|
L-Emigrazzjoni
L-Għawdxin ta’ New Caledonia
L-istorja ta’ dawk ħutna li emigraw lejn l-Awstralja fil-bidu ta’ dan is-seklu hija storja li kwazi kulħadd insieha. Hija storja ta’ kuraġġ eroiżmu li ftit
insibu bħalu dan iz-zmien. Hija storja ta’ tbatija ta’ missierijietna li hallew
lil artna biex imorru jaqilghu bicca hobz ‘l boghol minn gziritna halli mill-Awstralja
jkunu jistghu jmantnu lill-familja taghhom.
Kien fit-12 ta’ Settembru 1916, fi żmien gwerra dinjija, meta 214 passiġġier
emigrant minn Malta u Għawdex sabu ruħhom fuq il-vapur “Gange” sejrin lejn l-Awstralja.
Kif waslu hemm, pero, sabu li kien hemm ħafna rewwixti kontra l-emigrazzjoni,
għaliex l-unions ta’ dak inhar kien daħħluha ġo rashom li dawn l-emigranti kienu
se jieħdu xogħol dawk l-Awstraljani li kellhom imorru jiġġieldu fil-gwerra.
 Waslu Freemantle fil-21 ta’ Ottubru, wara vjaġġ, tal-biża, b’tant maltemp li
l-vapur kien se jinqaleb. Ma ħallewhomx jinżlu hawn u wara jumejn li damu jistennew
fuq il-vapur, il-kaptan kellu jibqa sejjer Melbourne. Hawnhekk kellhom jagħmlu
test tal-lingwa, pero minflok bl-ingliz, dan it-test sar bl-Olandiż, u naturalment
kulħadd weħel! Din kienet manuvra biex żgur ma jinżel ħadd minn fuq il-vapur.
Il-vapur kellu jitlaq lejn Sydney fejn wasal fil-5 ta’ Novembru, kważi xagħrejn
wara li kien telaq minn Malta. Pero hawn ukoll, l-emigranti ma tħallewx jinżlu.
Sa gwardja militari għamlu fuq il-vapur biex żgur ħadd ma ħarab. Minkejja dan
xi 44 passiġġier irnexxilhom jaħarbu billi qabżu mill-vapur u għamu sax-xtajta.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn inqabdu u saru ruħhom mitfugh fil-habs.
L-Awtoritajiet ma kienux jafu x’se jaqbdu jagħmlu b’dawn il-Maltin. Peress li
l-vapur kien Franciz, iddecidew li jibgħatuhom fi Noumea, New Caledonia (kolonja
Franċiza). Il-Gange ħalla lil Sydney Harbour fit-12 ta’ Novembru għal Noumea,
fejn il-Maltin ġew alloġjati.
Wara ħafna negozjati, dawn l-emigranti sabu ruħhom għal darb’ohra fuq vapur
(St. Louis) sejrin lura lejn Sydney. Kif waslu, dawn ġew ittrasferiti għal fuq
biċċa ta’ vapur qadim li kien ankrat fil-port u għal tlett xhur sħaħ żammewhom
hemm, jistennew vapur iġibhom lura lejn Malta. Wara ħafna lmenti minn ħafna
nies, fosthom Fr. William Bonnet, dawn l-emigranti tawhom permess li jinżlu
Sydney. Dan kien fit-13 ta’ Marzu 1917, sitt xhur wara li kienu telqu minn Malta.
Malajr sabu x-xogħol min f’Sydney mal-kumpanija ta’ Lyell Mining Company, u
min telaq aktar ‘l fuq lejn Queensland fejn bdew jaħdmu fil-kannmieli.
Numru sew ta’ dawn l-emigranti kienu Għawdxin, ħafna minnhom kienu mill-Għarb
u San Lawrenz. Kien hemm 42 (20 fil-mija) mill-Gharb u 15 (7 fil-mija) minn
San Lawrenz. Hawn isfel nizzilt lista ta’ dawk kollha li kienu minn San Lawrenz.
Nota:
Din l-informazzjoni hija migbura mill-ktejjeb ta’ Frank Zammit: “Il-Ballata
tal-Maltin ta’ New Kaledonia” u mill-ktieb ta’ Barry York :”The Maltese in Australia”.
Hemm ukoll tejp fuq dan is-suggett.
Lista ta’ Emigranti Lawrezjani ta’ New Caledonia
Apap Lorenzo |
(ta’ Girgor) |
Axiak Paolo |
(ta’ Vellita) |
Axiak Paolo |
(ta’ Pawlozzu) |
Cassar Giusepp |
(taz-Zogu) |
Cauchi Lorenza |
(tal-Qaleb) |
Frendo Giusepp |
(tal-Ghawar) |
Gauchi Carmelo |
(ta’ Picoru) |
Grima Giusepp |
(tal-Beqbi) |
Grima Giusepp |
(tal-Koli) |
Grima Lorenzo |
(tan-Namrat) |
Grima Luigi |
(ta’ Dajsi) |
Mizzi Lorenzo |
(tal-Begiga) |
Mizzi Lorenzo |
(tas-Swejs) |
L-Emigrazzjoni minn San Lawrenz lejn pajjizi tal-Mediterran
San Lawrenz raħal jew belt? San Lawrenz huwa raħal f’Għawdex , pero huwa belt f’għajnejn id-dinja. Min jaf kemm hemm nies minn San Lawrenz jgħixu fil-bliet ta’ Melbourne u Sydney fl-Awstralja, f’New York u Detroit fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika; f’Toronto fil-Kanada; fl-Londra fl-Ingilterra? U f’ibliet oħra? F’dan l-artiklu u oħrajn futuri ser naraw kif San Lawrenz kiber u nfirex f’dawn il-bliet madwar id-dinja. Qabel din l-emigrazzjoni kien hemm emigrazzjoni oħra, l-emigrazzjoni lejn il-pajjiżi ġirien tagħna fil-Mediterran.
Għawdex Gżira ta’ l-Emigranti
Sa mill-qedem il-gżira Għawdxija kienet il-post ta’ emigrazzjoni u imigrazzjoni. Nies ġejjin u nies sejrin, biex jgħixu hawn u oħrajn biex jfittxu xogħol f’art oħra. Għawdex hija gżira ta’ l-emigranti – miż-żjara ta’ Ulyssis fl-Għar ta’ Kalypso fix-Xaghra fil-mitologija Griega sas-servizz ta’ l-Air Malta lejn il-Belt ta’ New York, l-Għawdxin huwa poplu mobbli ħafna fejn infirex f’ħafna pajjizi madwar id-dinja, fl-Awstralja b’madwar 40,000 Għawdxi; fl-Istati Uniti madwar 15,000 u fil-Kanada madwar 9,000 biex insemmi ftit. Hemm għadd kbir ta’ komunitajiet f’pajjizi oħra bħall-Ingilterra, f’Franza u xi pajjizi oħra tal-Mediterran. F’dan l-artiklu ser nittratta l-emigrazzjoni mir-raħal ta’ San Lawrenz lejn xi pajjiżi tal-Mediterran, l-ewwel lejn il-pajjiżi Għarab għat-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Eġittu u mbagħad lejn pajjiżi ta’ l-Ewropa t’isfel bħal Franza, l-Grecja u Ċipru fost oħrajn.
L-Emigrazzjoni lejn il-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq.
L-ewwel emigrazzjoni ta’ nies minn San Lawrenz kien lejn pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq, l-aktar lejn l-Algerija, t-Tuneżija u l-Eġittu fil-bidu tas-seklu dsatax fejn Malta kienet għadha kif saret kolonja ta’ l-Imperu Ingliż. Dak iż-żmien infetħu ħafna opportunitajiet għall-poplu tagħna għaliex kull Malti u Għawdxi kien sar sudditu Ingliż b’drittijiet kbar. B’hekk kull kolonja Ingliża kien aċċessibbli għall-Maltin u l-Għawdxin. Dan kien jinkludi l-Eġittu, Ċipru u Ġibilta fiż-żewġ truf tal-Baħar Mediterran. Numru ta’ nies minn San Lawrenz emigraw lejn il-bliet ta’ Lixandra u l-Kajr fejn bdew Ħajja ġdida hemm sa ma fl-1956 ir-reġim Eġizzjan keċċihom u ħadilhom il-proprjeta li kien akkwistaw matul is-snin. Il-maġġoranza tagħhom spiċċaw emigraw lejn l-Awstralja jew l-Ingilterra.
Il-Pajjizi li jitkellmu bil-Franciz – l-Algerija, t-Tunezija u Franza.
Il-Knisja Għawdxija kienet fost il-pionieri fil-missjonijiet fl-Afrika ta’ Fuq fejn bagħtet missjonarji lejn dawn il-pajjiżi bl-iskop ta’ evanġelizzazzjoni. Maż-żmien numru ta’ nies minn San Lawrenz marru f’dawn il-pajjiżi l-aktar fl-Alfiers, Bona u Phillipaville, fl-Alġerija u f’Tunes, fit-Tuneżija. Minkejja li dawn il-pajjiżi kienu kolonji Franċiżi u l-poplu tagħhom jitkellmu bil-Franciż u bl-Għarbi, nies minn san Lawrenz kienu jitkellmu bid-djalett ta’ San Lawrenz u dak Għawdxi u l-Għarab kienu jifhmuhom illi d-djaletti tagħna jixbħu l-Għarbi klassiku.
Mill-arkivji tal-passaporti li nsibu fiċ-Ċentru Nazzjonali ta’ l-Arkivji Santo Spirto fir-Rabat ta’ l-Imdina ħafna nies minn San Lawrenz kienu bdiewa jew ħaddiema ta’ l-id li marru jaħdmu mall-familji sinjuri Franċiżi li kellhom il-biċċa l-kbira ta’ l-art f’dawn il-pajjiżi. Maż-żmien dawn l-emigrani minn San Lawrenz tgħallmu ftit Franċiż u mxew fuq l-eżempju tal-pajżana fejn kienu jgħixu u emigraw lejn Franza għall-bliet ta’ Marsilja u dik ta’ Lyon fejn kien hemm xogħol fil-portijiet u l-industriji li nibtu mal-kosta Franciza. Il-komunita’ Lawrezjana f’Marsilja kien tgħix fil-viċinanzi tal-port famuż ta’ din il-belt fejn kien hemm xogħol tal-portijiet simili għax-xogħol li kien isir fil-portijiet tagħna u l-industriji li nibtu wara r-revoluzzjoni industrijali. L-istess fil-Belt ta’ Lyon li għalhekk mhix belt b’port, hi l-aktar belt industrijalizzata f’Franza wara Parigi. Illum insibu ħafna nies f’dawn il-bliet u madwar Franza kollha dixxendenza minn San Lawrenz li numru żgħir minnhom – ħafna drabi tlieta jew erba’ ġenerazzjonijiet wara, jiġu minn San Lawrenz ifittxju l-għerq tal-familja tagħhom, l-arblu tar-razza li joriġina minn San Lawrenz.
Il-Marokk u l-Libja
Jeżistu ftit nies minn San Lawrenz, anzi waħdiet fil-Marokk u l-Libja li qatt ma kienu postijiet għall-emigrazzjoni. Fil-Marokk dawn kienu jgħixu fil-bliet tar-Rabat u Casablanka u fl-ibliet ta’ Tripoli u Bengazi u ntbagħtu fil-kampijiet fl-Italja meta l-Italja ddikjarat gwerra kontra l-Ingilterra. Wara tlett snin dawn tħallew imorru lura l-Libja pero’ wara li l-Libja kisbet l-Indipendenza fl-1951 ħafna emigraw lejn l-Awstralja u postijiet oħra.
L-Eġittu
Nies minn San Lawrenz bhal eluf ta’ Għawdxin u Maltin oħra emigraw lejn il-bliet ta’ Lixandra, il-Kajr u Port Said fl-Egittu. Dan il-pajjiz kien fost l-aktar destinazzjonijiet populari għall-emigrazzjoni fejn insibu li fl-1927 kien hemm 20,000 Malti u Għawdxi fl-Egittu. Fl-1822 meta l-Ingilterra attakkat lil Lixandra madwar 8000 emigrant rritornaw lura lejn Malta u Għawdex. Fost dawn insibu nies minn San Lawrenz li baqgħu f’Għawdex jew emigraw lejn l-Awstralja. Fil-fatt fl-1950 waqt il-Presidenza ta’ Nar, il-maġġoranza ta’ l-emigranti Għawdxin ħarbu mill-Eġittu u emigraw lejn l-Awstralja jew l-Ingilterra. Illum jeżistu ftit familji ta’ oriġini minn San Lawrenz fl-Eġittu.
Ġibilita, Spanja u Greċja
L-istess nistgħu ngħidu għall-blata ta’ Ġibilta’. Waħdiet jgĦixu fuq din il-blata, u l-istess nistgħu ngħidu għall-bliet ta’ Valenza, Barcellona u Madrid f’Spanja.
Il-gzejjer tal-Ijonju, jiġifieri Korfu u Cephalonja kienu populari ħafna. Taħt ir-Renju Ingliz dawn il-gżejjer saru d-dar ta’ ħafna emigranti minn San Lawrenz u Għawdxin li fl-1815 sabu xogħol f’għadd ta’ proġetti kif ukoll biex tissaħħaħ l-influenza Ingliża fuq il-gżira b’populazzjoni Griega. Fl-1864 l-Ingilterra tat lil dawn iż-żewg gżejjer lura lill-Greċja riżultat li l-emigrazzjoni lejn dawn il-gżejjer waqaf u ħafna Maltin u Għawdxin emigraw lejn il-Belt ta’ Ateni u l-Port ta’ Pireus kif ukoll lejn il-belt port ta’ Cardiff, f’Wales. Għadd hemm ħafna Għawdxin fosthom minn San Lawrenz f’Korfu l-aktar f’Cozella li hija belt imsemmija għal Għawdex u f’Maltezika imsemmija għal Malta.
Ċipru u t-Turkija
Fil-każ ta’ Ċipru nsibu komunitajiet żgħar minn San Lawrenz li kienu emigraw hemm wara l-1878 meta Ċipru saret kolonja Ingliża. Minbarra l-Għawdxin li marru mat-truppi Ingliżi nsibu li fl-1925 kien hemm pjani biex komunita’ ta’ 2,000 Malti u Ghawdxi jibdew raħal hemm pero’ n-nuqqas ta’ flus mill-Ingilterra u l-marda tal-Malarja waqfet kollox. Il-Bliet ta’ Kostantinopli u Smyrna jew Ixmir kienu l-portijiet fejn numru żgħir ta’ Għawdxin emigraw biex jaħdmu hemm. Fl-1912 insibu li kien hemm 3,000 Malti u Għawdxi fid-distrett ta’ Galata. F’Izmir kien hemm komunita’ żgħira li sa l-1940 kienu kwazi kollha telqu lura lejn Malta u Għawdex imħabba nkwiet fil-pajjiż.
Ir-Rwol tal-Knisja Għawdxija
L-emigranti minn San Lawrenz dejjem fittxew postijiet fejn ikollhom knisja kattolika jew komunita’ missjonarja nisranija fil-viċin. Dan kien essenzjali għalihom mhux biss biex jżommu l-identita nisranija tagħhom iżda’ anke sakemm isibu posthom u jitgħallmu l-lingwa tal-post kellhom moħħhom mistrieħ li kellhom lil xi ħadd ta’ skola li setgħa jaqlahom f’kaz ta’ bżonn. Il-missjonarju u l-emigrant Għawdxi kien jikkomplimentaw lil xulxin u jagħmlu kuraġġ b’xulxin.
M’ghandiex x’ingħidu, meta xi ħadd kien jirritorna lura lejn Għawdex, żgħażagħ subien minn San Lawrenz kienu jistaqsu ħafna mistoqijiet dwar il-post u l-aktar fil-ħwienet ta’ l-imbid li kienu mxerdin mar-raħal. Mistoqsijiet komuni kienu: “kif inhu l-post? Hemm xejn xogħol? Kif ser nitla miegħek? Irranġali…!”
L-emigrazzjoni lejn dawn il-pajjizi qeda tonqos ma l-Ewwel Gwerra Dinjija u spiċċa għal kollox mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, b’emigrazzjoni lejn dawk il-pajjizi kien l-ewwel pass għall-persuni minn San Lawrenz li fid-dekani ta’ wara nfirew sat-truffijiet tad-dinja. Il-kuraġġ u l-karattru tagħhom waslu biex ma jibqax biss ċittadin minn San Lawrenz, Għawdxi jew Malti, iżda verament ċittadin tad-dinja moderna. Mexxa maż-żminijiet u għamel passi ta’ ġgant ‘ l quddiem, minkejja li ħafna drabi minn San Lawrenz bħal kumplament t’Għawdex kien minsi mill-ħakkiema Ingliżi u wara mill-gvernijiet ċentrali Maltin.
|