Emblema ta' San Lawrenz
  English Version
Dħul
Ibgħat ittra
Mappa tas-Sit
Fittex
 

Grajjiet Kurrenti mill-Lokalita' tagħna.


Il-Kunsill jakkwista aktar fondi mill-Unjoni Ewropeja biex igawdu minnhom il-Lawrenzjani
24 August 2010

Wiehed mill-isqaqien li ser jigi restawrat

Filwaqt li bħalissa għaddej proġett kbir u ambizzjuż fir-raħal tagħna, dak tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja, il-Kunsill tagħna ma jieqaf jaħdem sabiex iġib aktar fondi biex bihom iwettaq proġetti li minnhom igawdu ir-residenti u dawk kollha li jiffrekwentaw ir-raħal tagħna.

Dan is-sit għandu nformazzjoni li l-Kunsill għadu kemm akkwista aktar minn seba mitt elf ewro biex iwettaq proġett ieħor kbir li din id-darba ser jolqot kull parti tar-raħal tagħna. Il-proġett jikkonsisti fir-restawr ta’ 14-il sqaq mxerda madwar ir-raħal, it-twettieq tal-proġett tal-pjazza u l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ fl-aħħar parti ta Triq Wied Merill.

Dawn il-proġetti kollha ser jingħaqdu ma sensiela ta’ proġetti oħra li għaddejjin fir-raħal. Kif tkellem magħna s-Sindku dawn il-proġetti qedgħdin jikkontribwixxu għar-riġenerazzjoni tar-raħal. Huwa qall li fil-futur qarib il-Kunsill ser iħabbar rapport li jidħol fid-dettall ta’ kif jista’ jasal għal raħal aktar sostenibbli u li joffri riġenerazzjoni tar-raħal tagħna. Huwa qal li joħlom f’raħal aktar miftuħ biex joħloq aktar opportunitajiet għar-residenti tagħna.

Il-Kunsill għandu f’moħħu li malajr kemm jista’ jkun jibda l-proġett ta’ l-isqaqien biex aktar tard ikun jista’ jwettaq il-proġett tal-pjazza.

Jidher li b’dawn il-fondi reġa feġġ xaqq ta’ dawl ieħor biex fl-aħħar naraw il-proġett tal-pjazza jitwettaq.


Francine Caruana tintgħażel biex tipparteċipa fi proġett tal-Commonwealth ġewwa Rwanda
23 August 2010

Francine Caruana

Fi staqarrija maħruġa llum il-Kunsill Lokali San Lawrenz feraħ lil Francine Caruana żagħżugħa ta’ 21 sena minn San Lawrenz li ġiet magħżula waħda mill-35 parteċipant fi programm tal-Commonwealth li jħeġġeġ leadership fost iż-żgħażagħ.

Francine li għadha kemm temmet Masters fl-Universita’ ta’ Malta hija żgħażugħa li jinteressaha s-suġġett. Hija għadet għall-kompetizzjoni riġida ħafna fost aktar minn 500 parteċipant internazzjonali. Hija ser tkun l-unika Maltija fost group ta’ 28 żgħażugħ u żgħażugħa ġejjin minn pajjiżi differenti.

Il-programm li ser tieħu sehem fih Francine li jismu Nkabom huwa wieħed mill-aktar programmi importanti tar-Royal Commonwealth Society l-istess soċjeta’ hija wkoll l-aktar waħda antika li taħdem fi ħdan il-commonweatlh. Nkabom tfisser “nersqu lejn xulxin” .

Ix-xahar id-dieħel, Francine, flimkien mal-parteċipanti l-oħra magħżula ser tmur Kigali, ġewwa l-Rwanda sabiex tgħix għaxar t’ijiem ta’ programm interattiv li jiffoka l-aktar biex iż-żgħażagħ jifhmu aktar l-affarijiet internazzjoali, kif tinħoloq il-paci u kif ikunu kapaċi li jsolvu konflitti.

Ġewwa dan il-pajjiż, Rwanda, li huwa l-aktar pajjiż ġdid tal-Commonwealth fejn l-eta medja hija ta 18, ser tkun l-aqwa set fejn iż-żgħażagħ jaraw il-potenzjal tagħhom biex ikunu aġenti tal-paċi u l-iżvilupp.


Ix-xogħol tar-restawr għaddej ġmielu
16 August 2010

x-xoghol professjonali ta

Bħalissa fuq is-sit tal-faċċata tal-Knsija tagħna għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol fiżiku ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja. Dan ix-xogħol beda sewwa ħafna qabel il-festa. Il-group ta’ l-esperti Taljani kienu fostna f’ Lulju sabiex jaraw il-bżonnijiet li kellha l-faċċata. Wara dan ir-rapport immdejatament inbeda x-xogħol li qed isir mit-taljani u taħt is-superviżjoni diretta ta’ espert taljan. B’mod regolari qed isir spezzjonijiet mill-Perit tal-proġett, il-Perit Ivana Farrugia li fuq il-post tiltaqa mal-periti tal-kumpanija u wkoll ma l-espert Taljan.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li x-xogħol miexi kif skedat, kif ukoll kif hu miftiehem ma l-Unjoni Ewopea. Sadanitant għadhom għaddejjin l-aħħar preparazzjonijiet fuq ix-xogħol ta’ restawr li għandu jinbeda ma jdumx, dak tal-pitturi tal-Cali u l-orgni tal-Knisja. Ir-restawr fuq il-qniepen beda wkoll, għalkemm waqaf xi ftit għall-festa peress li kif jaf kullhadd, ġustament dawn il-qniepen intużaw waqt il-Festa.

Sadanitant dan is-sit huwa nfurmat li l-Kunsill Lokali beda l-preparazzjonijiet tiegħu wkoll biex jinbeda r-restawr fuq in-niċċa tad-Duluri li hemm mal-faċċata taċ-Ċentru Parrokkjali. Dan ix-xogħol ser ikun possibbli grazzi għall-applikazzjoni li għamel il-Kunsill Lokali mas-Segretarjat Parlamentari għall-konsultazzjoni pubblika.

Dawn il-proġetti kollha jiffirmaw parti minn programm ta’ riġenerazzjoni tal-lokalita’ li qed jagħmel il-Kunsill Lokali.


Jiġu fi tmiemhom il-festi b’dinjita’.
11 August 2010

Waqt l-Ewkaristija mmexxija minn Mons Isqof

Il-bieraħ il-Jum ta’ San Lawrenz mal-knisja universali, ġew fi tmiemhom il-festi li l-kommunita’ tagħna għamlet ad unur tal-Qaddis Patrun tagħna San Lawrenz. Fil-għaxija wara l-kant ta’ l-għasar, kurunella, antifona u barka sagramentali. L-Isqof Mario Grech ippresieda l-Ewkaristija. Għal din il-quddiesa apparti l-Kappillan dun Injazju Borg, il-Viċi dun Charles Sultana u dun Manwel Cutajar, attendew diversi saċerdoti għawdxin devoti ta’ San Lawrenz fosthom l-ex Kappillan, ir-Rettur tas-seminarju dun Daniel Xerri.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof tkellem dwar il-persekuzzjonijiet li qed tgħaddi minnhom il-Knsija fiż-żmenijiet tallum, bħal ma kienet qed tgħaddi l-istess Knisja fi żmien San Lawrenz, bid-differenza li llum il-persekuzzjonijiet qed idgħajfu s-soċjeta’ bħal ma hija l-familja. Huwa ħeġġeġ lill-insara biex l-istess bħal ma għamel San Lawrenz ikunu sodi quddiem dawn il-persekuzzjonijiet.

Wara l-quddiesa li kienet animata mill-Kor Levita Laurentius taħt id-direzzjoni ta’ Joe Formosa u mill-Kumitat tal-Festi Esterni, San Lawrenz ġie mdaħħal fin-niċċa fost il-kant u ċ-ċapċip tal-kommunita’ Lawrenzjana.

Fl-aħħar fil-pjazza sar get together tal-festa. Kienet okkażżjoni sabiħa li permezz tagħha l-kommunita’ kellha ċans tiltaqa’ fi spirtu ta’ fraternita’ tiċċelebra lill-Patrun tagħha.


Illum mad-dinja kollha huwa JUM SAN LAWRENZ
10 August 2010

Pittura li turi lil San Lawrenz iqassam il-gid lil

Illum il-Knsija Universali tiċċelebra b’mod l-aktar sollenni lil San Lawrenz, l-patrun tagħna. San Lawrenz huwa martri dokumentat ta’ l-ewwel żminjiet tal-Knisja, li ftit biss wara mewtu (dik fuq gradilja), il-kult tiegħu beda jinxtered ma l-erbat irjieħ tad-dinja. Dutturi kbar tal-Knisja bħal ma huma Santu Wistin u Sant Ambroġ tkellmu dwar dan il-qaddis kbir. L-istess għadu jiġri llum, huma diversi dawk li jitkellmu dwar dan il-qaddis bħala qaddis li għadu attwali sallum, speċjalment fejn jidħlu d-drittijiet ta’ dawk l-aktar batuti. Il-Papa Benedittu XVI, il-papa preżenti jitkellem dwar San Lawrenz fl-enċiklika tiegħu Deus Charitas Est bħala kampjun ta’ l-imħabba lejn il-proxxmu. U nhar il-Ħadd li għadda l-istess papa waqt l-Anġelus jitkellem dwar San Lawrenz, bħala martri kbir tal-knisja kattolika

Il-kult lejn San Lawrenz fid-dinja kollha huwa marbut mhux biss ma l-insara imma wkoll ma diversi istituzzjonijiet. San Lawrenz huwa marbut ma fenominu li jidher kull sena fis-sema qrib l-10 ta’ Awissu, dawk li huma msejħa Perseids jew kif inhuma magħrufa wkoll id-Dmugħ ta’ San Lawrenz. Madwar l-iljieli ta’ qrib l-10 ta’ Awissu is-sema ikun miżgħud b’ammont kbir ta’ kwiekeb, dan huwa marbut ma San Lawrenz. San Lawrenz huwa wieħed mil-patruni prinċipali ta’ Ruma, tant hu hekk li din il-ġurnata hija ġurnata importanti ħafna f’din il-Belt. L-istess patrun tagħna huwa wkoll patrun tal-librara u l-kokijiet.

F’pajjiżna l-kult lejn San Lawrenz huwa wkoll wieħed mill-eqdem. Il-Parroċċa tal-Birgu hija xhieda ta’ dan, l-istess bħal ma nistgħu ngħidu għall-gżira tagħna. Fl-eqdem ktieb ta’ l-istorja tal-Gżira tagħna, dak ta’ Agius de Soldanis, li għex bejn l-1712 u l-1770 isemmi li l-anzjani ta’ dak iż-żmien isemmu li l-aktar kappella antika li jiftakkru fiċ-ċittadella kienet iddedikata lil San Lawrenz. Anke fl-inħawi tagħna kienu tnejn il-kappellel li kienu ddedikatati lil San Lawrenz. Dan kollu juri l-kobor kif ukoll l-imħabba u l-għożża li dejjem tat il-Knisja u l-kultura kattolika lil San Lawrenz.

Aħna wkoll matul din il-ġurnata qed infakkru mal-Knisja kollha dan il-qaddis kbir u l-lejla ser ikolna magħna lill-Isqof Djoċesan Mario Grech biex jippresiedi l-ewkaristija prinċipali tal-ġurnata.


Festa ħierġa mill-qalb ta’ kommunita’ li tixraq lill-Qaddis kbir San Lawrenz
09 August 2010

Waqt il-Purcissjoni tal-bierah

Il-bieraħ l-attivitajiet laħqu l-qofol tagħhom b’ġurnata mimlija daqs bajda b’attivitajiet organzzati bl-aqwa mod biex jagħtu ġieħ Qaddis Kbir San Lawrenz, patrun tal-kommunita’ Lawrenzjana. Patrun li huwa l-mimmi ta’ għajnejn din il-kommunita’. Dawk il-barranin kollha li attendew kellhom kliem ta’ sodisfazzjon għal dak li għexu magħna waqt il-Festa.

Filgħodu il-ġurnata bdiet bil-konċelebrazzjoni sollenni mmexija mill-Vigarju Djoċesan li fiha Dun Roberto Gauci niseb paninġierku mill-aqwa dwar il-Patrun tagħna. Paninġierku li ntlaqa tajjeb ħafna.

Wara sar il-marċ tal-ħdax u wara nofs inhar sar id-disco tal-kommunita’ fejn flimkien bħala familja waħda il-kommunita’ iltaqgħet u ħadet gost.

Filgħaxija mbgħad intlaħaq il-qofol tal-Festa. Fil-Knisja sar l-Għasar sollenni parteċipat minn dawk preżenti filwaqt li wara bdiet ħierġa l-Purċissjoni, u wara li ndaqq l-innu l-kbir inħarqet il-kaxxa nfernali (kif inhi imsejħa) li skont ħafna hija waħda suċċess l-istess bħan-nar ta’ l-ajru li nħaraq il-bieraħ.

Fl-aħħar tal-purċissjoni l-Kappillan rringrazzja ‘l Alla li kollox mar sewwa ħafna u rringrazzja wkoll lill-Kumitat ħabrieki tal-Festa li għamel festa tassew dinjituża li kompliet tgħaqqad il-kommunita’. Huwa qall li l-Festa tallum hija l-Festa tal-Kommunita’ pero kompla l-Kappillan “minn għada 9 ta’ Awissu sat-Tlieta 10 ta’ Awissu hija l-Knsija Universali li tfakkar lill dan il-Qaddis kbir tagħna San Lawrenz”. Huwa ħeġġeġ sabiex ngħixu dawn il-jumejn li baqa, bħala jumejn ta’ Festa kbira flimkien mal-Knisja.

Il-lejla ser isir l-għasar sollenni ta’ lejliet il-Festa u wara ssir Quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Bengazi l-ET Mons Silvestru Magro.


Mijiet jekk mhux eluf ta’ Għawdxin, Maltin u Turisti jingħaqdu magħna l-Lawrenzjani biex igawdu spettaklu mill-aqwa.
08 August 2010

Waqt l-ispettaklu tan-nar

Il-bieraħ saret it-Translazzjoni bir-relikwija ta’ San Lawrenz. Il-Fratelli, t-Terzjarji kif ukoll it-tfal iż-żagħar, kif magħrufin fostna “taż-żimmarra” akkumpanjaw lis-saċerdoti waqt it-transalzzjoni. Waqt il-purċissjoni li kienet imexxija mill-Kappillan, kienu ħafna dawk li attendew biex isegwu n-nar ta’ l-ajru li akkumpanja t-transalazzjoni.

Pero jekk għal din l-okkażżjoni kienu ħafna li attendew, kienu bil-wisq aktar dawk li filgħaxija attendew biex isegwu l-ispettakllu li l-Kumitat tal-festa offra f’dak li hu spettakklu tan-nar ta’ l-art.

Matul il-ġurnata, Triq San Lawrenz kienet ippakkjata bl-armaturi tan-nar ta’ l-art, nistgħu ngħidu li mill-Pjazza sa daħlet Pawluzzu. Pero filgħaxija din l-istess triq kienet ippakkajata bin-nies li bi ħġarhom attendew biex igawdu minn dak li l-kommunita’ tagħna offriet biex tkompli tkabbar il-festa ta’ San Lawrenz.

Il-kumment ta’ kullħadd kien wieħed ta’ tifħir. Ħafna kienu dawk li apprezzaw dak li ġie offrut u kien ikkumentat il-fatt li għalkemm kommunita’ żgħira kapaċi ttella dan l-ispettakklu.

Illum il-festi li ġew pprogrammati jilħqu l-qofol tagħhom. Dalgħodu Monsinjur Arċidjaknu jmexxi konċelebrazzjoni sollenni filwaqt li Dun Roberto Gauci, jinseb il-paninġierku adunur San Lawrenz. Wara jsir il-marċ magħruf tal-ħdax u filgħaxija ssir il-purċissoni sollenni bl-istatwa artistika ta’ San Lawrenz li ser tkun immexxija mill-Arċipriet Emeritu tax-Xagħra Mons Ewkaristiku Sultana.

Dan is-sit jawgura l-FESTA T-TAJBA lil kulhadd.Specjalment lil Lawrenzjani kollha


Il-Patrun San Lawrenz jiddomina l-pjazza minn fuq il-pedistal.
07 August 2010

Waqt is-serata tal-bierah

Il-bieraħ fost iċ-ċapċip tal-Lawrenzjani, San Lawrenz li qabel dar it-toroq tar-raħal merfugħ miż-żgħażagħ ittella fuq il-pedistal biex hemm ħa postu biex fil-jiem li ġejjin ikun aktar iċ-ċentru tal-kommunita’ tagħna.

Fl-istess waqt il-bieraħ flimkien mal-Banda tax-Xewkija li akkumpanjat lil San Lawrenz tad-dimostrazzjoni, fuq il-pjanċir, il-banda mistiedna speċjali tal-Kumitat tal-Festa, banda ġejja mill-Belġju offriet lil dawk preżenti kunċert mill-aqwa b’mużika mħalta li żgur paxxiet lil dawk preżenti. Din il-Banda li tinsab f’ Malta fuq stedina tas-Soċjeta’ Mużikali San Lawrenz, ġiet mistiedna wkoll sabiex iżżur Għawdex u tagħti kunċert tagħha fil-pjazza tagħna fl-okkażżjoni tal-Festa ta’ din is-sena.

Jidher li din il-banda ntlegħet tajjeb ħafna minn dawk preżenti u kienet apprezzata l-mużika li huma offrew. Fl-aħħar tal-Kunċert il-Kappillan akkumpanjat mis-Sindku offrew tifkira lis-surmast li mexxa dan il-kunċert.

Sadanitant il-bieraħ ġie fi tmiemu wkoll it-Tridu sollenni adunur San Lawrenz. Mons Lawrenz Sciberras niseġ l-aħħar priedka dwar San Lawrenz, liema priedka jidher li ntlegħet tajjeb ħafna mid-devoti li kulljum f’dawn it-tlett ijiem ħonqu l-Knsija. Iċ-ċapċipa li rċieva fl-aħħar tal-Festa hija xhieda ta’ dan.

Illum issir it-translazzjoni solleni li permezz tagħha ir-relikwija ta’ San Lawrenz b’mod l-aktar sollenni tiġi trasportata fil-Knisja. Wara l-quddiesa l-festa ta’ barra tkompli permezz ta’ marċi mill-Banda ċittadina La Stella u mill-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem. Fl-aħħar ser isir spettakklu ta’ nar ta’ l-art li minn sorsi infurmati tajjeb sirna nafu li ser ikun spettaklu tajjeb ħafna.