwejra.

Aħna tajna ħarsa lejn il-prevenzjonijiet tat-temp u jidher li għal nhar il-Ħadd għandha tkun ġurnata sabiħa…minn qalbna awguri li din l-edizzjoni ta din is-sena tkun edizzjoni oħra li tagħti gost lil familji…kif wara kollox għamlet s’issa din il-Fiera.


L-anzjani tagħna ħarġu ħarġa oħra
24 April 2008

L-anzjani zaru l-Muzew Marittimu

Wara pawsa qasira, l-Kunsill reġa organizza ħarġa oħra għall-anzjani. Il-bieraħ filgħodu grupp ta' madwar 40 anzjan u anzjana, erħewlha lejn ir-raħal tan-Nadur fejn qattghu nofs ta’ nhar ta’ mistrieh.

Il-ħarġa tagħhom bdiet b’quddiesa fil-knisja tal-Qalb ta’ Gesu li wkoll tinsab fil-lokalita’ tan-Nadur, li tqaddset minn Patri Gabriel Micallef li bhalissa jinsab fostna. Wara l-grupp żar il-Muzew Marittimu li jinsab biss ftit passi bogħod. Xi wħud wara kellhom l-opportunita’ li jaraw ftit l-attivita’ kummerċjali li toffri l-pjazza tan-Nadur speċjalment peress li dakinhar inserta wkoll li kien hemm armat il-monti.

Żewġ logħbiet tombla u ikla tajba bħas-soltu ma naqsux lanqas. Mar-ritorn tagħhom f’San Lawrenz għal ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar, ilkoll kemm huwa esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-organizazzjoni u b’wiċċhom minn quddiem staqsewna biex ma ndumux ma nerġghu noħorġuhom ħarġa. Minn naħa tagħna nwegħdukom “li ma ndumux!”


Għall-Quarter Final tal-programm “Ħadd Għalik”
17 April 2008

Il-partecipanti waqt l-programm

Tiftakru sew bil-parteċipazzjoni tagħna fil-programm popolari “Ħadd Għalik” fejn permezz tal-punteġġ gholi li ksibna issa kwalifikajna għall-Quarter finals ta’ din is-sensiela. Fil-fatt it-tim San Lawrenz huwa l-uniku tim Għawdxi li għadda għal dawn il-finali.

Hija sfida akbar fil-fatt dik li għaliha jrid jidħol it-tim tagħna nhar il-Hadd 20 t’April. Ser nerġgħu nikkompetu din id-darba kontra t-tim tal-Ħamrun.

Jakkumpanjawna bħala udjenza, minbarra nies mil-lokal, ser ikollna lil Ta’ Ċangura Folkgroup li wkoll ser itellgħu żifna waqt l-istess programm.

Dan is-sit jawgura success lill-parteċipanti u nwegħduhom is-sapport kollu tagħha. Forza San Lawrenz!


Ir-raħal tagħna illum iċċelbra l-50 ta’ Dun Ġużepp bħala saċerdot
13 April 2008

Dun Guzepp waqt il-korteo lejn il-knisja

Illum ir-raħal tagħna sebaħ f’arja ta’ festa. Minn filgħodu il-qniepen ħabbru li r-raħal tagħna kien qed jiċċellebra xi ħaġa speċjali. Il-banda ċittadina La Stella telgħet lejn Triq Ċangura minn fejn flimkien mal-Kappillan, Dun Charles u Patri Gabriel Micallef li qed hawn mill-Awstralja u saċerdoti oħra wassllu lil Dun Ġużepp lejn il-Knisja tagħna, l-istess Knisja li fiha Dun Ġużepp ħamsin sena ilu qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu.

Il-Knisja kienet ppakkjata bil-familjari, qraba ħbieb u l-parroċċani ta’ San Lawrenz li ingħaqdu ma Dun Ġużepp f’ din l-okkażżjoni speċjali mhux biss għalih imma anke għall-kommunita’ kollha tagħna. Ir-Rettur tas-Seminajru l-ex kappillan tagħna Dun Daniel Xerri niseġ priedka tassew sabiħa dwar is-saċerdozju u kif is-saċerdot huwa l-bniedem ta’ Alla għal qadi ta’ għajru.

Fl-aħħar tal-quddiesa il-Kappillan Nazju Borg rringazzja wkoll lill Dun Ġużepp tax-xhieda kbira tiegħu tas-saċerdozju nisrani huwa qal f’din il-festa li ħabtet ukoll f’ Jum il-vokazzjonijiet għandna nitolbu għal aktar saċerdoti speċjalment mill-parroċċa tagħna. Wara dan il-messaġġ inqraw żewġ poeżiji waħda ta’ Rita Cauchi u l-oħra ta’ Dun Manwel Cutajar, li jinsab missjunarju f’ l-Albanija li ma setax ikun magħna minħabba xogħol urġenti fil-missjoni tiegħu.

Il-bieraħ filgħaxija saret ukoll velja ta’ talb għal vokazzjonijiet imexxija mir-Rettur tas-Seminarju flimkien mas-seminaristi.


Jiġu konklużi x-xogħoljiet kollha marbuta mad-Drenaġġ
04 April 2008

Dehra tar-raħal mit-Triq il-Wileġ

Dan l-aħħar il-Kunsill kien ħabbar li wasal sabiex akkwista l-konferma li l-Korporazzjoni għas-servizzi ta’ l-ilma testendi l-aħħar żewġ servizzi ta’ drenaġġ fir-raħal biex b’hekk issa nistgħu ngħidu li kull abitazzjoni fir-raħal tista’ tgħid li għandha s-servizz tad-drenaġġ.

Ir-raħal tagħna dejjem seta jiftaħar li n-nuqas ma kienx wieħed kbir pero, xorta waħda l-Kunsill ma riedx joqgħod bi kwietu qabel jara li kull abitazzjoni kienet qed tinqeda. Bil-proġet li sar dan l-aħħar fi sqaq fi Triq it-Torri kif ukoll fi Triq il-Wileġ din il-ħolma tal-Kunsill qed tiġi realizzata. Dan ix-xogħol ġie fi tmiemu dan l-aħħar.

Aħna ħadna l-kummenti tal-Kunsill Lokali tagħna li filwaqt li esprima s-sodisfazzjoni għal dan il-gwadan ħabbar ukoll li ssa ser jagħmel l-aħħar biċċa xogħol fi Triq il-Wileġ u ser jagħti t-tarmak lil din il-parti tat-Triq li kienet għadha tistenna dan ix-xogħol.

Is-Sindku Noel Formosa qal li fil-jiem li ġejjin ser toħroġ l-offerta għal dan ix-xogħol. Meta mistoqsi minna dwar kemm ħa jieħu żmien dan ix-xogħol huwa qalilna li malajr kemm jista’ jkun ser toħroġ l-offerta u wkoll wiegħed li l-Kunsill fl-offerta tiegħu ser ikun iebes fil-perjodu ta’ żmien ta’ meta jkun ser jinħadem ix-xogħol.


Il-Fiera tad-Dwejra – Nhar il-Ħadd 4 ta’ Mejju-
01 April 2008

Waqt il-Fiera tas-sena l-oħra

Il-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz ħabbar li l-Fiera tad-Dwejra din is-sena ser issir Nhar il-Ħadd 4 ta’ Mejju u dan sabiex dan l-avveniment tradizzjonali Għawdxi, jidħol jifforma parti min-Notte Gozitana li din is-sena ser issir nhar l-1,2,3u r-4 ta’ Mejju bl-isem ta’ Gozo1234.

Il-Fiera tad-Dwejra li ilha ssir għal dawn l-aħħar 45 sena llum saret tifforma parti mill-patrimonju kulturali ta' l-Għawdxin. Huwa propju għalhekk li tissejjaħ il-Fiera Tradizzjonali ta' l-Għawdxin. Il-Fiera saret sinonima għaliex toffri divertiment għal familja kollha u wkoll għadha ssir b'mod tradizzjonali ħafna tant hu hekk li anke l-istess premijiet li jintrebħu huma kollha marbuta mat-tradizzjoni, bħal ma huma gidien, ħrief, fniek oġġetti tad-dar u diversi oġġetti oħra. Kull kategorija ikollha xi ħaġa speċjali għalija allura ġew introddotti logħob ghat-tfal bħal ma huma dawra bil-poni, train u logħob ieħor oriġinali li jattira kemm lit-tfal u anke lill-kbar. Fuq kollox din il-Fiera ssir f'waħda mill-isbah spots li għandna f' Għawdex; il-bajja tad-Dwejra. Il-Fiera tibda mill-10.00 u tibqa sejra sat-20:00.

Bħalissa il-Kumitat jinsab impenjat jipprepara l-aħħar preparamenti ma dak kollu li għandu x’jaqsam ma pubbliċita’. Ta’ minn isemmi li din il-Fiera tinvolvi diversi helpers li b’imħabba iqattgħu ġranet jippreparaw għal dan l-event.


L-Unjoni Ewropea terġa tibgħat rappreżentant tagħha sabiex janalizza l-andament tal-Proġett tad-Dwejra
27 March 2008

Waqt il-Laqgħa li Angolini u n-Nature Trust kellho

Il-bieraħ fil-bajja tad-Dwejra flimkien man-Nature Trust kien hemm ukoll l-Awditur imqabbad mill-Unjoni Ewropea sabiex janallizza dak li sar fil-bajja tad-Dwejra mill-fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Huwa għamel żjara intensiva ħafna li matulha għamel diversi mistoqsijiet sabiex ikun żgur li l-proġett tal-Management tal-Bajja tad-Dwejra sar kif kellu jsir. Wara ż-żjara tiegħu fil-bajja huwa ltaqa mas-Sindku Noel Formosa fil-Kunsill u flimkien iddiskutew il-problemi kif ukoll l-andament ta’dan il-proġett importanti ħafna. Is-Sindku ippreżenta l-problemi kollha relatati ma dan il-proġett u stqarr li ma huwiex faċli proġett bħal ma huwa dak tad-Dwejra peress li d-Dwejra għandha diversi stake holders li mhux dejjem huma kompatibbli flimkien. Noel Formosa fisser lil Dr Angolini (l-awditur) kif bħala kumitat maniġerjali ħadem biex jilħaq bilanċ fost is-setturi kollha, huwa kompla billi qal li bid-difetti kollha jħossu sodisfatt li l-kumitat kien kapaċi joħloq dan il-bilanċ.

Dan ikkonfermah ukoll Dr Angolini li fi kliemu qal li verament jixtieq li kull proġett relatat ma zona daqshekk partikolari bħal ma huwa dan tad-Dwejra jiġi imitat dan il-proġett għaliex jidher li il-ħidma li saret u għadha qed issir saret b’għaqal.

Is-Sindku irringrazzja wkoll lin-Nature Trust li qal li kienet strumentali ħafna biex dan il-proġett seta jseħħ.


Il-Kappillan jibda jżur id-djar
25 March 2008

Il-Kappillan iberek lin-nies fil-Knsija

Il-bieraħ ingħata bidu għat-tberik tad-djar. Wara l-festi ta’ l-Għid kif inhi drawwa mill-aktar antika l-Kappillan tal-Parroċċa joħroġ iżur il-familji u jberikom.

Din is-sena fil-parroċċa tagħna kuntrarju għas-soltu dan it-tberik ser jieħu fit-tul dan għaliex il-Kappillan Nazju Borġ peress li hija l-ewwel sena tiegħu hawn fostna ddieċieda li biex isir jaf aktar lill-membri ta’ din il-parroċċa jagħti aktar ħin lill-familji. Huwa xtaq li din tkun okkażżjoni li fiha huwa bħala r-ragħaj spiritwali ta’ din il-parroċċa isir jaf aktar il-“merħla fdata f’idejh”

Aħna ħadna l-kummenti ta’ wħud mill-membri ta’ din il-parroċċa dwar din is-sistema l-ġdida u kienu ħafna dawk li wrew ruħhom sodisfatti ħafna, li permezz t’hekk it-tberik ser jieħu dimensjoni aktar familjari u aktar intimu għaliex ser ikollhom l-okażżjoni li jitkellmu mal-Kappillan b’kunfidenza u b’aktar trankwillita’.

Tajjeb li ngħidu wkoll li din is-sena wkoll il-kappillan qed iżur lill-familji waħdu.


Kontroversja fid-Dwejra
24 March 2008

L-istruttura li qed tinbena

Struttura li qed tinbena dan l-aħħar fil-bajja tad-Dwejra qajmet reazzjoni kemm fuq bażi lokali u anke fuq bażi nazzjonali. Tant hu hekk li sezzjoni mill-media tat coverage lil din l-aħbar. Minn sorsi ta’ min joqgħod fuqhom dan is-sit għandu l-informazzjoni li l-MEPA ssospendiet dan ix-xogħol biex tara jekk ix-xogħol hux qed isir skond kif jitlob il-permess.

Meta tkellemna mal-Kunsill Lokali dwar ir-reazzjoni tiegħu l-Kunsill qal li dak li qed jinbena huwa parti mill-Ċentru Interpretattiv li l-management plan li saret għad-Dwejra b’konsultazzjoni ma kulħadd u approvat mill-MEPA kien qed jitlob li jsir. L-Kunsill serraħ moħħ kulħadd li fejn daħal il-Kunsill dak kollu li kien obbligat jagħmel għamlu b’mod trasparenti ħafna u ġejna murija d-dokumenti kollha relatati. L-Kunsill qal ukoll li ma jsib l-ebda oġġezzjoni li l-MEPA tanalizza kif qed tagħmel bħalissa li kollox qed isir skond il-permessi. Wara kollox hija l-MEPA li apporvat it-tali permess.

L-istħarriġ li għamel dan is-sit jirriżulta wkoll li l-management plan għad-Dwejra li ilha tinħadem għal dawn l-aħħar snin titlob li dan il-pjan għandu jipprovdi ċentru interpreattiv, kif ser tkun parti minn din l-istruttura.


Kristu rebaħ il-Mewt
23 March 2008

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-bieraħ

Il-bieraħ bil-lejl il-kommunita’ tagħna ingħaqdet mal-bqija tad-Dinja u ċċelbrat b’mod l-aktar sollenni il-qawmien mill-mewt tas-Sinjur tagħna Ġesu Kristu. Kien mument li l-kommunita’ tagħna għexitu wara mixja kemm tar-Randan Imqaddes u anke wara t-tlett ijiem tal-Ġimgħa Imqadsa.

Fid-21:00 il-kommunita’ inġabbret fil-pjazza u filwaqt li kulħadd kien imdawwar man-nar il-ġdid il-Kapillan ta bidu għal din l-akabar ċelebrazzjoni tas-sena. Xi ħaġa nnovattiva ta’ din is-sena kienet l-użu tal-pulptu, minn hawn tkantat l-excultet jew aħjar it-Tħabbira ta’ l-Għid, fil-waqt li nqara l-evanġelju minn fuq l-istess post. Fl-aħħar tal-quddiesa l-Kappillan qassam figolla lit-tfal kollha preżenti u wkoll ix-xema ta’ l-Għid lil dawk kollha li ħadu sehem f’din l-ewkaristija.

Dalgħodu il-Knisja mad-dinja kollha qed tiċċelbra din l-akbar festa. Aktar tard dalgħodu l-Papa Benedettu XVI ser jagħti l-barka Orbi et Urbi f’diversi lingwi fosthom dik bil-Malti


“Ġranet li fihom naħsbu aktar fuq l-imħabba ta’ Alla għalina”
21 March 2008

Waqt il-hasil tas-saqajn ta wiehed minn dawk maghz

Illum il-Ġimgħa l-Kbira, il-ġurnata li fiha l-Knisja Kattolika tfakkar il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Ġurnata li fiha l-Knisja ssellem lis-Salib bħala l-mezz tal-fidwa tal-bniedem. Dik l-injama li fuqha laqgħet il-ġisem ta’ Kristu sabiex ingħata għad-dnubiet tagħna. Ma jistax jonqos li l-parroċċa tagħna wkoll tiċċelbra dawn il-ġranet bil-kbir. Kif rajna s’issa matul din il-ġimgħa saru attivitajiet biex jippreparaw lill-kommunita’ tagħna. Issa wasalna fil-qofol ta’dawn il-festi.

Il-bieraħ fil-għaxija fil-parroċċa saret il-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka li fiha jsiru ġesti tassew sbieħ. Pero l-aktar ġest li jispikka huwa dak tal-ħasil tar-riġlejn. Din is-sena b’differneza mis-soltu dan il-ġest kien aktar sinjifikanti għaliex il-Kappillan xtaq li dan il-ġest ma jsirx fuq l-artal imma jkun hu, l-Kappillan li jinżel qalb in-nies u ħasel is-saqajn ta’ 12 –il persuna. Fl-omelija tiegħu l-Kappillan fisser li n-nisrani biex vera jkun nisrani tajjeb għandu jmantni lilu nnifsu bl-ewkaristija imbgħad għandu jkun “nisrani tal-fardal” l-istess bħal ma kien Kristu.

Fl-aħħar tal-quddiesa il-Kappillan ħa lil Ġesu Ewkaristja fl-artal tar-riposizzjoni armat apposta fejn bieb il-kbir sabiex issir adorazzjoni minn dawk il-ħafna li kif hija d-drawwa jduru seba knejjes.

Sa dan it-tant f’dan il-jum il-Knisja tistedinna sabiex ngħadduh fis-sawn, silenzju u talb.


Il-poplu jimxi wara l-imgħallem tiegħu
20 March 2008

Waqt il-pellegrinagg tar-Redentur

Fi skiet taqtgħu b’sikkina, miksur biss mill-ħsejjes tal-ktajjen miġbuda minn irgiel wara li għamlu xi weghda, fit-toroq tagħna il-bierah il-Lawrenzjani imxew wara l-istatwa ta’ Ġesu Redentur.

It-talb animat mill-Kappillan flimkien ma’ Dun Charles u s-Seminarista Joseph Curmi, mexxew il-kommunita’ waqt dan il-pellegrinaġġ li jsir kull sena fit-toroq Duluri, Ċangura, Torri u Ġebla tal-Ġeneral.

Waqt l-omelija tiegħu fil-quddiesa li saret qabel il-pellegrinaġġ il-kappillan saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet li ma għandhomx ikunu mumenti li jmorru mar-riħ imma li jgħinuna biex ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kulljum bil-preżenza ta’ Kristu quddiemna.

Dalgħodu l-Kappillan flimkien mas-Sacerdoti tal-parroċċa, ingħaqdu ma’ l-Isqof u s-saċerdoti kollha Għawdxin u fil-Katidral ta’ Għawdex iċċelebraw Jum is-saċerdot. Issa l-lejla waqt konċelebrazzjoni, il-Kappillan ser jagħmel il-ġest li għamel Kristu fiċ-ċenaklu, dak li jaħsel saqajn tnax il-persuna magħzula apposta minn fost il-kommunita’ tagħna.


It-tfal ta’ l-ewwel tqarbina jagħmlu l-ewwel qrara.
19 March 2008

Wiehed mit-tfal jersaq ghal qrar

Kif wegħdnikom matul din il-ġimgħa dan is-sit ser iżommkom infurmati b’dak kollu li jkun qed jiġri fil-knisja tagħna, fl-okkażżjoni tal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa li ser iwasslu sabiex nhar is-Sibt bil-lejl jiġi ċċelebrat l-akbar lejl tal-Knisja, dak tal-Qawmien tas-Sinjur tagħna Ġesu Kristu.

Il-bieraħ it-Tlieta is-sebgħa tfal li ser jagħmlu t-tqarbina resq għall-ewwel darba f’riġlejn il-Knisja fil-preżenza tas-saċerdot sabiex jistqarru dnubiethom u jitolbu lil Ġesu maħfra tan-nuqqasijiet żgħar tagħhom. Dan il-ġest ser ikompli jressaqhom għal dik il-ġurnata li fiha sejrin jirċievu lil Ġesu għal ewwel darba. Mhux biss it-tfal kienu mistiedna għar-rikonċiljazzjoni il-bieraħ imma anke l-kbar, tant hu hekk li l-bieraħ kienet iċċelebrata ġurnata speċjali sabiex il-parroċċani kollha jersqu għall-qrar bħala preparzzjoni denja għal akbar ġrajja dik ta’ meta Ġesu għeleb il-mewt.

Issa aktar tard il-lejla ser isir il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesu Redentur. Dan il-pellegrinaġġ jaf il-bidu tiegħu fl-1983 meta kienet ġiet mfakkra is-sena tar-redenzjoni mill-Knisja Kattolika. Fil-bidu kien isir bil-kurċifiss imbgħad aktar tard kienet saret l-istatwa ta’ Ġesu Redentur.


Il-Kunsill jerġa jqajjem il-problema kbira li qed tinkwetah dik ta’ nuqqas ta’ dixxipplina mit-trakkijiet fit-toroq tagħna
18 March 2008

Problema tat-trakkijiet

Il-preokkupazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-volum kbir ta’ trakkijiet li qed jidħlu fil-lokal tagħna biex jarmu r-radam taghhom huwa allarmanti, hekk fisser din il-problema s-Sindku Noel Formosa waqt li l-laqgha li saret mas-Supretendent tal-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex.

Il-bieraħ is-Sindku flimkien mas-Segretarja ltaqgħu mas-Supretendent t’Għawdex Antonello Grech fejn iddiskutew fit-tul din il-problema bil-patt li tinsab soluzzjoni mmedjata. Is-Sindku stqar li ma jistax ikun li ma jgħaddux trakkijiet mill-lokal izda daqshekk ieħor enfasizza għal fatt li għandu jkun hemm rispett lejn in-nies tagħna u aktar dixxipplina speċjalment fejn jidħol l-speed. Huwa kkundanna l-ispeed eċċessiv kif ukoll nuqqasijiet oħra u stqarr li ser ikun iebes ħafna u mhux ser jhalli lil ħadd jabbuża mill-kommunita’ tagħna.

Is-Supretendent wiegħed li minn naħa tal-korp ser jikkopera billi fit-toroq prinċipali ser ikun hemm pulizija li jissorvelja dan kollu. Iż-żewġ awtoritajiet qablu ma’ din is-sistema bit-tama li jkun hemm miljorament għal din il-problema.


Il-Parroċċa tagħna tidħol fi żmien partikolari, dak tal-Ġimgħa Mqaddsa
17 March 2008

Mument waqt il-purcissjoni

Permezz tal-Festa ta’ Ħadd il-Palm il-parroċċa tagħna tat bidu għaż-żmien li fih jitfakkar il-passjoni, l-mewt u fuq kollox il-qawmien ta’ Ġesu Kristu mill-mewt. Il-festa tal-bieraħ kienet festa partikolari li fiha il-parroċċani kienu mistiedna sabiex iġorru Palma u friegħi taż-żebbuġ miċ-Ċimetrju sal-Knisja Parrokkjali tagħna. Aħna tkellemna mal-Kappillan u talbnieħ jagħtina spejgazzjoni ta dawn il-ġranet partikolari li l-parroċċa tagħna sejra tgħix mal-Knsija Universali.

Il-Kappillan iddiskriva l-okkażżjoni tal-bieraħ bħala festa li riedha Kristu nnifsu u huwa għalhekk li Ħadd il-Palm hija festa speċjali fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja. Huwa qal li ried li din il-purċissjoni titlaq miċ-Ċimterju għax xtaq li jitwassal il-messagg li Kristu huwa rebbieħ fuq il-mewt, u għalina li nemmnu l-mewt hija rebħ.

Dawn il-funzjonijiet issa jkomplu għaddejjin b’attivita’ kulljum li twassal għal nhar il-Ħadd li ġej fejn il-Knisja mad-dinja kollha tfakkar l-akbar ġrajja ta’ l-umanita’ dik tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesu Kristu mill-mewt.

Aħna ser inkunu preżenti għal dawn l-attivitajiet sabiex inżommukom aġġornati bl-isbaħ mumenti ta’ din il-liturġija.


Illum l-iskola taghna taghlaq 65 sena
14 March 2008

L-iskola tinbena

Illum 14 ta’ Marzu huwa l-65 sena minn meta ir-rahal taghna beda jgawdi minn istituzzjoni edukattiva. Grazzi ghal din id-decizjoni li saret bil-hidma tal-Kappillan ta’ dak iz-zmien Dun Gorg Debrincat flimkien ma Lawrenzjani ohra illum ir-rahal taghna qed igawdi minn skola li hija rizors importanti hafna fir-rahal taghna. L-iskola li nafu llum ma kienetx l-ewwel skola li kellna f’rahalna imma qabilha kien hemm zewg t’idjar ohra li servew ta’ skola.

L-iskola li nafu llum kumbinazzjoni giet inawgurata wkoll nhar l-14 ta’ Marzu, 1964 mill-Ministru Dr Antonio Paris, il-Ministru ta’ l-edukazzjoni ta’ dak inhar. Sfortunatment u nistghu nghidu li verament kienet grajja kerha fl-istorja ta’ rahalna din l-iskola inghalqet u giet trasformata f’ Hostel fl-1981. Pero fl-1988 din l-iskola regghet bdiet tiffunzjona sabiex taqdi lill-Kommunita’ taghna. Fl-1999 il-Kunsill Lokali flimkien ma l-amministrazzjoni ta’ l-iskola iddecieda li din l-iskola tissemma ghal Dun Salv Portelli l-ewwel Kappillan taghna sabiex anke l-iskola taghti importanza lill-identita’ partikolari taghna. Biex titfakkar din il-grajja kif ukoll dan il-Kappillan il-Kunsill waqqaf monument fid-dahla ta’ l-iskola.

Nistghu nghidu li l-iskola taghna kisbet diversi successi kemm f’dak li hija akkademika kif ukoll fil-hajja edukattiva ta’ l-istudenti taghna. L-amministrazzjoni ta’ dan is-sit jawgura aktar hidma b’risq it-tfal taghna, ghaliex ahna wkoll nemmnu fl-importanza ta’ l-edukazzjoni specjalment fit-tfal.


Il-Kunsill Lokali San Lawrenz jiffirma l-ftehim ta’ l-operat taċ-Ċentru l-ġdid ta’ l-anzjani
06 March 2008

Iffirmar tad-Daycentre

Dan l-aħħar, fiċ-Ċentru tal-MAS f’Għajnsielem, ġie ffirmat ftehim dwar l-operat taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani. Issa dan iċ-Ċentru beda joperat minn lokal ġdid li jagħmel parti mill-kumpless tal-MAS f’Għajnsielem. Madwar 200 anzjan/a Għawdxija jagħmlu użu minn dan iċ-Ċentru fosthom attendenza numeruża ħafna ta’ anzjani minn San Lawrenz.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-MAS, u it-tnax il-Kunsill Lokali fosthom dak ta’ San Lawrenz.

It-twaqqif taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani f’Għawdex jmur lura għas-sena 1999. Minn dakinhar ‘l hawn baqa jopera regolari u jipprovdi faċilitajiet fejn anzjani Għawdxin ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ anzjani oħra bħalhom u jipparteċipaw f’diversi attivitajiet organizzati lilhom. Il-Kunsill jgħin billi jikkontribwixxi finanzjarjament biex jittaffu ftit mill-ispejjes involuti fosthom dak tat-trasport mill-lokal konċernat lejn iċ-Ċentru u lura.

Is-suċċess ta’ dan l-operat huwa dovut għall-impenn sħiħ ta’ l-amministrazzjoni fit-Taqsima għall-Ħarsien u Kura ta’ l-Anzjani, l-impjegati taċ-Ċentru ta’ matul il-Jum għall-Anzjani, l-koperazzjoni tal-Kunsill Lokali nvoluti u fuq kollox għall-parteċipazzjoni nkoraġġanti ta’ l-anzjani Għawdxin.


Il-Bieraħ intemm il-proċess ta’ sanctioning tal-Boat houses tad-Dwejra
29 February 2008

Boat house minn gewwa

Wara triq twila u iebsa il-bieraħ ġew diskussi u aċċettati il-boat houses tad-Dwejra. Dan il-proċess kien inbeda madwar għaxar snin ilu meta diversi sidien ta’ boat houses tad-Dwejra irċivew avviż sabiex jirregolarizzaw ruħhom. Mill-bidu l-Kunsill daħal b’ruħu u ġismu f’din il-problema. Grazzi għall-ħidma bla ma taqta tal-Kunsill Lokali tagħna illum dawn il-boat houses ġew regolarizzati.

Mhux hekk biss imma l-Kunsill ħadem sabiex dawn l-istrutturi tal-boat houses, li ħafna minnhom huma antiki u kollha mibnijin fuq art privata, jibdew jiffurmaw parti mill-pjan ta’ storja li tippossedi din il-ġawhra fil-gżejjer Maltin.

F’kumment li tana s-Sindku Noel Formosa qal li jħossu ferm sodisfatt b’dan il-ftiehem għaliex grazzi għall-ħidma mwettqa mill-Kunsill Lokali konna kapaċi li s-sidien ta’ dawn il-boat houses iserħu moħħhom. Huwa qal li dawn il-boat houses illum jiffurmaw parti mill-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna u jkompli jagħti identita’, u identita’ aktar ħajja lil din il-Bajja.


Tiġi ppubblikata t-tieni ħarġa tar-rivista
29 February 2008

il-faċċata tat-tieni ħarġa

Frar wasal fi tmiemu u dan iġib miegħu wkoll rivista oħra li l-parroċċa tagħna qed tippubblika matul din is-sena, sabiex fl-aħħar jsir ktieb wieħed. Din il-pubblikazzjoni qed iġġib l-isem ta’ Lawrenz xhud ta’ Kristu u Qaddej tal-Knisja. Dan ser ikun l-ewwel ktieb tax-xorta tiegħu li qatt ħareġ f’ pajjiżna dwar San Lawrenz. L-iskop ta’ dan il-ktieb huwa sabiex f’din l-okkażżjoni l-parroċċa tagħna tħalli tifkira ħajja taċ-ċelebrazzjonijiet speċjali li ser jiġu ċċelebrati fl-okkażżjoni ta’ l-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz.

Il-ħarġa ta’ din id-darba tinkludi artiklu tassew sabiħ miktub mill-Arċipriet tax-Xagħra Mons Carmelo Refalo, dwar it-tagħlim tal-missirijiet u l-għorrief tal-Knsija dwar San Lawrenz. Dan it-tagħrif miġbur ikompli jagħti dawl fuq l-evidenzi awtentiċi marbuta mal-ħajja u l-martirju ta’ San Lawrenz. Kienu diversi dawk l-għorrief tal-Knisja li tkellmu dwar dan il-Qaddis kbir.

Fl-aħħar paġni ta’ din il-ħarġa wieħed jista’ jsib ukoll talb sabiħ lil San Lawrenz li jingħad ġewwa Huesca fi Spanja, il-belt li fiha twieled San Lawrenz.

Min irid jakkwista din it-tieni kopja jista jikkuntatja lill-Uffiċċju Parrokkjali San Lawrenz fuq in-numru 21556073.


Attivita’ oħra ta’ tħawwil ta’ siġar fid-Dwejra
27 February 2008

Tree planting activity at Dwejra

Għal darb’oħra matul it-triq tad-Dwejra saret attivita’ oħra ta’ tree planting organizzata min-Nature Trust Malta flimkien ma’ l-Ekoskola bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali San Lawrenz. Is-siġar ġew imħawwla minflok dawk li ġew misruqa mill-istess post wara attivita’ simili li saret ftit tax-xhur ilu.

Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm uffiċjali minn Nature Trust Malta, Uffiċjali ta’ l-Ekoskola u wkoll uffiċjali għolja mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni t’Għawdex.

Il-protagonisti ta’ din l-attivita’ kienu madwar 180 student minn diversi skejjel f’Għawdex fejn ilkoll kellhom l-opportunita’ li jħawwlu siġra huma stess.

L-istudenti wkoll kellhom l-okkażżjoni li jżuru t-Torri tad-Dwejra kif ukoll il-bajja. Hemmhekk huma ngħataw tagħrif siewi dwar l-importanza tal-ġeoloġija tal-post. Il-kelliema rreferew b’aċċenn speċjali fuq il-fatt li minkejja l-ġmiel tiegġu pajjiżna huwa nieqes mill-ħdura u kien proprju għalhekk l-iskop ta’ l-attivita’ ta’ dalgħodu biex inkomplu nħaddru lill-artna permezz tal-proġett ta’ afforestazzjoni.


Jinbeda l-proċess għall-proġett ta’ restawr tal-faċċata tal-knisja
25 February 2008

Faccata tal-knisja

Il-bieraħ filgħodu, fuq il-bejt tal-knisja bdiet għaddejja attivita’ mhix tas-soltu. Fil-fatt bdew il-preparamenti biex jinbeda xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-knisja tagħna. Din il-ħidma ilha ħafna għaddejja permezz ta’ studji u konsultazzjonijiet. Il-Kunsill Lokali kien strumentali ħafna f’dawn l-ghajnuniet li qed iwasslu biex fi żmien qarib jinbeda x-xogħol tant meħtieġ.

Bħalissa għaddejja konsultazzjoni u analiżi tax-xogħol ta’ restawr li għandu bżonn li jsir fil-faċċata u l-kampnari tal-knisja. Dan ix-xogħol huwa kollu kemm hu taħt is-Superviżjoni tal-perita Ivana Farrugia li studjat proprju fuq xogħol ta’ restawr u konservazzjoni.

Aktar ‘il quddiem nkomplu nżommukom aggornati bl-andament ta’ dan il-progett tant meħtieġ mill-knisja tagħna peress li l-ħsara li għandha mhix żgħira, speċjalment fil-kampar tan-naħa ta’ Triq Ċangura.


Delegazzjoni Ċiniża żżur il-bajja tad-Dwejra
20 February 2008

Is-Sindku mad-delegazzjoni Ciniza

Dalgħodu, delegazzjoni Ċiniża komposta minn għaxar membri kellha l-pjaċir tagħmel żjara lill-bajja tad-Dwejra fejn ukoll kellha l-okkażżjoni li tiltaqa’ mas-Sindku Noel Formosa. Id-delegazzjoni kienet immexxija fost l-oħrajn mill-Viċi Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin kif ukoll mill-Ambaxxaur Ċiniż.

Is-Sindku Noel Formosa rringrazzjahom talli għoġobhom jagħżlu d-Dwejra bħala parti miż-żjara uffiċjali tagħhom f’Għawdex. Id-delegazzjoni baqgħet immeraviljata mill-ġmiel naturali li toffri l-bajja tad-Dwejra u saħħqu fuq l-importanza li din il-bajja tkompli tiġi protetta biex tibqa fl-istat naturali tagħha.

Id-delegazzjoni kompliet billi żaret postijiet oħra ta’ nteress u wirt kulturali f’Għawdex bħalma huma ċ-Ċittadella u l-Ġgantija.


Il-Parroċċa tagħna tgħix iż-żmien tar-Randan
14 February 2008

waqt l-attvita

Bħal bieraħ ġimgħa, il-parroċċa tagħna flimkien mal-Knisja universali tat bidu għal erbgħin jum li jwasslu għall-Festa ta’ l-Għid, l-aktar festa importanti fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika.

Din is-sena dawn l-erbgħin jum, fl-erbgħa ta’ l-irmied bdew b’pellegrinaġġ minn Triq Nicholas Monsarrat. L-iskop ta’ dan il-pellegrinaġġ kien sabiex nifhmu li dan li ser nagħmlu huwa mixja, mixja li trid twassal għall-ferħ, għall-qawmien mill-imwiet.

F’ omelija tiegħu l-Kappillan fisser l-importanza ta’ dan iż-żmien fil-ħajja tan-nisrani. Biex tgħin lill-parroċċani jgħixu dan iż-żmien il-parroċċa qed tniedi diversi attvitajiet li permezz tagħhom dan iż-żmien jinħass aktar fil-prattika. Fost dawn l-attvitajiet hemm il-mumenti ta’ karita’ li l-parroċċa ser tagħmel f’diversi istituzzjonijiet tal-Knisja, fejn ġejna mistiedna sabiex immorru fihom ħalli nagħmlu xogħol ta’ volontarjat. Hemm ukoll is-salmi ta’ filgħodu tlett ijiem fil-ġimgħa u anke mumenti oħra ta’ talb.

Tlabna l-kummenti tal-kappillan dwar dawn il-jiem huwa qal li jixtieq li verament il-parroċċa tgħix dawn il-ġranet fit-talb, is-silenzju u l-penitenza. Huwa ħeġġeġ lill-parroċċani sabiex jiċċaħħdu minn dawk l-affarijiet l-aktar li huma għal qalbhom bħala sens ta’ ċaħda.


Is-Sindku jinsab fi Brussels sabiex jattendi għas-Sezzjoni Plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni
07 February 2008

Barroso

Kemm ilha Malta membru a’ l-Unjoni Ewropea mil-2004, is-Sindku tagħna dejjem okkupa l-kariga ta’ membru titulari fi ħdan il-Kumitat. Permezz ta’ din il-kariga huma flimkien ma erba’ membri oħra Maltin iwassal il-vuċi tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex.

Il-Kumitat tar-Regjuni huma istituzzjoni mportanti ħafna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan il-Kumitat għandu l-irwol li jagħti opinjonijiet dwar il-politika li tkun qed tiġi diskussa fil-Parlament u l-Kunsill Ewropew. Dawn l-opinjonijiet jingħataw minn perspettiva lokali u Reġjonali. Dan il-kumitat jingħata mportanza kbira mill-istess Unjoni Ewropea għax permezz tiegħu l-Unjoni Ewropeja qed tersaq aktar lejn iċ-ċitaddini tagħha.

Fost l-opinjonijiet li ser jiġu diskussi waqt is-sezzjoni plenarja ta’ llum u ta’ għada ser ikun hemm is-sapport li għandu jingħata fir-Reħjuni ta’ l-Unjoni Ewropeja għar-riċerka u l-innovazzjoni. Kif għandha tiġi ndirizza l-isfida ta’ l-iskarsita’ ta’ l-ilma u n-nixfa fil-Pajjiżi a’ l-Unjoni Ewropeja u l-isrategija li għandha taddotta l-Ewropa fuq in-nutriment. L-obesita’ u issues relatati mas-saħħa u oħrajn. Waqt is-sezzjoni ta’ llum il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barosso ser jindirizza lill-Membri preżenti.

Matul iż-żmien li iu jokkupa s-siġġu ta’ membu titulari ta’ dan il-Kumitat, is-Sindku Noel Formosa ingħata diversi karigi għolja li permezz tagħhom ir-raħal tagħna qed ikompli jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu mhux biss f’pajjiżna imma anke fl-isfera Ewropea. Huwa ġie elett Viċi President tal-Grupp Popolari Ewropew fejn illum reġa ġie konferma għal perijodu ta’ sentejn oħra wkoll Chairman ta’ l-Assocjazzjoni tal-Gżejjer ta’ l-Unjoni Ewropea.


Karnival suċċess !!!
02 February 2008

Il-Karru rebbieh ta

Il-bieraħ fil-għaxija il-pjazza inbiddlet f’arena ta’ kuluri żfin u divertiment. Kif ġie mħabbar fuq is-sit tagħna f’dik il-ġurnata stess, saret is-serata tal-Karnival organizzat mill-Kunsill Lokali. Kienu ħafna dawk li attendew għal din is-serata li saret quddiem iċ-Ċentru Parrokkjali. F’temp stupend ma setax jonqos li ħafna jiddeċiedu li jsegwu l-programm interessanti li ġie ppreparat.

Bla dubju ta’ xejn spikka n-numru kbir ta’ parteċipanti li ħadu sehem fil-kompetizzjonijiet li ġew organizzati, spikka wkoll t-talent sabiħ li għandhom il-ġenituri fil-ħjata tal-kostumi u wkoll t-talent li għanhom it-tfal tagħna fil-preparazzjoni ta’ karrijiet żagħar u anke reċti ħelwin li permezz tagħhom allegraw lil dawk preżenti. Ma jistax ikun li nħallu jgħaddi mingħajr ma naċċenaw għalih l-karru li ġie klassifikat fl-ewwel post. Kien sforz tajjeb ħafna li juri kemm it-tfal tagħna għandhom talent li tajjeb li jkompli jiġi sostnut.

Apparti l-kompetizzjoniet l-bieraħ kien hemm spettaklu li ma kienx tas-soltu. Fil-bidu tas-serata sar spettaklu ta’ żfin modern imtellgħa minn Anette Mystic Dancers, tajjeb li nsemmu li huma diversi dawk it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li jattendu din l-iskola. Pero bla dubju ta’ xejn l-Karnival ta’ din is-sena ser jibqa msemmi li erġajna rajna il-Kumettiva li ġiet imtellgħa mill-group tal-kommunita’ tan-Nazzarenu fix-Xagħra. L-anzjani tagħna bi ħġarhom segwew dan l-ispetakklu u ġabu memorji ta’ meta Wenzu l-Budi kien jgħajat l-għajta li għadha sinonima sallum mal-Kumettiva “Kulħadd ma tiegħu!!!”


Illum il-Karnival…ta’ raħalna
01 February 2008

It-tfal bil-kostumi qabel marru r-Rabat

Illum il-Ġimgħa il-Kunsill Lokali tagħna ser jorganizza l-Karnival tar-raħal. Dalgħodu diġa beda jinħass l-ispirtu tal-Karnival tara t-tfal ġejjin l-iskola bil-kostumi sabiex jiċċellbraw huma wkoll, flimkien ma sħabhom, il-karnival reġjonali ġewwa l-isports complex tar-Rabat.

Imbgħad il-lejla fis-7.30am fil-pjazza ewlenija tar-raħal ser isir il-karnival lokali, bis-sehem ta’ Anette Mystic Dancers u wkoll novita’ għal din is-sena dik li l-Kunsill Lokali stieden lill-grupp mix-Xagħra sabiex itella l-Kumettiva. Tajjeb li nsemmu li r-raħal tagħna fl-antik kien magħruf ħafna għal din il-kumettiva u sa tletin sena ilu din il-kumettiva kienet għadha tiġi mtellgħa.

Huma diversi dawk l-anzjani li għadhom jiftakkru dan l-avveniment u wkoll l-parteċipazzjoni tagħhom. Aħna tkellemna ma xi anzjani u bi tbissima fuq fommhom fisrulna l-mod ta’ kif kienu jippreparaw għal din il-kumettiva. L-irġiel kienu jilbsu ta’ nisa għaliex dak iż-żmien in-nisa kienu projbiti li jieħdu sehem f’xi karnival jew reċta. Qalulna li fl-arkivji ta’ l-Għaqda Drammatika San Lawrenz għadhom jeżistu l-kostumi u saħansitra makeup li kien jintuża.

Il-lejla wkoll xi ħaġa li tkun mistennija minn sena għal oħra ser ikun hemm il-kompetizzjoni li fi kliem is-segreatarja eżekuttiva tal-Kunsill Lucienne Haber iddeskreviet il-parteċipazzjoni bħala waħda suċċess.

Aħna minn naħħa tagħna nawguraw kull gost u bluha fil-karnival ta’ din is-sena.


Il-Kunsill jiltaqa b'mod uffiċjali mal-Kappillan Injazju Borġ
31 January 2008

Il-Kunsill mal-kapillan Dun Nazju Borg

Il-bieraħ il-Kunsill Lokali stieden lill-Kappillan il-ġdid sabiex b'mod uffiċċjali jiltaqa' miegħu u flimkien jiddiskutu kif il-Kunsill u l-Knsija jistgħu jaħdmu aktar flimkien b'risq il-kommunita' tagħna.

Il-laqgħa li ġiet deskritta bħala waħda kordjali ħafna u fiha spikka l-entużjażmu li ż-żewġ naħħat għandhom sabiex iġibu 'l quddiem l-interessi tar-raħal u l-kommunita'. Fl-introduzzjoni tal-laqgħa s-Sindku ta merħba lil Kappillan u qal li din il-laqgħa għalkemm hija waħda uffiċċjali pero hija aktar laqgħa ta' ħbiberija fejn flimkien, kif diġa ġara s'issa kemm il-Kunsill kif ukoll il-parroċċa iwegħdu kollaborazzjoni sħiħa lejn xulxin. Il-Kappillan kompla fejn irringrazzja lill-Kunsill ta l-istedina li għamillu kif ukoll tal-merħba li ngħata. Huwa qal li jinsab impressjonat kif il-poplu ta' San Lawrenz laqgħu bħala r-ragħaj tiegħu f'dawn il-ftit xhur li ilu fostna. Huwa qal li fejn hemm l-għaqda u fejn hemm l-intenzjoni retta hemm Kristu, allura l-affarijiet ħa jimxu aktar aħjar.

Waqt din il-laqgħa issemmew xi proġetti ta' restwar fejn tista' ssir ħidma flimkien u wkoll ġew diskussi l-attivitajiet li ser jiġu organizzati matul din is-sena fl-okkażżjoni ta' l-1750 sena mill-martirju ta' San Lawrenz.

Fl-aħħar tal-laqgħa, il-Kunsill ippreżenta pittura oriġinali kopja tat-titular ta' San Lawrenz lill-Kappillan bħala rigal fl-okkażżjoni tal-ħatra tiegħu.


L-aqwa eżempju f' Malta u l-Ewropa għal promozzoni ta' l-ugwaljanza tas-sessi
30 January 2008

Waqt il-prezentazzjoni

Il-Kunsill tagħna l-bieraħ ġie mistieden waqt konferenza mtella mill-Kummissjoni tal-promozzjoni għal-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara f' pajjiżna biex jagħti l-esperjenza tal-Kunsill tagħna fil-qasam tal-promozzjoni ta' l-ugwaljanza.

Dan sar wara li l-Kunsill tagħna ġie magħżul sabiex iservi ta' best practice f'dan il-qasam. Bl-attivitajiet li wettaq il-Kunsill spikka li permezz tagħhom ippromwova ugwaljanza u kisser kull barriera li setgġet tinġoloq sabiex timpedixxi li xi ħadd jista' jħossu eskluż.

Din il-konferenza saret fil-Lukanda Intercontinental ġewwa Malta u għaliha kienu mistiedna l-Kunsilli Lokali kollha ta' Malta u Għawdex. Fil-preżentazzjoni li għamel is-Sindku Noel Formosa fisser kif permezz tal-ħidma li ma taqtax tal-Kunsill din il-mira setgħet tinħoloq. Dan ġara billi l-Kunsill waqqaf Child Care Centre, enfasizza l-parte`ipazzjoni tar-raġel fl-attvitajiet li jorganizza, jippromwovi l-isport fost is-subien u l-bniet, waqqaf intrapriżi għal mara tad-dar u diversi attvitajiet oħra.

Għall din l-attivita' attendiet ukoll is-segretarja eżekuttiv tal-Kunsill is-Sinjura Lucienne Haber.

Dan ir-rikonoxximent ukoll dan l-aħħar ġie rikonoxxut minn diversi gazzetti lokali.


Teżor f’idejna
28 January 2008

Il-faccata ta

Fil-bulettin ta’ din il-ġimgħa l-kappillan ħabbar li f’dawn il-ġranet l-parroċċa tagħna ser tieħu inizjattiva oħra fl-okkażżjoni ta’ din is-sena speċjali. Il-Parroċċa qed issejjaħ din l-inizjattiva bħala teżor kbir ta’ nformazzjoni. Minn informazzjoni li ksibna dan it-teżor huwa sensiela ta’ pubblikazzjoniet dwar San Lawenz, sabiex aħna l-parroċċani matul din is-sena insiru nafu aktar lill-Patrun tagħna San Lawrenz.

Din il-pubblikazzjoni ser twassal sal l-ġurnata ta’ San Lawrenz, l-10 ta’ Awissu 2008 u permezz tagħha ser nibnu lilna nfusna b’informazzjoni dwar il-ħajja kif ukoll dwar studji importanti marbuta mal-ħajja ta’ dan il-qaddis kbir li din is-sena d-dinja kollha qed tiċċelebra l-1750 mill-martirju tiegħu. L-ewwel pubblikazzjoni li ser titqassam matul din il-ġmgħa hija dwar il-martirju kif mgħallem fl-iskrittura mqaddsa, kif ukoll ji[bor fih artiklu dwar it-tagħlim ta’ l-aħħar papiet dwar San Lawrenz.

Din l-inizjattiva ser tkompli tirrepeti ruħha u kull xahar ser toħroġ pubblikazzjoni dwar suġġetti varji. Fl-aħħar ta’ din is-sensiela dawn il-pubblikazzjonijiet jinġabbru fi ktieb wieħed.

L-isem ta’ din is-sensiela huwa “Lawrenz-Xhud ta’ Kristu u Qaddej tal-Knisja” Kull pubblikazzjoni ser tkun tiswa €1 biss pero minn jixtieq jagħmel donazzjoni akbar jista jagħmel dan.

Dawk li ma humiex minn San Lawrenz u jixtieq jabbonaw fiha jistgħu jikkuntatjaw lill-Uffiċċju Parrokkjali fuq 21556073.


Jiltaqa t-tim tal-football
25 January 2008

Uhud minn dawk li attendew

Il-bieraħ fil-village in restaurant fix-Xlendi, t-tim tal-football tagħna iltaqa għal okkażżjoni mhix tas-soltu. Il-kumitat flimkien mal-players iltqagħu f’atmosfera ta’ ikla. F’kelmtejn qosra is-segretarju tal-kumitat is-Sur Patrick Cassar irringrazzja u ħeġġeġ lill-players sabiex ikomplu juru l-entużjażmu li qed juru flimkien mal-coach.

Din l-attivita’ tifforma parti minn sensiela ta’ attivitajiet li l-kumitat ħabbrieki ta’ dan it-tim jorganizza minn żmien għal ieħor sabiex tinħoloq aktar atmosfera ta’ ħbiberija bejn il-players.

Tant hu hekk li l-ġimgħa li għaddiet ġie organizzat ukoll social party ieħor ġo farmhouse għal players u kumitat flimkien mal-familji tagħhom. Dawn l-okkażżjonijiet jgħinu ħafna sabiex jissaħħaħ l-ispirtu tat-tim u kulħadd iħossu jifforma parti minn dan il-club.

Bħalissa t-tim tagħna jinsab fl-ewwel post flimkien ma timijiet oħrajn u ninsabu biċ-ċans li nirbħu l-league u dan ikompli jagħmel kuraġġ kemm lill-kumitat u l-players kif ukoll lis-supporters sabiex inwasslu lit-tim ta’ raħalna għar-rebħ meritat ta’ dan il-league.

Dan is-sit ser ikompli jaġġornakom ukoll dwar l-iżviluppi tat-tim u jieħu l-okkażżjoni sabiex jifraħ u jawgura aktar suċċessi fil-qasam sportiv lit-tim tagħna.


L-entużjażmu tal-Festi Speċjali ikompli jieħdu rankatura.
23 January 2008

Il-Logo ufficcjali ta

Kif tħabbar aktar kmieni dan ix-xahar il-parroċċa tagħna inawgurat dawn il-festi speċjali fl-1 ta' Jannar li għadda. Kienu mumenti sabiħ li fihom il-kappillan flimkien mal-kleru u l-kumitat urew fejn trid twassal din il-festa speċjali.

Il-bieraħ waqt il-Lectio Divina ġiet mfissra attivita' oħra li permezz tagħha l-parroċċa tagħna ser tkompli tidħol aktar fl-ispirtu veru ta' dawn il-Festi. Fr Frankie Cini d-Direttur tad-Dar ta' San Ġużepp, Santa Venera Malta, fisser lill dawk preżenti x'inhu x-xogħol li għandha bżonn dar tat-tfal bħal ma hija dik ta' San Ġużepp. Dan sar fuq stedina tal-Kappillan għax matul il-ġimgħat tar-Randan il-paroċċa ser torganizza diversi attivitajiet ta' volotarjat sabiex jiġi imitat San Lawrenz fl-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Attivita' oħra marbuta ma dawn il-Festi Speċjali hija li matul dawn il-ġimgħat ser jiġu mistiedna refuġjati sabiex jgħixu għal ġurnata waħda mal-familji tagħna.

"Dawn l-istil ta' ċelebrazzjonijet ser jgħinu sabiex il-parroċċa tingħaqad aktar u tifhem aktar x'inhu l-iskop li tiċċelebra, li timla lilek innifek bl-ispirtu ta' Kristu kif wara kollox jixtieq minna San Lawrenz. Dan kien il-kumment li tana l-kappillan meta tlabnieħ jgħidilina fejn jixtieq jara lill-Parroċċa tiegħu tasal f'dawn il-festi. Wara l-laqgħa tal-lectio il-bieraħ fis-sagristija tal-Knisja saret laqgħa oħra tal-Kumitat tal-Festi speċjali fejn ġew diskussi fid-dettal dawn l-attivitajiet kif ukoll attivitajiet oħra li ser jiġu organizzati.

Kif għamilna s'issa dan is-sit ser ikompli jżomm lill-qarrejja tiegħu aġġoranti b'dak li jkun qed jiġri.


L-anzjani tagħna ċċelebraw il-festa ta’ Sant’Anton Abbati
18 January 2008

L-anzjani waqt l-ikla

Il-bieraħ, il-17 ta’ Jannar, huwa l-Jum tal-festa ta’ Sant’Anton Abbati u għal din l-okkażżjoni ġiet organizzata ħarġa oħra għall-anzjani.

Għal din l-attivita’ l-konkorrenza kienet kbira ħafna. Minkejja li t-temp filgħodu ma tantx kien iħajjrek, xorta waħda nġabru bi ħġarhom għal din il-ħarġa tant mistennija minnhom.

Il-ħarga bdiet b’quddiesa fil-kappella ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra. Il-quddiesa giet iċċelebrata mill-kapillan ta’ San Lawrenz Dun Nazju. Fil-ħsieb qasir li għamel, irrefera għall-ħajja qaddisa u ta’ għaks li għażel dan il-qaddis u kif għandna nimitawh billi nwarrbu l-ħafna aljenazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u nsibu ħin għal Alla.

Wara l-quddiesa l-anzjani ġew milqugha fis-sagristija ta’ din il-knisja u ngħataw biskuttin u kafe’ bnin fl-okkażżjoni tal-festa. Wara komplew bi triqithom lejn il-bajja ta’ Marsalforn fejn qagħdu bil-kwiet jilgħabu logħba tombla u kielu ikla tajba flimkien qabel ma rritornaw lura lejn darhom. Ilkoll kemm huma kienu lest bl-espressjoni “Qis li tagħmlulna ħarġa oħra ma ddumux!”


L-Għaqda Drammatika San Lawrenz tfakkar lil Mons Salv Borġ
17 January 2008

Mons Salv Borg

Bil-bieraħ waqt il-quddiesa ta' filgħaxija l-Għaqda Drammatika San Lawrenz fakkret wieħed mill-ħbieb kbar tagħha li ħalliena f' Settembru li għadda.

Mons Borġ huwa saċerdot mir-Rabat u wkoll Arċipriet emeritus tal-parroċċa ta' San Ġorġ fl-istess belt. Huwa kien wieħed mill-aqwa awturi ta' diversi drammi u kummiedji għal palk u kien propju hawn li l-Għaqda Drammatika San Lawrenz għamlet konoxenza tiegħu. Speċjalment l-membri antiki ta' l-Għaqda Drammatika jiftakkru sewwa l-mumenti sbieħ li fihom l-istess Dun Salv kien ikun magħhom fuq il-Palk.

Pero żgur li monument ħaj tal-mikbi Dun Salv jibqa l-iscript sabiħ u mirqum tal-Pageant tal-Milied. Ta' kull sena il-kitba ta' dan is-saċerdot takkompanja lill dan il-Pageant li f'lejliet il-Milied, ġibed mijiet ta' nies lejn ir-raħal tagħna.

Għal din il-quddiesa tal-bieraħ li kienet iċċelbrata minn Dun Charles attendew diversi membri ta' l-Għaqda Drammatika u wkoll oħt Dun Salv, Marija Żammit Borg li wkoll rajnieha bosta drabi fuq il-palk tagħna speċjalment fil-Festival San Lawrenz.

Dan is-sit jingħaqad ma l-Għaqda Drammatika u jsellem it-tifkira Mons Salv Borġ.


L-Ewro il-munita' tagħna. Kif qed iħarsu lejha ċ-ċittadini tagħna.
16 January 2008

Wara kważi tlett ġimgħat mill-bidla għall-ewro li anke ġiet affetwata fir-raħal tagħna. Dan is-sit għamel stħarriġ dwar kif din il-bidla qed tolqot ukoll lir-residenti tagħna.

Fl-ewwel ġimgħa kien jidher li kien hemm xi ftit konfużjoni peress li ħafna kienu għadhom qed iħalsu bil-munita' l-antika.

Illum nistgħu ngħidu li din il-problema ġiet riżolta għaliex il-lira l-antika naqset ħafna mil-bwiet tagħna. Kważi kulħadd qed iħallas bl-ewro. Dan qed jiffaċilita' ħafna l-proċess tal-bidla. Aħna ħadna xi kummenti ta' Lawrenzjani dwar l-esperjenza tagħhom, kien hemm minn qal li fl-ewwel ġimgħa sabha diffiċli pero illum diġa saret xi ħaġa normali tħallas bl-ewro.

Saqsejna wkoll lit-tfal dwar din il-bidla, jidher li t-tfal huma mħarġa tajjeb ħafna u diġa qabilna l-kbar qed jaħsbu bl-ewro.

Kif ġara f'kull raħal fir-raħal tagħna wkoll ġie mwaqqaf iċ-ċentru Ewro liema ċentru qed hemm sabiex jagħti l-għajnuna lil dawk li jkollhom bżonn informazzjoni. Dan iċ-ċentru jinsab fl-ufiċċju parrokkjali.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat apparti l-laqgħa li saret fil-lokalita' tagħna dwar din il-bidla, fuq il-bulettin tal-parroċċa ingħatat informazzjoni sabiex kullħadd jagħraf il-valur ta' kull munita'.


Ġrajja oħra li tinkiteb b'ittri tad-deheb għall-parroċċa tagħna u raħalna
14 January 2008

Il-Kapillan Dun Nazju Borg jiehu l-pussess

ll-bierah il-parroċċa tagħna rat lil Dun Nazju Borg jibda l-ħidma tiegħu bħala is-sebgħa kappillan tal-parroċċa tagħna.

ls-Sibt saret velja li permezz tagħha ġew murija u ngħatat informazzjoni liturgika dwar is-simbli li l-bieraħ ġew mgħoddija f'idejn il-kappillan. Bħalma huma l-ambone, is-Sedja, il-konfessonarju, t-tabernaklu, il-qanpiena u postijiet oħra li permezz tagħhom il-kappillan ikun jista' jaqdi l-missjoni tiegħu fostna. Kienet tassew okażżjoni sabiha li tara kommunita' miġbura madwar ir-ragħaj tad-djocesi l-Isqof Mario Grech jitlob għal mexxej il-ġdid tiegħu Dun Nazju Borg. Preżenti għal din il-velja li kienet immexxija mil-Vigarju parrokkjali Fr Charles Sultana kien hemm Dun Guzepp Piscopo u r-Rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri il-prediċessur ta' Dun Nazju. Din il-velja serviet ta' preparazzjoni għal dak li ġara il-bieraħ filgħodu.

L-attivita' bdiet billi telaq marċ mill-banda Victory tax-Xaghra u San Girgor ta' Kerċem minn tarf ir-raħal sal-pjazza, hawn hekk il-poplu Lawrenzjan flimkien ma' familjari tal-Kappillan u mistednin oħra speċjalment mill-kommunita' ta' Kerċem fejn Dun Nazju kien jaqdi l-missjoni tiegħu, laqgħu lill-kappillan il-ġdid li ħareġ flimkien ma Dun Ġuzepp u Dun Charles mid-dar parrokkjali. Fuq iz zuntier ġie milqugħ mill-lsqof Mario Grech. Wara li l-kappillan bies is-salib u ġie mlibbes l-istola Dun Ġuzepp Piscopo għamel diskors ta' merħba f'isem is-saċerdoti filwaqt li s-Sindku Noel Formosa f'isem il-kommunita ta merhba lill-kappillan permezz ta diskors ieħor. Waqt il-quddiesa bi knisja ppakkjata bin-nies l-lsqof b'mod simboliku għadda l-amministrazzjoni tal parroċċa f' idejn il kappillan Nazju Borg. Huwa ha l-ġurament tal-ħatra fil-prezenza tax-xhieda Dun Charles Sultana u Dun Daniel Xerri. Fl-omelija tiegħu l-lsqof fisser l-irwol tal-kappillan fis-soċjeta ta’ llum dak li jgħoddos lill-kommunita tiegħu fit-tagħlim ta' Kristu kif revilat mill-knisja. Huwa qal li l-kappillan għandu rwol ukoll li jaqla lin-nisrani mill-għadira mdardra li ħafna drabi qed jaqa fiha.

Bħala parti minn dan ir-ritwal il-kappillan flimkien ma l isqof daqqew il-qanpiena. simbolu li l-Kappillan għandu d-dmir li jsejjah ukoll lill-insara għat-talb. Wara l-ewkaristija kulħadd kien mistieden fil-grawnd ta' l-iskola sabiex flimkien bħala familja naqsmu l-ferħ permezz ta' festin. F'dan il-festin il-kappillan qasam kejk ta' l okkazzjoni fejn ma naqasx il brijju u l-fern ta' dawk prezenti speċjalment tal-membri ħabbrieka tal-Kumitat tal-Festa.


Kollox jinsab lest għal nhar il-Ħadd
10 January 2008

Il-Knisja ta

Kollox jinsab lest sabiex nhar il-Ħadd filgħodu l-parroċċa tagħna tilqa' fostha s-seba’ kapillan tagħha. Fil-fatt, Dun Injazju Borg ġie maħtur bhala kapillan tal-parroċċa ta’ San Lawrenz mill-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech f’Settembru li għadda.

Il-programm tal-pussess ser jibda billi fid-9:30am jitlaq marċ minn tarf ir-raħal sal-pjazza. Mal-wasla tal-marċ fil-pjazza ewlenija ta’ San Lawrenz, il-Kapillan il-ġdid joħroġ mid-dar parrokjali u jibqa jiġi akkumpanjat mill-baned sa’ fuq iz-zuntier fejn hemmhekk jiġi milqugħ minn Mons Isqof Mario Grech. Fuq iz-zuntier il-Kapillan ibus is-salib b’sens ta’ lealta’ lejn Kristu u l-awtorita’ tal-knisja. Wara s-Sindku Noel Formosa u Dun Guzepp Piscopo jagħmlu żewġ diskorsi separati ta’ merħba.

Fil-Konċelebrazzjoni Mons Isqof Mario Grech ser jafda l-missjoni ta’ ragħaj tal-parroċċa ta’ San Lawrenz lil Dun Injazju Borg. Dan isir billi jingħata l-ġurament u wkoll jiġi muri l-postijiet fil-knijsa li permezz tagħhom ikun jista’ jamministra s-sagramenti, jwassal il-kelma t’Alla u anke jieħu ħsieb tal-kura spiritwali tal-parroċċani tiegħu. Din il-konċelebrazzjoni ser tkun akkumpanjata mill-Kor tal-parroċċa, il-Kor Levita Laurentius immexxi mid-Direttur tiegħu Joe Formosa.

www.sanlawrenz.gov.mt jawgura lil Dun Ignazju Borg ħidma fejjieda fil-parroċċa tagħna u nwegħduh l-appoġġ u t-talb tagħna.


Kalendarju biex ifakkar din is-sena speċjali
08 January 2008

Kopja tal-Kalendarju

Fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar il-parroċċa ħasbet sabiex tqassam f’kull dar Kalendarju tas-sena 2008. L-għan ta’ dan il-kalendarju huwa sabiex flimkien ngħixu din is-sena madwar San Lawrenz.

Dan il-Kalendarju huwa mimli b’ritratti ta’pitturi famużi mxerda mad-dinja kollha li juru il-martirju ta’ San Lawrenz li sar 1750 sena ilu. Dan il-kalendarju jiġbor fih ukoll l-attivitajiet kollha marbuta mal-Parroċċa fosthom il-festa titulari u l-festi kollha li tiċċelebra l-parroċċa tagħna.

Il-kalendarju tqassam f’kull dar pero dawk kollha li jridu aktar kopji kemm għal qrabthom msefrin jew dawk devoti ta’ San Lawrenz jistgħu jiksbu wieħed mill-uffiċċju parrokkjali.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jirriżulta li din l-inizjattiva m’hix ser tkun l-unika waħda matul is-sena, jidher li l-parroċċa qed taħseb sabiex tkompli tkabbar id-devozzjoni u l-imħabba lejn San Lawrenz ser tippubblika materjal ieħor.


Jiġu fi tmiemhom il-Festi tal-Kwaranturi Mqaddsa
07 January 2008

Kwaranturi 2008

ll-bieraħ wara nofsinhar fit-toroq tagħna mexa’ Ġesu Ewkaristija f'għeluq il-festi tal-Kwaranturi mqaddsa.

Filgħodu fid-9.00 għal mitt darba konsekuttiva saret is-siegħa tal-Paġġi liema siegħa tiġbor lit-tfal kollha quddiem Ġesu sagramentat. B'format tassew sabiħ b'talb u innijiet mill-isbaħ it-tfal issellmu lir-Re tagħhom, Ġesu fl-Ewkaristija.

Filgħaxija imbagħad Mons Isqof Mario Grech mexxa’ il-konċelebrazzjoni pontifikali u wara purċissjoni fit-toroq tar-raħal li permezz tagħhom għalqu dawn l-erbgħin siegħa ta' talb u adorazzjoni. Kienu ħafna dawk il-lawrenzjani li attendew kemm għat-talb u anke għall-purcissjoni.

Tlabbna l-kummenti tal-kappillan dwar din il-festa. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal grazzji kbar li l-Mulej qed jitfa fuq il-kommunita parrokkjali tagħna.

Sadanitant il-bieraħ fuq gazzetta nazzjonali deher artiklu li jfakkar il-mitt sena mis-Siegħa tal-Paġġi.

L-aħħar attivita' issa għal dan l-istagun huwa l-pussess tal-kappillan Nazju Borg, nhar il-Hadd li ġej. Bħasoltu aħna ta' dan is-sit ser inkunu preżenti biex inżommukom aġġornati b'dak li jkun qed jiġri.


Ħafna jżuru l-Wirja dwar is-siegħa tal-Paġġi.
05 January 2008

Il-Wirja

Il-bieraħ fil-għaxija, il-wirja dwar is-siegħa tal-paġġi u l-festa tal-kwaranturi fl-antik fetħet il-bibien tagħha u bdiet tilqa lill-viżitaturi sabiex teħodhom lura fil-passat u terġa tagħti l-ħajja lill-ġrajja sabiħa li ġrat mitt sena ilu.

Kien bil-ħidma, l-ħeġġa u l-imħabba ta’ l-ewwel kappillan Salv Portelli li din il-kongregazzjoni bdiet fir-raħal tagħna. Għalkemm illum ma għadiex teżisti bħala kongregazzjoni pero nistgħu ngħidu li s-siegħa tal-paġġi għadha żżomm ħaj dan l-wirt sabiħ li ħallewlna missirijietna.

F'artiklu li ġie miktub fuq il-librett tal-festa ta’ din is-sena, irrefera ghal dan l-avvaniment u wera biċ-ċar kemm il-kappillan Portelli kellu għal qalbu din id-devozzjoni u kemm kien jemmen li mħabba lejn l-ewkaristija tista’ tfissira tibdila għall-aħjar tal-kommunita’.

Din il-wirja li ser tibqa miftuħa sa nhar it-tnejn li ġej tesponi wħud mil aktar ritratti antiki mhux biss tal-paġġi imma wkoll ta’ l-artal kif kien ikun imżejjen għall-Festa tal-kwaranturi.

Barra minn hekk turi wkoll diversi oġġetti antiki li kienu jintremaw għal din il-festa u diversi dokumenti antiki li jagħtu prova ta’ l-imħabba u d-devozzjoni tal-Lawrenzjani lejn Ġesu Ewkaristija, fosthom it-test oriġinali tal-priedka ta’ Dun Salv Portelli li kienet saret fl-1907, meta kienet twaqqfet il-kongregazzjoni tal-Paġġi ż-żgħar tas-santissmu sagrament.

Din il-wirja tinsab fiċ-Ċentru tal-vokazzjonijiet li jinsab eżatt wara l-Knisja.


Illum ingħata bidu għal Kwaranturi Mqaddsa.
04 January 2008

L-artal kif ġie armat din is-sena

Dalgħodu wara l-quddiesa tas-7.00 il-Kappillan espona lil Ġesu Ewkaristija fuq l-artal maġġuri għal qima tal-poplu Lawrenzjan. Kif jixgħed l-istess isem, kwartanturi hija kelma ġejja mit-taljan li tfisser erbgħin siegħa. Ser ikunu erbgħin siegħa ta’ adorazzjoni kontinwa. Tant hu hekk li għada bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd isir lejl sħiħ ta’ adorazzjoni.

Xi ħaġa marbuta ma dawn il-festi hija wkoll is-siegħa tal-paġġi li din is-sena l-parroċċa tagħna qed tiċċellebra il-mitt sena mill-ewwel darba li saret. Din is-siegħa hija siegħa li fl-antik kienet tifforma parti minn assoċjazzjoni li tiġbor it-tfal u tħeġġiġhom fl-imħabba lejn l-Ewkaristija.

Biex jitfakkar dan l-avveniment fiċ-ċentru tal-vokazzjonijiet qed issir wirja dwar il-kwaranturi fl-antik u s-siegħa tal-paġġi.

Imbgħad nhar il-Ħadd li ġej l-Isqof Mario Grech ser imexxi il-konċelebrazzjoni sollenni u l-purċissjoni u b’hekk jiġu fi tmiemhom dawn l-ergħin siegħa ta’ adorazzjoni.

Minn dalgħodu jidher in-nies qed jersqu bi ħġarhom għall-adorazzjoni. Il-kappillan Nazju Borg meta mitlub jikkumenta dwar dawn il-festi qal li jieħu gost jara l-kommunita’ tiegħu madwar l-Ewkaristija.


Ftuħ tas-sena speċjali b’mod l-aktar dinjatuż
02 January 2008

Il-gemgha quddiem il-huggiega

Il-bieraħ it-Tlieta l-ewwel jum tas-sena 2008 ser tibqa ġurnata memorabbli għall-Lawrenzjani kollha. Ġurnata li fiha ir-raħal ta’ San Lawrenz ta bidu għall sena speċjali dik li ser tfakkar l-1750 mill-martirju ta’ San Lawrenz.

Il-preparazzjoniet għal din il-ġurnata ilhom għadejjin għall-ħafna ġranet. Kif tkellem magħna l-Kappillan Nazju Borg, il-paroċċa xtaqet li din tkun verament bidu ta’ sena speċjali.

Kullħadd ġie mistieden jingħaqad f’korteo li telaq minn erbgħa postijiet prinċipali fir-raħal tagħna. Jiġfieri Triq il-Wileġ, Triq Wied Merill, Triq it-Torri u Triq San Lawrenz. F’dawn il-pellegrinaġġi li wasslu għall-pjazza ġew kantati l-litanija tal-Qaddisin. Mal wasla tagħhom quddiem ħuġġieġa kbira wara talba mill-Kappillan il-folla kbira ta’ nies li attendiet tefgħet l-injam li ġarret magħha waqt il-korteo, bħala turija ta’ l-impen li permezz ta’dawn il-festi l-kommunita’ tagħna trid li tkompli tħeġġeġ il-fjamma tal-fidi li writna mingħand missirijietna.

Wara minn dan in-nar il-Kappillan xegħel il-fjamma li ser tkompli tixgħel quddiem l-istatwa ta’ San Lawrenz għal matul is-sena kollha. Waqt l-omelija tiegħu l-kappillan ħeġġeġ lill-ġemgħa sabiex din is-sena tkun tassew sena speċjali għal raħalna, huwa ħeġġeġ sabiex kullħadd iħossu parti minn din il-parroċċa u wkoll elenka x’ser ikunu il-punti prinċipali li ser jimmarkaw din is-sena. Waqt il-quddiesa ġie inawgurat ukoll il-logo li ser jakkumpanjana matul din is-sena.

Fl-aħħar tal-Quddiesa, il-Kappillan f’isem il-parroċċa u s-Sindku f’isem r-raħal poġġew quddiem San Lawrenz il-fjamma u bukkett ward rispettivament. Fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti ġiet miftuħa n-niċċa ta’ San Lawrenz.

Wara din iċ-ċelebrazzjoni kulħadd kien kelma waħda kemm kienet okkażżjoni sabiħa li permezz tagħha ftaħna dawn il-festi speċjali. Żgur li din il-ġurnata ser tibqa mfakkra f’qalb kull Lawrenzjan.


L-aħħar tas-sena. L-2007 sena oħra ta’ suċċessi għar-raħal tagħna.
31 December 2007

Għall-grazzja t’ Alla illum ninsabu fl-aħħar ġurnata tas-sena 2007, ġurnata li fiha l-bniedem iħares lura u jara s-sodisfazzjonijiet li ħallietlu s-sena.

Bħala raħal għandna għaliex ukoll inħarsu lura b’sodisfazzjon lejn is-suċċessi ta’ dan ir-raħal ċkejken tagħna, li fiċ-ċokon tiegħu kien kapaċi jagħmel passi ta’ ġgant. Rajna lill-raħalna jkompli jimxi ‘l quddiem f’diversi fatturi, kemm dawk infrastrutturali u anke dawk soċjali.

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn dan is-sit fis-sezzjoni ta’ l-istqarrijiet jista’ jara li kważi f’kull ġurnata dan il-mużajk li qed jsawwar l-istorja ta’ raħalna kompla jikber u jingħata l-kulur. Il-passat sabiħ ta’ raħalna jagħtina spinta sabiex inħarsu ‘l quddiem b’sodisfazzjoni.

Jekk il-bambin irid għada nibdew sena ġdida, sena li ser iġġib magħha wkoll bidla fil-vuluta legali tagħna. Mill-lejla ser insellmu u nirringrazzjaw lill-Lira tas-servizzi finanzjarji li tat lil pajjiżna. Minn għada pajjiżna ser jaddota l-Ewro!!!

Għalina ta’ San Lawrenz ser tkun sena speċjali u wkoll ser tibda bil-kbir. Iriċivejna fi djarna invit sabiex nieħdu sehem f’ċelebrazzjoni li fiha ser nagħtu merħba lis-sena 2008 bħala sena speċjali peress li ser niċċellebraw l-1750sena mill-martirju ta’ San Lawrenz.

Aħna ser inkunu hemm sabiex insegwu din iċ-ċelebrazzjoni. Sa dan it-tant l-amministrazzjoni ta’ dan is-sit jawgura sena ġdida lillkom kollha li ta’ kulljum tgħixu magħna l-istorja ta’ raħalna, stroja li qed nibnuha flimkien!!!


Il-festin tal-Milied għat-tfal kollha ta’ San Lawrenz.
27 December 2007

waqt il-party

Il-festa tal-Milied hija l-festa ta’ kulħadd speċjalment tat-tfal. Kemm ilu mwaqqaf il-Kunsill dejjem ħaseb sabiex f’dawn il-festi jagħti priorita’ anke lit-tfal kollha tar-raħal tagħna. Minn sena għal oħra l-Kunsill jorganizza dan il-festin sabiex joħloq okkażżjoni oħra fir-raħal tagħna fejn it-tfal ikunu jistgħu jiltaqgħu f'atmosfera ta' ferħ

Dalgħodu sar dan il-festin u kienu ħafna dawk it-tfal li attendew. Il-Kunsill bħas-soltu ħaseb li jġib entertainer li janima dan il-festin u nistgħu ngħidu li tassew intlaqa tajjeb ħafna. It-tfal kienu attentissimi għal dak kollu li kien qed jiġri speċjalment waqt li kien qed jagħmel il-maġija. L-istagħġib ta dawn it-tfal kien evidenti ħafna fuq wiċċhom. Fl-aħħar wasal Santa Klaws li qassam rigal lil kull tifel u tifla li attendiet.

Il-festini għat-tfal fir-raħal tagħna ma jieqfux hawn nhar is-Sibt jmiss lill-parroċċa li torganizza dan il-festin għat-tfal.


Meals on wheels : Għal darb oħra l-Kunsill joħloq tbissima fuq wiċċ dawk li jgħixu waħedhom.
26 December 2007

Is-Sindku, l-Kunsiliera flimkien ma wiehed mill-an

Għal sena oħra s-Sindku flimkien mal-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali San Lawrenz fil-ġurnata tal-Milied, f’nofs inhar kienu mpenjati sabiex iwasslu ikel fid-djar ta’ dawk l-anzjani lawrenzjani li jgħixu waħedhom.

Din l-inizjattiva telqet għaxar snin ilu. U kull Milied u l-10 ta’ Awissu (festa ta’ San Lawrenz, il-patrun tar-raħal) dawk li jgħixu waħedhom ikollhom l-okkażżjoni li jieklu ikla tajba, pero fuq kollox li jkunu jafu li hemm xi ħadd li qed jaħseb fihom. L-iskop ta’din l-inizajjattiva huwa propju dan, li kull Lawrenzjan fil-Milied u fil-festa tar-raħal ikun qed jiekol ikla diċenti u jħossu maħbub.

F’kumment is-Sindku Noel Formosa qal li dawn il-mumenti huma mumenti li fihom jinħass aktar is-sens ta’kommunita’ li fihom il-kommunita’Lawrenzjana tkun qed taħseb wieħed fl-ieħor. Qal li fiż-żmenijiet tal-lum fejn kulħadd huwa mgħobbi f’ħafna xogħol u mhedijin fl-attiviżmu jkun faċli ninsew li hemm nies li qegħdin ibatu mill-faqar tas-solitudni. Din l-inizjattiva qed tpoġġi tbissima fuq il-wiċċ ta’ minn fil-Milied iħoss aktar is-solitudni.

34 persuna ibbenefikaw minn din l-inizjattiva.


Il-Bieraħ sar b’suċċess il-Kunċert tal-Milied ta’ l-iskola ta’ raħalna.
21 December 2007

Waqt il-Kuncert ta

Wara s-suċċess li kisbet l-iskola tagħna fil-preparazzjoni tal-kartolina tal-Milied tal-Prim Ministru. Il-bieraħ kien imiss li t-tfal juru t-talenti sbieħ tagħhom waqt il-kunċert annwali tal-Milied.

Kienet tassew okkażżjoni sabiħa tara t-tfal tagħna kollha jipparteċipaw f’dan il-kunċert. Ta’ minn jinnota li kuntrarju għal skejjel oħra, t-tfal tagħna għandhom l-opportunita’ li lkoll kemm huma jieħdu sehem fuq il-palk. Il-musical li sar, li nistgħu ngħidu li sar sinonimu ma dan il-kunċert kien wieħed ta’ livell għoli ħafna. Prosit kbir lit-tfal u lill-għalliema li ħadu ħsieb jgħallmu lil dawn it-tfal. Parti oħra ħelwa kienet l-action song li għamlu t-tfal iż-żgħar tagħna li kienet tassew sabiħa. L-għalliema għamlu biċċa xogħol tajba ħafna u t-tfal ippreżentawha tajjeb ukoll.

Ma setgħux jonqsu l-kelmtejn li għamel is-Surmast Mario Żammit li silet il-ħidma kbira li ġiet imwettqa fl-iskola tagħna matul din is-sena. Diskors ieħor kien tal-koordinatur tal-kulleġġ ta’ Għawdex il-Kav. Frank Gatt li kompla juri l-attenzjoni partikolari li jagħti lill-iskola tagħna. Saret ukoll il-premjazzjoni lit-tfal li marru tajjeb matul is-sena li għaddiet. Preżentazzjoni oħra kienet minn naħħa tas-Sinkdu Noel Formosa f’isem il-Kunsill Lokali tagħna fejn offra donazzjoni sabiħa b’risq l-Iskola. Ta’ min isemmi li l-ogħla awtoritajiet tal-gżira attendew għal din l-okkażżjoni. Il-Ministru għal Għawdex Ġovanna Debono ippresdiet din l-okkażżjoni u għamlet id-diskors ta’ l-aħħar li fost l-oħrajn qalet kemm l-Gvern jagħti mportanza lill-iskola tagħna u kompliet turi l-impenn tagħha u tal-Gvern li tkompli tagħti sapport lil din l-iskola. Il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-Onor Anton Tabone attenda wkoll għal din l-okkażżjoni.


Il-Pageant tal-Milied f’ San Lawrenz Għawdex
20 December 2007

Il-Pagaent tal-Milied f

Għal darb’ oħra nhar lejliet il-Milied, ir-raħal tagħna jerġa jittrasforma ruħu f’Betlehem, il-post fejn twieled is-Sinjur tagħna Ġesu Kristu. Għal dawn l-aħħar sebgha tletin sena ir-raħal ta’ San Lawrenz tella’ Pageant dwar l-istorja tat-Twelid ta’ Ġesu. Il-bidu tiegħu kien wieħed modest ħafna pero llum dan il-Pageant laħaq livell għoli ħafna u apparti kostumi bi stil bibbliku insibu jieħdu sehem fih madawar 200 ruh. Meta wieħed iqis l-popolazzjoni ta’ dan ir-raħal li tlaħħaq għal ftit aktar minn 500 ruħ, wieħed jista’ jimmaġina l-isforz u l-għaqda kollettiva li dan ir-raħal jagħmel sabiex itella dan il-Pageant.

Il-Pageant jibda mill-ħolqien ta’ Adam u Eva u jibqa sejjer jirrakonta l-ġrajja ta’ kif seħħet l-istorja tas-salvazzjoni. Juri wkoll lil dawk is-saltniet u l-profeti li ħabbru din il-ġrajja, kif ukoll in-nisġa li l-poplu Lhudi għadda minnha sabiex Alla jippreparah għal miġja ta’ Ibnu stess fuq din l-art. Fl-aħħar dan il-Pageant jispiċċa bit-twelid tas-Sinjur tagħna Ġesu Kristu u wkoll bl-adorazzjoni tal-Maġi. Biex dawk preżenti ikollhom aktar l-okkażżjoni li jidħlu fl-istorja li tkun qed iseħħ quddiemhom, ġie ppreparat script miktub mill-mibki u ħabib kbir ta’ l-għaqda drammatika San Lawrenz Mons Salv Borg u recording professjonali ħafna u anke l-kostumi huma kostumi kollha ta’ l-epoka sabiex jkomplu jdaħħlu l-ispirtu veru ta’ din il-ġrajja. Il-palk li fuqu jiġi ppreżentat dan il-pageant huwa maqsum fi tlett partijiet. Il-parti prinċipali jiġifieri dik tan-nofs tirrappreżenta lill Ġerusalem minn fejn joħorġu l-profeti kollha li ħabbru t-Twelid tas-Sinjur tagħna Ġesu Kristu, fuq il-partijiet tal-ġnub jiżvolġu l-istejjer kollha relatati mal-ġnien ta’ l-Eden u n-naħħa l-oħra mas-saltniet marbuta mal-preparzzjoni tal-Miġja tal-Feddej.

B’kontradizzjoni il-parti tat-twelid ta’ Ġesu tiġi mtellgħa wkoll fuq din in-naħħa tal-palk marbuta mas-saltiniet, pero fejn qabel kienu jispikkaw r-rikezzi issa jispikka l-faqar u l-umilta’ ta’ din it-tarbija. Huwa propju dan l-iskop, ta’ dan il-Pageant, li jwassal lill dawk kollha li jżuru r-raħal ta’ San Lawrenz li jgħixu mument ta’ paċi u jifhmu eżatt x’mar jagħmel Alla għalina.

Dan il-Pageant isir fil-pjazza ewlenija ta’ raħalna nhar is-Sibt 24 ta’ Diċembru fit-8.00p.m.


Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jagħżel l-istudenti tagħna biex jagħmlulu l-Christmas Card
19 December 2007

L-istudenti taghna mal-PrimMinistru

Il-bieraħ l-iskola tagħna ltaqgħet mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi ġewwa Kastilja. Ma kinitx laqgħa tas-soltu għat-tfal tagħna pero kienet okkażżjoni tassew sabiħa li fiha huma ġew ippreżentati l-ewwel kopja tal-Christmas Card li l-istess tfal tagħna matul dawn l-aħħar xhur sawru b'idejhom stess, bil-għajnuna tal-għalliema tagħhom speċjalment ta' l-għalliem ta' l-arti s-Sur Victor Agius.

Matul din il-laqgħa s-Sumast Mario Żammit f'kelmtejn qosra rringrazzja lil-Prim Ministru ta' din l-okkażżjoni sabiħa, huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-opportunita' unika li permezz tagħha l-istatt qed jirrikonoxxi kemm għandu għal qalbu l-edukazzjoni anke fi skola żgħira bħal ma hija tagħna.

L-Prim Ministru minn naħa tiegħu rringrazzja lil istudenti tax-xogħol sabiħ li għamlulu u kompla jħeġġiġhom sabiex ikomplu jħobbu l-istudji.

Din il-kartolina li tinkludi x-xogħol kollu li sar mill-istudenti flimkien mal-ismijiet kollha tagħhom ser tintbgħat lil-mexxejja kollha tal-pajjiżi tad-dinja.

Intant il-midja nazzjonali tat importanza kbira lil dan l-avveniment billi ntwerew features fuq l-ahbarijiet ta’ kull stazzjon televiziv lokali.


Is-seminarista li jservi fil-parroċċa tagħna jimxi pass ieħor lejn is-saċerdozju
18 December 2007

Is-Seminarista Joseph Curmi (fin-nofs) flimkien ma shabu

Nhar il-Ħadd li għadda 16 ta' Diċembru 2007 Mons Isqof Mario Grech fil-Knisja Bażilika ta' Marija Bambina amministra l-Ministeru ta' l-akkolotat lis-Seminarista Joseph Curmi, is-Seminarista li qed iservi fil-parroċċa tagħna matul din is-sena. Permezz ta' dan il-Ministeru Joseph u sħabu issa jista' jibda jqarben, kemm fil-knisja u anke lill-anzjani u l-morda fi djarhom. Ma Joseph, kien hemm ukoll is-seminaristi Richard Farrugia u Anthony Bajada, li t-tnejn li huma fis-snin li għaddew servew fil-parroċċa tagħna.

Matul il-quddiesa li fiha ġie amministrat dan il-ministeru l-Isqof Grech talab lil Alla għal dawn it-tlett seminaristi u talab sabiex aktar żgħażagħ jagħżlu lil Kristu fil-ħajja tagħhom. Huwa qal li dik l-okkażżjoni għandha tkun festa għad-Djoċesi kollha.

Diversi Lawrenzjani kienu preżenti għal din l-okkazzjoni fosthom il-Kappillan Nazju Borg, il-vigarju Dun Charles Sultana, s-Sindku Noel Formosa, il-group ta' l-studenti, u l-group tal-vokazzjonijiet.

Dawn is-seminaristi kienu ppreżentati lill-Isqof u lill-ġemgħa preżenti mir-Rettur tas-Seminarju Dun Daniel Xerri.


L-ispirtu tal-Milied jinsab magħna
14 December 2007

Tberik tal-bambini

Il-Milied qed joqrob ġmielu u San Lawrenz kollu qed jipprepara b’ħerqa għal din il-festa hekk mistennija. It-toroq u l-pjazza jinsabu mżejjna u d-djar tagħna jinsabu mixgħela waħda.

Il-bieraħ, fil-knisja tagħna fethet uffiċjalment l-attivitajiet tal-Milied billi sar it-tberik tal-Bambini. Dal-għodu tkomplew l-attivitajiet bil-ħarġa tal-Milied għall-anzjani organizzata mill-Kunsill Lokali. Il-ħarġa bdiet b’quddiesa fil-kapella Ta’ Ħamet u tkompliet bi żjara lill-presepju fix-Xagħra. Wara l-anzjani qabdu triqithom lejn il-Country Terrace, l-Imgarr fejn wara li lagħbu xi ftit tombla flimkien, imlew żaqqhom b’ikla tajba u tlikki tlikki erħewlha lura lejn San Lawrenz.

L-attivita li jmiss tal-Milied fil-parroċċa ta’ San Lawrenz hija bla dubju ta’ xejn skedata għal għada- il-bidu tan-Novena tal-Milied.


Ħarġa tal-Milied għall-anzjani tagħna
05 December 2007

Ftuh ta

Bħala ftuħ ta’ l-attivitajiet tal-Milied, il-Kunsill Lokali San Lawrenz ser jorganizza ħarġa għall-anzjani. Din ser tkun nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu.

It-tluq mill-pjazza ser ikun fit-8:00 ta’ filgħodu u dritt wara ssir quddiesa fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu magħrufa bħala Ta’ Ħamet. Wara l-anzjani ser jittieħdu jaraw xi żewġ presepji mekkaniċi. Il-ħarġa tagħlaq billi jittieħdu f’restaurant fejn jilgħabu ftit tombla sakemm jiġi servut lilhom platt sħun. Jirritornaw lura lejn San Lawrenz għal ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar.

Dawn it-tip ta’ ħargiet huma ferm imfittxija mill-anzjani tagħna u jkun qed jistennewha bil-ħerqa. Il-Kunsill jipprova kemm jista’ jkun li jzomm dan l-appuntament ta’ kull xahar billi jzuru postijiet differenti madwar Għawdex.

Sadanittant il-Kunsill ser iħabbar l-attivitajiet tiegħu tal-Milied fil-jiem li gejjin, kif ukoll ser jibda t-tizjin mat-toroq u l-pjazza tagħna.


Matul dawn il-ġranet il-parroċċa tagħna tat bidu għall-avvent u sena liturġika ġdida.
04 December 2007

Avvent 2007

Nhar il-Ħadd li għadda fil-quddiesa ta' l-10.30, ingħata bidu għall-ġranet ta' l-avvent li huma ġranet ta' stennija mhux biss għall-Milied imma wkoll għal Mulej li għandu jerġa jiġi. Għal din l-okkażżjoni fil-knisja tagħna ġew mpoġġija tlett simboli li l-Kappillan Nazju Borġ fisser waqt l-omilja tiegħu. Fuq l-artal tpoġġa simblu b'ħames msiebaħ mixgħula u b'ħamsa oħra mitfija simbolu tal-5 xebbiet għaqlija u l-5 xebbiet boloħ li jissemmew fil-vanġelu. Fuq in-naħħa tax-xellug tpoġġiet siġra niexfa li matul dawn il-ġranet trid timtela bil-weraq li tqassmu fil-familji kollha tal-parroċċa li fihom hemm miktub xi sagrifiċċju li kull membru tal-kommunita' jrid jagħmel. Fuq il-lemin imbgħad tpoġġew l-erbgħa xemgħat li jissimbolizzaw l-erbgħa Ħdud ta' l-avvent. Waqt din il-quddiesa wkoll saret ċerimonja ħelwa ħafna dik li l-membri tal-kommunita' offrew iż-żeriegħa tal-ġulbiena sabiex aktar tard fil-ġranet tal-Milied wara li tkun kibret tintrema fuq l-artal. Il-Kappillan fisser dan il-ġest ukoll bħala tixbieħa ta kif in-nisrani għandu jgħix il-ħajja tiegħu.

Sadanitant ukoll il-parroċċa f' dawn il-ġranet qed torganizza wkoll it-"Tifħir ta' sbieħ il-Jum" kommunitarju. Fis-6.30am il-kommunita' qed tiltaqa fil-Knisja u tfaħħar 'l Alla permezz tas-salmi.

Ħaġa oħra marbuta ma dawn il-jiem hija il-lectio Divina speċjali li saret il-bieraħ li fiha ġie mfisser il-vanġelu ta' San Mattew li ser jinqara matul is-sena liturġika li għadha kemm bdiet.

Aħna ħadna l-kummenti tal-Kappillan dwar dawn l-attivtajiet, huwa qal li permezz tagħhom il-parroċċa għandha mument qawwi kif fil-prattika tgħix l-istennija tal-Mulej li għandu jiġi. Huwa ħeġġeġ biex kull Lawrenzjan jgħix b'mod ħaj dan iż-żmien permezz tal-liturġija li l-Knisja toffrielna.


Nhar il-Ħadd li ġej edizzjoni oħra tal-Fiera tad-Dundjani
29 November 2007

Preparamenti ghall-fiera tad-dundjani

Il-Milied riesaq ġmielu u miegħu jibda jġib diversi attivitajiet, għal diversi katergoriji fir-raħal. Jidher li kemm il-parroċċa kif ukoll il-Kunsill diġa ppreparaw programm ta' attivitajiet għal dan il-perijodu sabiħ tas-sena. L-ewwel attivita' tkun kull sena dik organizzata mill-Kumitat ħabbrieki tal-Festa li kull sena fl-ewwel Ħadd ta' Diċembru jorganizza il-Fiera tad-Dundjani.

Din il-Fiera li issa ilha ssir għal aktar minn 15-il sena l-għan tagħha huwa li tkabbar fondi b'risq il-Festa ta' San Lawrenz. L-elementi prinċipali ta' din il-Fiera huma rigali tal-Milied. Minn jieħu sehem ikun jista' jitla f'diversi oġġetti relatati max-xahar ta' Diċembru. Kif iġib l-isem stess, f'din il-Fiera d-dundjani huwa l-element l aktar mfittex. Huma diversi dawk l-Għawdxin u l-Maltin li jfittxu din il-Fiera propju sabiex apparti li jgħaddu nofs ta’ nhar sabih fil-pjazza tagħna, jkunu jistghu jirbħu xi dundjan li jsib sehemu fl-ikla tal-Milied. Apparti d-dundjani oġġett ieħor mfittxija f'din il-Fiera huwa l-ħelu, ċikkultatini u anke ġugarelli għat-tfal.

Bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti għal din il-Fiera u l-Kumitat qed bħalissa jagħmel l-aħħar preparazzjonijiet u ukoll l-aħħar promozzjoni għaliha. Aħna nawguraw li jkun il-bnazzi ħalli għal sena oħra ngħaddu nofs ta’ nhar sabiħ fil-Pjazza, għalkemm nafu li anke jekk ma jkunx bnazzi din il-Fiera ssir fiċ-Ċentru.


Laqgħa ta’ nformazzjoni dwar l-Ewro f’San Lawrenz
28 November 2007

Waqt il-laqgha dwar l-ewro

Bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali San Lawrenz, dal-għodu fis-Sala ta’ l-iskola Primarja, nżammet laqgħa ta’ nformazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ l-Ewro organizzata mill-NECC.

L-iskop ta’ dawn il-laqgħa li qed isiru f’kull lokalita’ huwa sabiex tikber il-kuxjenza dwar l-ewro u l-użu tiegħu.

Dawk preżenti wrew interess u staqsew diversi mistoqsijiet lis-Sinjura Laura Cassar,(li hija wkoll minn San Lawrenz) l-ufficjal li ndirizzat l-laqgħa. Minbarra nformazzjoni ġenerali, saru sezzjonijiet prattiċi dwar l-użu tal-BOV converter u l-karatteristici tas-sigurta’ tal-karti ta’ l-ewro.

L-attendenza għal din il-laqgħa kienet waħda sodisfaċenti u dawk li attendew ħarġu sodisfatti bl-informazzjoni u t-tagħlim li kisbu.


Girja bir-rota li nvolviet lir-rahal taghna
27 November 2007

ciklisti

Nhar il-Hadd fil-pjazza taghna giet fi tmiemha attivita' nteressanti hafna, bike ride li telqet mill-imgarr u giet fi tmiemha gewwa San Lawrenz. Din l-attivita' kienet organizzata mill-Kunsill Malti ghal Isport, bil-kollaborazzjoni tal-Gozo Football Association u l-Kunsill Lokali taghna.

F'din il-maratona li giet inawgurata mill-Onor Ministru Govanna Debono kienet tinkludi ma' l-40 ciklist, minn Malta u Ghawdex imma il-maggoranza taghhom kienu Maltin.Hadet ftit aktar minn tlett kwarti. Is-Sindku taghna Noel Formosa wkoll ha sehem f'din il-bikeride. Mal wasla taghhom f' rahalna huma gew milqughin mill-Kunsilliera li qassmu lill dawk prezenti flixkun ilma, li nizel ghasel lill dawk il-partecipanti kollha.

Ahna hadna wkoll il-kummenti tas-sindku hekk kif dahal bir-rota fil-pjazza. Huwa laqghana bic-cajt u qalilna sabiex naghtuh ftit cans halli jiehu n-nifs. Meta saqsejnieh x'kien li hajru li jaghmel din l-esperjenza huwa qalilna li permezz taghha ried li jwassal messagg ta' l-importanza ta' l-isport kemm f'rahalna u anke fil-gzira. Huwa semma wkoll li mill-aspett ambjentali r-rota tghin sabiex ikolna aktar arja nadifa.


Il-bieraħ saret il-laqgħa ġenerali annwali ta' Ċangura Folk group - San Lawrenz
23 November 2007

Laqgha Generali Annwali Ta

Il-bieraħ filgħaxija fiċ-Ċentru tal-kommunita' saret il-laqgħa ġenerali annwali tal-folk grupp tar-raħal tagħna. L-attendenza għal din il-laqgħa bħas-soltu kienet waħda tajba ħafna. Attendew il-membri kollha li jiffurmaw dan il-grupp kif ukoll il-ġenituri tat-tfal li huma membri ta' dan il-grupp.

Waqt din il-laqgħa s-segretarju Brian Sultana ta rendikont dettaljat tal-ħidma mwettqa matul is-sena mill-kumitat ħabbrieki u wkoll mill-grupp li b'imħabba jiltaqa’ kull ġimgħa għall-provi sabiex ikun ippreparat għal xi spettakklu li minn żmien għal ieħor jiġi mistieden għalih. Carmen Cilia it-teżoriera ta' dan il-Kumitat tat rapport finanzjarju tal-grupp. Saret analiżi ta' l-andament taż-żeffiena mill-għalliema Dr Simon Grech. Filwaqt li l-President tal-Kumitat Annie Formosa f'kelmtejn qosra fissret lis-sena li għaddiet bħala waħda tajba ħafna u x'inhuma l-viżjonijiet tal-kumitat għas-sena li ġejja 2008. Saret diskussjoni tajba ħafna dwar proġetti għall futur minn dawk preżenti.

Fl-aħħar tal-laqgħa r-rapporti u l-minuti kollha ġew ippreżentati lis-Sindku Noel Formosa sabiex jitpoġġew fl-arkivju tar-raħal. Din il-laqgħa kif jitlob l-istatut kienet immexxija mir-rappreżentant tal-Kunsill Lokali li fil-preżent huwa s-Sindku.


Il-Kunsill tagħna mistieden sabiex jagħti l-esperjenza pożittiva tiegħu f’konferenza nazzjonali dwar il-Programm ta’ l-EU Youth
22 November 2007

Waqt is-seminar tal-EUPA

Dal-għodu fil-Kempinski San Lawrenz Resort & Spa inżammet konferenza nazzjonali biex tvara l-programmi l-ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea 2007-2013. Din il-konferenza kienet tinkludi diversi kelliema fejn ilkoll fissru dawn il-proġetti li ser ikunu utili għaċ-ċittadini Ewropej.

Il-lokalita’ tagħna ġiet magħżula anke f’dan il-proġett għall-aħjar prattika tiegħu. Waqt din il-konferenza s-Sindku Noel Formosa għamel preżentazzjoni dwar l-esperjenzi li kellha l-lokalita tagħna u kif għamlet l-aħjar użu minn dawn il-fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Is-Sindku qal li minn dawn il-proġetti biss San Lawrenz kien kapaċi jakkwista aktar minn Lm33,000 maqsuma fuq 187 żagħżugħ/a minn San Lawrenz. Permezz ta’ dawn il-fondi ż-żgħażagħ tagħna kellhom l-opportunita li jiksbu esperjenza kbira ta’ qsim ta’ ideat u kulturi li ser jibqghu jiswewlhom għal ħajjithom.

Meta tkellemna mas-Segretarja Eżekuttiva u l-iskrivana tal-Kunsill, li t-tnejn li huma attendew għal din il-konferenza, qalulna li permezz ta’ dawn il-proġetti ser tkompli tikkonsolida ruħha l-ħidma li jwettaq il-kunsill favur l-edukazzjoni fost l-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna.


Il-Kappillan Nazju Borg jieħu l-pussess tal-Parroċċa nhar il-Ħadd 13 ta’ Jannar
21 November 2007

Kappillan Dun Nazju Borg

Minn sorsi ta’min joqgħod fuqhom dan is-sit għandu informazzjoni li dan l-aħħar ġie deċiż meta il-Kappillan il-ġdid ser jieħu l-pusses tal-parroċċa tagħna.

Id-data magħżula hija dik tat-13 ta’ Jannar 2008. F’din l-okkażżjoni il-Kappillan ser jieħu uffiċċjalment minn idejn l-Isqof il-mandat biex imexxi l-parroċċa tagħna. Fil-quddiesa li ssir apposta huwa jiġi mogħti l-obbligu li jxandar il-kelma ta’ Alla u wkoll jamminstra s-sagramenti. Ilkoll kemm aħna nafu kemm il-Kappillan għandu għal qalbu dawn iż-żewġ elementi importanti fil-ħajja tan-nisrani. Kemm il-darba smajna lill-Kappillan jisħaq li l-missjoni tiegħu fostna trid tkun missjoni ta’ qadi.

Biex tiġi ċċelebrata din il-ġurnata partikolari il-Kunsill parrokkjali qed jħejji program ta’ attivitajiet. Minn sorsi jidher li l-Kunsill parrokkjali diġa iltaqa bosta drabi sabiex mal-programm tan-Novena tal-Milied, l-Milied u l-Kwaranturi jiġi wkoll mħejji programm għall-ġurnata tat-13 ta’ Jannar.

Sandanitant sirna nafu wkoll li l-Kunsill Lokali peress li issa għandna wkoll fergħa tal-posta fir-raħal tagħna ser joħroġ timbru speċjali li jfakk