|
Attivitajiet
Il-Kunsill jemmen ħafna fl-importanza tal-attivitajiet soċjali u kulturali għax bihom iħoss li jkun qed iqarreb iċ-ċittadin lejn il-Kunsill. Għall-avvenimenti u attivitajiet li jorganizza l-Kunsill, dejjem ikun hemm konkorrenza qawwija. Ġieli wkoll kellu attendenza aktar milli stenna.
Fost l-attivitajiet li l-Kunsill jorganizza annwalment huma:
Kompetizzjonijiet u serata tal-Karnival
Ta’ kull sena l-Kunsill jorganizza serata tal-Karnival fil-pjazza tal-lokal. Matul din is-serata mibarra li jkun hemm wirja ta’ żifniet, isiru kompetizzjoniet f’erba’ kategoriji li jikkonsistu f’kategorija għal karrijiet u maskeruni, kategorija għall-aħjar kostum għat-tfal minbarra r-raħal u kategorija għal kumpanija ‘hilarious’ bl-aħjar azzjoni komika. Bħala premijiet il-Kunsill jagħti flus lill-ewwel kategorija dik tal-karrijiet u trophies lill-kategoriji l-oħrajn.
Ħarġiet f’Malta u Għawdex
Ta’ kull sena l-Kunsill Lokali jorganizza ħarġiet kulturali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dawn isiru sabiex titkattar l-edukazzjoni. Bil-ħsieb ta’ soċjeta inklussiva, il-Kunsill jorganizza dawn l-attivitajiet għal kulħadd u mhux għal xi sezzjoni jew kategorija waħda. B’hekk tfal, żgħażagħ u anzjani jkunu qed jitgħallmu flimkien. F’dawn il-ħarġiet tingħata mportanza kbira lill-aspett edukattiv u dan sabiex kemm jista’ jkun malajr, tinqata’ l-mentalita li biex toħroġ trid bilfors tmur il-monti jew tmur tilgħab it-tombla. Għal dawn il-ħarġiet li qed jirnexxu ħafna, qed jattendu għalihom madwar mitt ruħ kull darba li jsiru. Meta tqis li San Lawrenz għandu biss popolazzjoni ta’ 500 ruħ, iċ-ċifra ta’ mitt ruħ hija ċifra tajba ħafna.
Meals on wheels fil-Milied u f’San Lawrenz
Għal dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kunsill Lokali San Lawrenz, fil-ġranet l-aktar sbieħ u importanti tas-sena, jiġifieri fil-Milied u fil-festa ta’ San Lawrenz, iqassam b’xejn platt sħun lil dawk l-anżjani kollha li jgħixu waħidhom fir-raħal. L-iskop tal-Kunsill hu li almenu f’dawk il-ġranet tant speċjali kulħadd ikun qed jiekol diċenti u jħossu f’ambjent ta’ festa u mhux dik ta’ solitudini. Dawn il-meals on wheels jitqassmu direttament mis-Sindku u l-kunsilliera. Jekk hawn xi hadd li għandu xi qraba tiegħu f’San Lawrenz li jgħixu waħidhom u ma humiex qed jiġu offruta dan is-servizz, huma mitluba jikkutatjawna fuq Email: jew numru tat-telefon 21563556.
Jum San Lawrenz
Ta’ kull sena fl-ewwel jiem ta’ Ġunju, l-Kunsill jorganizza sensiela ta’ attivitajiet li jfakkru Jum il-lokal hekk imsejjaħ “Jum San Lawrenz’. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet il-Kunsill ikun qed ifakkar it-twaqqif tal-Kunsill Lokali fir-raħal.
Premju San Lawrenz
Ta’ kull sena, fl-ewwel ġranet ta’ Ġunju, il-Kunsill Lokali San Lawrenz ifakkar egħluq it-twaqqif tiegħu. Dak inhar il-Kunsill jagħti rendikont ta’ dak li jkun wettaq u l-programm tiegħu għas-sena li tkun ser tibda. B’hekk il-poplu jkun iktar milħuq u infurmat b’ħidmet il-Kunsill. B’rikonoxximent lejn is-soċjeta’ Maltija, u ispirati mill-ħajja tal-Qaddis Patrun tar-raħal San Lawrenz, li f’ħajtu kellu għall-qalbu il-persuni bi bżonnijiet speċjali, il-Kunsill Lokali San Lawrenz jaghti premju fuq bażi Nazzjonali bl-isem PREMJU SAN LAWRENZ li permezz tiegħu jirrikonoxxi lill-Għaqdiet Maltin li jaħdmu qalb il-persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan il-premju intrebaħ mill-Creche ta’ l-Ursolini, Dar Merħba Bik, il-Kummissjoni Emigranti, Għaqda Għawdxija Persuni b’Diżabilita, l-Hospice Movement, Dar tal-Providenza, Hbieb tal-Morda u Anzjani f’Għawdex, Little Sisters of the Poor, il-Fondazzjoni Arka, il-Fondazzjoni Oasi, il-Caritas. Permezz ta’ dan il-Premju, il-Kunsill Lokali jrid jilħaq għan ieħor, dak li joħloq kuxjenza fost iċ-ċittadini tiegħu li għalkemm igħixu f’lokalita’ żgħira xorta waħda jiffurmaw parti minn pajjiż wieħed. Kull persuna trid tagħmel l-parti tagħha sabiex ittejjeb il-livell tal-għixien b’mod ġenerali.
Tqassim ta’ hampers lill-anzjani
Bħala parti mill-festi ta’ Jum San Lawrenz il-Kunsill iqassam hamper ta’ ikel u frott lix-xjuħ kollha li għandhom ‘il fuq minn tmenin sena. Ix-xjuħ ikunu jistennew din l-attivita bil-ħerqa mhux biex jakkwistaw il-hamper iżda għax japprezzaw il-fatt li xi ħadd ħaseb fihom u mar iżurhom.
Korsijiet edukattivi
Il-Kunsill Lokali San Lawrenz jemmen ħafna fil-lifelong learning liema edukazzjoni tibqa tingħata anke wara ż-żmien obligatorju ta’ l-iskola. Apparti l-korsijiet bħalma huma korsijiet tal-ganutell, bizilla, pittura u oħrajn, il-Kunsill organizza wkoll korsijiet fil-letteratura u anke fil-lingwa Maltija għal dawk l-adulti li ma jafux jaqraw u xtaqu li jitgħallmu.
Party tal-Milied għat-tfal
Ta’ kull sena bħala parti mill-attivitajiet tal-Milied, il-Kunsill Lokali jaħseb sabiex jorganizza party għat-tfal kollha tar-raħal. Dan il-party dejjem ġie milqugħ tajjeb ħafna mit-tfal u l-attendenza għalih tkun ta’ mija fil-mija. Minbarra li jkollhom ikel u xorb kemm iridu kull tifel u tifla li jattendu jingħataw rigal tal-Milied. Dawn il-parties ma jkunux kompluti mingħajr il-preżenza ta’ Father Christmas u logħob kontinwu għal etajiet differenti. Dan il-party ġeneralment jiġi organizzat fil-ġimgħa ta’ bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Get-together għall-għaqdiet tar-raħal fil-Milied
Biex jirringrazzja lil kull għaqda li hawn fir-raħal darba fis-sena proprju fi żmien il-Milied, il-Kunsill jorganizza Get-together speċifikat għalihom. Din isservi ta’ għaqda bejn l-għaqdiet kollha u wkoll ta’ rikonoxximent għax-xogħol siewi li jagħmlu fuq bażi volontarja mal-komunita matul is-sena.
|